Każ li waħħax lil Malta 32 sena ilu

L-ewwel parti

 

Boroż mimlijin b’partijiet tal-ġisem imqatta’ jittellgħu mill-bir mill-Pulizija tal-Forensika
Boroż mimlijin b’partijiet tal-ġisem imqatta’ jittellgħu mill-bir mill-Pulizija tal-Forensika
Il-koppja Cauchi fil-ġurnata tat-tieġ
Il-koppja Cauchi fil-ġurnata tat-tieġ
Pulizija u esperti ħdejn il-bir fejn instabu l-fdalijiet ta’ Lino Cauchi
Pulizija u esperti ħdejn il-bir fejn instabu l-fdalijiet ta’ Lino Cauchi
Lino Cauchi
Lino Cauchi

Kull qtil huwa reat serju u tal-biża’, imma jkun hemm ċertu każi li minkejja li jgħaddu s-snin minn fuqhom jibqgħu jissemmew għal mod kif seħħew. Fost dawn hemm l-omiċidju ta’ Lino Cauchi li kellu 32 sena minn Santa Venera liema każ seħħ 32 sena ilu. Kien każ li waħħax lil ħafna nies.
L-aħħar darba li Lino Cauchi deher ħaj kien nhar it-Tnejn, 15 ta’ Frar, 1982 meta martu Anna ratu ħiereġ mid-dar fis-1.30pm. Tliet snin u disa’ xhur wara nstabu fdalijiet umani f’bir fil-Buskett fil-post magħruf bħala “Il-Bosk”, limiti tal-Girgenti.
Peress li kien għadda ħafna snin mindu Cauchi deher l-aħħar darba ħaj sa meta nstabu l-fdalijiet, il-Pulizija qatt ma setgħet tistabilixxi d-data eżatt meta nqatel.
 
Inħataf minn ħdejn id-dar?
Lino Cauchi kellu uffiċċju fi Triq il-Fran fil-Belt u wara li jkun spiċċa mill-uffiċċju kien jara xi klijenti d-dar ukoll. Fil-fatt dakinhar kienu marru xi klijenti d-dar f’Santa Venera, iżda martu Anna, li dak iż-żmien kellha tliet xhur tqala, qaltilhom li żewġha ma kienx għadu wasal mix-xogħol. Kien hemm min ħaseb li Lino ma riedx jarahom peress li l-karozza tiegħu, Morris 1100 bin-numru T5151, kienet ipparkjata ftit metri ’l bogħod mid-dar.
Meta Anna ttawlet u rat il-karozza, għalkemm ratha stramba kif Lino ma kienx ipparkja l-karozza bħas-soltu fid-‘drive-in’, ħasbet li forsi ltaqa’ ma’ xi ħadd u mar miegħu mingħajr ma daħal jgħidilha. Iżda jidher li Lino kien twaqqaf qabel daħal fid-‘drive-in’ tad-dar biex jevitaw li tinduna martu u nħataf minn xi persuni.
Bil-ħin għaddej u Lino baqa’ ma deherx, Anna tħassbet u marret għand il-ġirien titlob l-għajnuna, iżda dawn qalulha biex iżżomm kalma u tistenna ftit ieħor għax forsi Lino kien ma’ xi klijenti. Anna marret lura d-dar u għamlet lejl sħiħ tistenna.

L-aħħar movimenti ta’ Lino
Fatti interessanti jinsabu ppubblikati fil-ktieb ta’ Saviour Balzan bit-titlu “Saying it as it is” – l-ewwel volum.
Fil-15 ta’ Frar 1982 Lino Cauchi mar id-dar biex jiekol u qabel ħareġ mid-dar biex imur lura l-uffiċċju fil-Belt qalilha “Narak illejla”. Dawn kienu l-aħħar żewġ kelmiet li semgħet lil Lino jgħid u l-aħħar darba li ratu ħaj.
Bejn is-2.30pm u s-6.30pm Lino ma ħariġx mill-uffiċċju tiegħu fi Triq l-Ifran fil-Belt u kien il-ħin kollu ma’ wieħed mill-klijenti. Dan ir-raġel kien stqarr mal-Pulizija li għall-ħabta tal-5pm Cauchi rċieva telefonata u semgħu jgħid li “nista’ niġi għax il-karozza mhux qegħda ’l bogħod minn hemm.”
Lino u l-klijent tiegħu ħarġu mill-uffiċċju fis-6.30pm. Ftit tal-ħin wara huwa deher jitkellem ma’ ċertu Frank Fenech u Martin Attard, żewġ persuni li Cauchi kien jaf sew u wara deher jimxi lejn il-karozza tiegħu. Minn dak il-ħin Cauchi ma deherx aktar.

L-ebda sinjal ta’ taqlib
Kmieni l-għada filgħodu, it-Tlieta 16 ta’ Frar ftit qabel is-6.30am, qraba ta’ Lino Cauchi marru l-uffiċċju tiegħu fil-Belt bit-tama li jsibu xi ħjiel dwar fejn seta’ mar Lino, iżda hemmhekk ma sabu xejn stramb jew suspettuż. La kien hemm sgass, jew taqlib u xejn ma deher li kien insteraq. Lino Cauchi kien għeb mingħajr ebda sinjali ta’ xejn.
Aktar tard filgħaxija uffiċjal għoli mid-Dipartiment tat-Taxxi mar id-dar ta’ Lino fejn sab lil Anna Cauchi. Dan l-uffiċjal, li kien magħruf bħala ‘il-Mulej’, talab lil Anna biex tgħaddilu d-dokumenti kollha relatati ma’ kuntratti. Il-mara sabet il-files kollha u għaddithom lil dan l-uffiċjal.

