[FILMAT] Ħadd ma jweġġa’ wara li sfronda saqaf fil-Gżira

Kien ilu jwissi lill-kuntrattur li mhux qed jaħdem sew

Uħud mix-xorok li ċedew fid-dar tal-familja Zahra. Ritratt John Pisani
Uħud mix-xorok li ċedew fid-dar tal-familja Zahra. Ritratt John Pisani
Il-ħsara fid-dar tal-familja Zahra. Ritratt John Pisani
Il-ħsara fid-dar tal-familja Zahra. Ritratt John Pisani
Pulizija tal-RIU ħiereġ mid-dar tal-familja Zahra. Ritratt John Pisani
Pulizija tal-RIU ħiereġ mid-dar tal-familja Zahra. Ritratt John Pisani
il-Pulizija tad-Distrett li marru fuq il-post. Ritratt John Pisani
il-Pulizija tad-Distrett li marru fuq il-post. Ritratt John Pisani
Filmat - John Pisani

Għall-ħabta tas-2pm hekk kif Joseph Zahra ta’ 51 sena u martu Veronica ta’ 49 sena mill-Gżira daħlu fid-dar tagħhom fi Triq Manoel de Vilhena ħadu xokk meta raw li s-saqaf li għandhom qrib il-kamra tas-sodda sfronda.

Joseph spjega lil illum.com.mt li hu u martu ħarġu mid-dar biex imorru jagħmlu xi qadi u kif irritornaw sabu s-saqaf sfrundat. Huwa qalilna li għal dan l-aħħar xahar il-ġar tiegħu kien qed jagħmel xogħol ta’ kostruzzjoni fejn qed itella’ aktar sulari. Id-dar tal-ġar, Alex Bugeja, tiġi fuq id-dar tal-familja Zahra.

Joseph kompla jgħidilna li mhux l-ewwel darba li ġibed l-attenzjoni tal-kuntrattur, li qed jagħmel ix-xogħol għal Bugeja, li ma kienx qed isir xogħol sew għax fejn qed itella’ hemm ix-xorok.

Veronica qalet li b’xorti tajba wliedhom, ġuvni u tfajla li hija persuna bi bżonnijiet speċjali ma kinux id-dar. “Ħafna mill-ħin inkun f’dik il-parti tad-dar”, qaltilna Veronica, "mnalla ma konniex id-dar għax kienet isseħħ xi traġedja."

Mhux magħruf għaliex sfrondat il-parti tas-saqaf. Partijiet mis-suffett u xi xorok waqgħu li kkawżaw ħsarat fid-dawl u l-ħitan.

L-ewwel ma waslu fuq il-post kienu l-Pulizija mill-Iskwadra tal-RIU li kkalmaw lill-koppja Zahra li dehru li kellhom xokk fuqhom kif ukoll rabja għall-kuntrattur. Aktar tard waslu wkoll il-Pulizija tad-Distrett immexxijin mill-Ispettur Jason F. Sultana flimkien mas-Surġent David Sant u l-Kuntistabbli Rachel Hamd.

Dan is-sit talab ukoll il-kummenti ta’ Alex Bugeja li qalilna li l-importanti li ma weġġa’ ħadd u l-unika ħaġa fuq moħħu kienet kif se jsolvi l-problema tal-familja Zahra. Min-naħa tiegħu l-kuntrattur irrifjuta li jagħtina l-verżjoni tiegħu.

Huwa mifhum li ż-żewġ partijiet se jqabbdu l-periti rispettivi tagħhom biex jaraw kemm hemm ħsarat u jekk il-post hux sigur li jkomplu joqogħdu fih sakemm jittranġa. 

More in Kronaka