Ħallelin jaħtfu oġġetti minn idejn in-nies u jaħarbu

Il-Pulizija mill-RIU jaqbdu persuni li kienu għadhom kif wettqu serqa

Ritratt - John Pisani
Ritratt - John Pisani

Il-Pulizija mill-Iskwadra tar-Rapid Intervention Unit, bl-għajnuna ta’ xi nies ċivili, irnexxielhom jaqbdu mill-inqas żewġt irġiel li llum u x’aktarx anke fil-jiem li għaddew wettqu serq magħruf bħala “Snatch&Grab”, fejn il-ħallelin javviċinaw lill-vittmi, jaħtfulhom dak li jkollhom f’idejhom u jaħarbu.

Sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija qalu lil illum.com.mt li ġeneralment il-ħallelin iwettqu dan it-tip ta’ serq u wara jaħarbu bil-ġiri u jħallu lill-vittma sorpriżi b’dak li jkunu għaddew minnu. Iżda f’dan il-każ l-allegat ħallelin kienu qegħdin jagħmlu użu minn karozza.

Skont l-istess sorsi l-Pulizija kellhom diġà rapport li l-istess irġiel kienu diġà wettqu serq simili fil-jiem li għaddew. Illum huma komplew, iżda din id-darba kien hemm xi ħadd li nnota mhux biss it-tip ta’ vettura li kienu qegħdin jużaw imma wkoll in-numru tar-reġistrazzjoni.

Waqt ronda li l-Pulizija tal-RIU kienu qegħdin jagħmlu fl-inħawi tal-Mosta u Birkirkara, wasiltilhom informazzjoni li l-allegat ħallelin kienu f’dawk l-inħawi. Fil-fatt il-Pulizija waqfu lill-allegat ħallelin fil-bypass ta’ Birkirkara llum għall-ħabta tat-3.30pm.

L-irġiel fil-karozza tal-marka Opel ġew arrestati u nżammu għal aktar investigazzjonijiet.

More in Kronaka