'Iċ-ċiklisti li dehru fuq ir-ritratt ma kienu qed jiksru l-ebda liġi'

L-Għaqda taċ-ċiklisti tiċċara u tispjega id-differenza bejn ċiklisti li jistgħu jużaw it-triq u oħrajn li jistgħu jużaw bankina

Wara li deher fuq dan il-portal ritratt ta' ċiklisti mhux isuqu fuq il-bicycle lane, filwaqt li trakk jikser il-liġi vilment li jaqbeż il-linja sħiħa u jmur fuq in-naħa l-ħażina tat-triq b'periklu kbir għal min hu ġej fi triqtu, diversi ċiklisti urew korla wkoll għaxl dak li ktibt u b'edukazzjoni, anke jekk ftit urtati talbuni biex nagħtuhom mod kif dawn jistgħu jwasslu l-kjarifika tagħhom għaliex dawk iċ-ċiklisti kienu qed isuqu tajjeb u ma kienu qed jiksru l-ebda liġi. Il-liġi skont huma kisirha dak il-persuna li ġibed ir-ritratt (filmat) waqt li kien qed isuq u poġġieh fuq facebook.

L-ILLUM talabhom jibagħtulna spjegazzjoni uffiċċjali ħalli kulħadd ikun jaf eżatt kif wieħed irid jirispetta liċ-ċiklisti fit-toroq u ta' dan nirringrazzjaw lil BAG u lil Fabio Spiteri li kien l-ewwel ċiklist li kkuntatjana dwar din l-istorja. 

BAG kitbulna dan li ġej:

 

Il-liġi tgħid dan li ġej:

Leġiżlazzjoni sussidjarja 65.26 – Regolamenti dwar vetturi b’qawwa baxxa u ċikletti bil-pedali

Kapitlu 11

  1. Ħadd ma għandu jsuq jew jippermetti li tinsaq ċikletta bil-pedali jew ċikletta bil-pedali li taħdem ukoll bl-għajnuna ta’ mutur, kompriża pedelec, għajr jekk immarkat xort’oħra -

    1. fuq promenade;

    2. f’subways użati mill-pubbliku;

    3. f’mini li jiffurmaw parti minn triq;

    4. fuq bankini:

Iżda, ċikletti bil-pedali, kompriżi pedelecs b'mutur li jipproduċi 250w jew inqas jistgħu jinsaqu, bi prudenza, fuq bankini tul bypasses u fuq bankini f’mini, b’veloċità ta’ mhux aktar minn 6 kilometri fis-siegħa u billi tingħata d-dritta lil min ikun għaddej bil-mixi. F’kull każ ċikletti bil-pedali żgħar jistgħu jinsaqu fuq bankini u promenades minn tfal taħt l-età ta’ tnax-il sena.

  1. Meta persuna tkun qed issuq ċikletta bil-pedali jew ċikletta bil-pedali li taħdem ukoll bl-għajnuna ta' mutur, kompriża pedelec, fit-triq, għandha żżomm kemm hu possibbli ’l ġewwa ħafna fuq ix-xellug tat-triq fid-direzzjoni tat-traffiku ħlief meta jkun qed joqrob intersezzjoni jew roundabout jew meta jkun qed jaqbeż vetturi oħra.

http://www.justiceservices.gov.mt/DownloadDocument.aspx?app=lom&itemid=9209&l=2

 

Fir-ritratti li dehru fuq il-Facebook, ma tidhirx korsija tar-roti (bike lane). Korsija tar-roti tkun parti mit-triq, bħall-korsiji l-oħra. Dik mogħdija fuq il-bankina (bike track) b'limitu tal-veloċità skont il-liġi ta' 6km/h (qisek qed timxi), kif inhu msemmi fil-leġiżlazzjoni sussidjarja 65.26, Kap. 11 Art. 1.

Kif tgħid ċar il-liġi, is-sewwieqa tar-roti “jistgħu jużaw din it-tip ta’ infrastruttura, imma mhumiex obbligati jagħmlu dan.