Tinstab il-bagalja ta’ Cauchi
B’dan l-għibien kienu infurmati l-Pulizija li bdew bi tfittxija intensiva f’diversi lokalitajiet. L-Erbgħa, 17 ta’ Frar 1982 f’Chadwick Lakes il-Pulizija kienu sabu l-bagalja ta’ Cauchi, mhux biss instabet vojta, imma min fetaħha għamel dan billi sgassaha. Dan kien jindika li l-bagalja ta’ Cauchi nfetħet mhux fil-preżenza tiegħu.
Għal Anna Cauchi din kienet xi ħaġa stramba għax Lino kienu bniedem organizzat u ma kienx se jħalli l-bagalja tiegħu b’dokumenti ta’ klijenti mitluqa u għaldaqstant mill-ewwel bdew deħlin suspetti serji. Iżda minkejja li l-Pulizija u l-familja ħasbu ħażin, kienet diffiċli biex jaslu għal xi konklużjoni jew suspetti.
Kienu diversi t-teoriji li bdew ħerġin bihom, fosthom li Lino mar hemmhekk biex ikun għal kwiet ’il bogħod minn kulħadd. Seta’ Lino siefer mingħajr ma qal lil ħadd? Din it-teżi ma tantx kienet tagħmel sens għax Lino ma kellu ebda nkwiet, speċjalment mal-familja u ma kien hemm ebda rekords li Lino kien ħareġ minn Malta. Il-Pulizija kienu għamlu tfittxija intensiva fl-inħawi ta’ Chadwick Lakes għax ħasbu li Cauchi seta’ ħassu ħażin u kien mitluf minn sensih x’imkien fejn ma jidhirx.
Wara jiem u ġimgħat bl-ebda traċċa jew ħjiel fejn seta’ kien, għall-Pulizija Lino Cauchi beda jitqies uffiċjalment bħala persuna nieqsa tant li ntalbet l-għajnuna tal-pubbliku biex min kellu xi tip ta’ informazzjoni jgħaddiha lill-Pulizija.

Jinstabu fdalijiet umani fil-Buskett
Il-Ġimgħa, 15 ta’ Novembru 1985, tliet snin u disa’ xhur wara l-għibien ta’ Lino Cauchi, il-Pulizija waslitilha informazzjoni mingħand raġel li xi jiem qabel kien għadda minn esperjenza xejn sabiħa.
Il-bidu għas-sejba tal-fdalijiet ta’ Cauchi kien il-Ħadd, 10 ta’ Novembru meta raġel minn San Ġiljan mar jaħsel il-karozza tiegħu il-Buskett fil-post magħruf bħala “Il-Bosk”. Dan il-post kien magħruf minn dawk li kienu jmorru hemm biex jaħslu l-karozza peress li kien hemm bir bl-ilma ġieri u ma kienu jdejqu lil ħadd.
Kif dan ir-raġel neħħa l-pjanċa tal-landa li kienet tgħatti l-bokka tal-bir u tefa’ l-barmil biex jimlih bl-ilma, il-ħabel waqagħlu minn idejh bil-barmil b’kollox. Persuna oħra li kienet miegħu għenitu jinżel fil-bir biex jiġbor il-ħabel u l-barmil, iżda kif niżel u pprova jsib il-ħabel minflok il-ħabel f’wiċċ l-ilma ħass xi ħaġa stramba. Kif ipprova jneħħiha ġie f’dubju jekk kinitx fdalijiet umani jew ta’ xi annimal.
Għall-ewwel dan ma tkellem xejn, iżda jidher li l-kuxjenza niggżitu u ħamest ijiem wara mar u għamel rapport f’Għassa tal-Pulizija fejn qal lill-Pulizija b’dak li kien sab f’dan il-bir.
Il-Pulizija, kemm dawk tad-Distrett kif ukoll dawk mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali marru fuq il-post. Meta l-Pulizija bdew itellgħu dak li kien hemm fil-bir, l-ewwel ma nstab kienet parti minn qadd sa nofs il-koxxa li mill-ewwel dehru li kienu fdalijiet umani u mhux ta’ xi annimal.
Għaldaqstant l-operazzjoni twaqqfet u beda jitbattal il-bir mill-ilma li kien fond madwar 12-il pied. Biex sar dan issejħu l-Pulizija tat-Tifi tan-Nar li battlu l-bir kollu. Minħabba li l-bir kien kważi mimli din l-operazzjoni ħadet ħafna ħin tant li kien dalam sew.

Il-ġimgħa d-dieħla
Fit-tieni parti ta’ dan il-qtil li se nippubblikaw nhar il-Ħadd li ġej, naraw kif is-sejba ta’ fdalijiet umani kienet ingħatat prominenza fil-ġurnali. X’sistema ntużat biex l-esperti forensiċi ġabru l-evidenza kollha. X’instab fil-bir barra l-fdalijiet umani. X’qal eks-Spettur tal-Pulizija li 32 sena ilu kienu għadu Kuntistabbli fit-Taqsima tal-Forensika u fejn saru eżamijiet forensiċi barra minn Malta u aktar.

Appell
Għalkemm għaddew 32 sena minn dan l-omiċidju, xorta waħda qed nappellaw lil kull min jaf xi ħaġa dwar dan il-qtil biex jgħaddi kull informazzjoni lill-Pulizija billi jċempel fuq in-numri 119 jew 21224001.

Ritratti - Bibjoteka Nazzjonali

More in Kronaka