Michael Camilo Precth jingħata sentenza sospiża

Hu kien diġà wettaq dawn ir-reati fin-Norveġja, l-Iżvezja u d-Danimarka

Michael Camilo Precth
Michael Camilo Precth

Minn informazzjoni li għadha kif kisbet il-gazzetta ILLUM, il-ġuvni li bħalissa tressaq il-Qorti fuq akkużi li kien qed jilgħabha ta' tabib f'uffiċċju f'Mater Dei, ilu jagħmel ħwejjeġ bħal dawn f'pajjiżi oħra.

Minn informazzjoni li ġabet il-gazzetta Precht għamel dawn l-atti fid-Danimarka, in-Norveġja u l-Iżvezja.

Jekk wieħed jikteb ismu fuq Google, Michael Camilo Precth, li għandu 25 sena, immedjatament jitilgħu paġni li ġew kreati apposta biex iwaqqfu lil Precth. Persuna li tkellem mal-gazzetta qalet li "dan moħħu biex iqarraq bit-tfajliet żgħar f'dawn il-pajjiżi. Hu diġà wettaq dan ir-reat fejn anke kien iħeġġeġ lit-tfajliet biex iħalluh jiġbed filmat tagħhom waqt li jkun qed jiċċekkjahom."

Fuq Facebook hemm paġna li taħdem biex twaqqaf lil dan iż-żagħżugħ.

Paġna Daniża fuq Facebook li qed taħdem biex twaqqfu
Paġna Daniża fuq Facebook li qed taħdem biex twaqqfu

Dan instema' wkoll fil-qorti llum wara li ngħata sentenza sospiża fis-smiegħ tiegħu wara li tressaq b'urġenza.

Jidher li d-Daniż li kien imwieled fil-Kolombja, kien imressaq quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli u kien akkużat b'assalti indiċenti u vjolenti. Kien ukoll qed jilgħabha ta' persuna li ma kienx, u uża dokumenti foloz.

L-Ispettur Jeanne Farrugia qalet lill-Qorti li l-akkużat qal li kien f'Malta fuq vaganza. Hu kkuntattja tliet mudelli żgħażagħ Maltin, qallhom li jrid is-servizzi tagħhom biex jibda sit elettroniku bl-isem Lifeguard Academy. Qal lill-vittmi li t-testijiet mediċi kellu bżonnhom minħabba l-assigurazzjoni, imma din ma kinitx problema hekk kif hu kien tabib u seta' jagħmel dan hu stess.

Il-Ġimgħa u s-Sibt li għadda, hu mar fl-Isptar Mater Dei wara s-6pm, u uża karta ta' identifikazzjoni Daniża, sab kmamar disponibbli u għamel "testijiet mediċi" fuq il-mudelli. It-testijiet inkludew ECG, li waħda min-nisa kellha tinża b'sidirha barra biex tagħmlu. Waħda kellha wkoll tgħaddi minn eżaminazzjoni ta' sidirha.

Hu ta lit-tfajliet rapport falz, misruq minn formola tal-isptar. Qallhom ukoll biex isibu "għarus, biex ikun jista' jagħmlilkom ftit massaġġi kuljum."

F'dan il-punt waħda mit-tfajliet bassret li hemm xi ħaġa mhux tagħmel sens u infurmat lill-Pulizija.

L-Avukat Gianella Demarco qalet lill-Qorti li kien kollu nuqqas ta' ftehim u li l-akkużat ħaseb li hu kellu l-awtorizzazzjoni kollha biex jagħmel dak li għamel imma "mid-dehra ma kellux." Hi spjegat kif il-kwalifikazzjonijiet tal-klijent tagħha kienu għadhom mhux rikonoxxuti mill-awtoritajiet lokali, "u prefera li jaqbad u jagħmel dan bla ebda telf ta' ħin." Hi semmiet li kellu kondotta nadifa u ma kien l-ebda vjolenza fiżika.

Fuq parir tal-avukat, Precht qal li hu ħati għall-assalti indiċenti u vjolenti u kien ikkundannat sentejn ħabs, sospiżi għall-erba' snin u mmultat €2,300.

More in Kronaka