Barra minn hekk, skont il-liġi, bniedem bir-rota hu obbligat isuq fil-ġenb tat-triq max-xellug, mhux fuq il-bankina.

“għandha żżomm kemm hu possibbli ’l ġewwa ħafna fuq ixxellug tat-triq fid-direzzjoni tat-traffiku ħlief meta jkun qed joqrob intersezzjoni jew roundabout jew meta jkun qed jaqbeż vetturi oħra.” – Kapitlu 11, Artiklu 2 tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 65.26

Għalhekk mhux kontra l-liġi li ma tużax mogħdija tar-roti fuq il-bankina. F’dan il-każ, il-liġi tagħtik l-għażla li jew tuża l-mogħdija fuq il-bankina bil-mod ħafna (6km/h), jew inkella tuża t-triq kif ħafna jagħmlu.

 

Il-problemi bil-mogħdijiet tar-roti fuq il-bankina:

  1. Trid issuq b’veloċità massima ta’ 6km/h (bħall-mixi)

  2. Trid tagħti d-dritta lil min ikun bil-mixi

  3. Trid ukoll tieqaf għal kull vettura li tinzerta ħierġa minn xi għalqa jew triq fil-ġenb, minkejja li qiegħda tul triq prinċipali, fejn normalment it-traffiku jkollu d-dritta

  4. Fihom ħafna rampi għad-daħliet tal-għelieqi. Tal-Imġarr biss biss fiha aktar minn 60 rampa, jiġifieri qisek għandek triq b'60 tumbata (sleeping police)!

  5. Is-siment skomdu għax bl-iskossi kontinwi u jiġi jiżloq meta jixxarrab.

 

Għalhekk huwa ċar li din it-tip ta’ infrastruttura hija magħmula għal min isuq bil-mod ħafna, b’veloċità tal-mixi, bħal ngħidu aħna xi ħadd li joħroġ lit-tfal żgħar miegħu, għax biex wieħed isuq ir-rota b’veloċità tal-mixi għal dawk il-kilometri sħaħ, jista’ jħalli r-rota d-dar u jimxiha mill-ewwel! Il-problema li ġenitur bit-tfal wisq probabbli ma jmurx fi triq bħal din, u għalhekk dan juri kemm din it-tip ta’ infrastruttura mhix f’lokha.

Din hija t-tip ta’ infrastruttura li wieħed normalment isib f’żoni urbani, bħal Tas-Sliema, jew f’parks rikreattivi. L-iskop tagħha huwa li tiffaċilita l-ivvjaġġar fil-belt għal min ikun qed jagħmel ix-xirja bir-rota jew xi qadi fil-viċin u jkun qed jivvjaġġa bil-mod filwaqt li jieqaf spiss biex jara x’hemm fil-vetrini tal-ħwienet, mhux fi triq bħal din. Barra minn hekk, normalment ma tkunx obbligatorja għax fin-natura tagħha hija intenzjonata għal sewqan pjuttost kajman, u rota tista' tinstaq b'veloċità ferm ogħla milli tippermetti din it-tip ta' infrastruttura. Għalhekk tingħata l-għażla.

 

Għaldaqstant, din it-tip ta' infrastruttura mhix postha f'din it-triq u l-awtoritajiet imisshom ilhom li irranġaw is-sitwazzjoni. Korsija fil-ġenb kienet tkun irħas, eħfef u ferm aktar utli minn din l-imbarazz li ħlief kunflitti ma toħloqx. Jekk xejn l-awtoritajiet għandhom joħorġu fil-pubbliku u jammettu li sar żball, u tfiehem il-liġi lill-pubbliku biex in-nies tkun taf għala mhix tintuża u għala mhix obbligatorja.

 

Meta taqbeż rota fit-triq.

M’għandu qatt wieħed jgħaddi viċin wisq ta’ rota meta jkun qed jaqbiżha. Dan għaliex rota, peress li qiegħda fuq żewġ roti, trid spazju fuq iż-żewġ naħat biex tibbilanċja u jaf ma tinżammx dritta xemgħa, speċjalment meta tkun tielgħa telgħa bil-mod. Barra minn hekk, jista’ jkun hemm ostakli fit-triq, bħal karozzi pparkjati ħażin, bibien ta’ karozzi pparkjati li jinfetħu għal għarrieda, ħġieġ, ħofor, u elf ħaġ’oħra. Jekk karozza tkun qed taqla’ rota viċin wisq hekk kif il-persuna fuq ir-rota tiltaqa’ ma’ xi ostaklu, mhix se tkun tista’ tevita inċident.

 

X’għandek tagħmel biex taqbeż rota:

  1. Mhux dritt fundamentali tal-bniedem li taqbeż kull rota li ssib quddiemek fil-pront. Xi kultant jaf ikollok tistenna ftit sekondi, bħalma tistenna meta ssib vetturi kbar oħra mexjin bil-mod, bħat-trakkijiet

  2. Jekk it-triq fiha żewġ korsiji, ibdel il-korsija bħalma tagħmel meta taqbeż vetturi oħra

  3. Jekk le, qis li tħalli spazju adekwat bejn il-vettura tiegħek u r-rota:

    1. Għal veloċità li ma taqbiżx il-50km/h nirrakkomandaw tal-anqas metru spazju bejn ir-rota u l-vettura li qed taqbeż

    2. Għal veloċità li taqbeż il-50km/h nirrakkomandaw tal-anqas metru u nofs bejn ir-rota u l-vettura li qed taqbeż. (Xi kultant jaf jagħmel aktar sens tnaqqas ftit mill-veloċità, u b’hekk ikollok bżonn inqas spazju)

Dan ifisser li fi triq b’korsija waħda f’kull direzzjoni, jaf ikollok taqsam għal ftit fil-korsija opposta meta ma jkunx ġej traffiku u meta l-linja tan-nofs ma tkunx sħiħa. Huwa obbligu tas-sewwieq li jara li mhux ġej traffiku qabel ma jagħmel dan, għalhekk xi kultant jaf ikun hemm bżonn li tistenna ftit sekondi, bħalma wara kollox jiġri meta jkun hemm vettura oħra kwalunkwe miexja bil-mod.

 

Meta l-linja tan-nofs tkun sħiħa, u xorta ma jkunx hemm spazju fejn taqbeż, wieħed irid jistenna sakemm iċ-ċirkostanzi tat-triq jippermettu. Din hija l-liġi s’issa.

 

Aħna, bħala BAG ipproponejna li tinbidel il-liġi biex tippermetti li f’dan il-każ, il-vetturi jkunu jistgħu jirfsu linja sħiħa u jaqbżuha bi ftit b’naħa waħda tal-vettura biex jaqbżu rota b’mod aktar sigur. Dan, però, ikun jista’ jsir biss meta t-traffiku jippermetti u meta ma jkunx hemm traffiku ġej minn faċċata. Din hija liġi li ssibha taħdem sew f’ħafna pajjiżi. Wara kollox, dawn il-linji sħaħ huma intenzjonati biex iwaqqfu l-karozzi milli jaqbżu ’l xulxin f’punti tat-triq fejn il-vista ma tkunx tajba. Però, filwaqt li biex taqbeż karozza oħra trid tmur fil-korsija opposta kompletament, biex taqbeż rota trid tersaq ftit biss u għalhekk il-vista tkun aħjar u r-rota nnifisha ma tgħatti xejn mill-vista, mhux bħal karozza jew trakk. Barra minn hekk, rota tinqabeż malajr, filwaqt li meta karozza tkun qed taqbeż karozza oħra għaddejja b’veloċità simili din iddum ħafna iżjed fil-korsija opposta. Għal dawn ir-raġunijiet, nemmnu li liġi bħal din tnaqqas ħafna minn dawn il-kunflitti bla bżonn li jinħolqu fit-toroq tagħna.

 

More in Kronaka