Filmat |'Hu perikoluż li nibdew nitħaddtu fuq gwerra dinjija oħra'

F'Intervista esklussiva mal-ILLUM is-segretarju Ġenerali tan-NATO jgħid li  l-armata Ewropea tagħti iżjed saħħa lid-difiża Ewropea u jaqbel mal-attakk tal-istati Uniti fuq is-Sirja

F’Intervista esklussiva mal-ILLUM, Jens Stoltenberg is-Segretarju Ġenerali tan-NATO tkellem magħna dwar diversi problemi li bħalissa qed jinkwetaw lil popli kollha tad-dinja minħabba xi azzjonijiet u deċiżjonijiet li qed jieħdu diversi ‘mexxejja’.

L-Unjoni Ewropea qed taħdem biex tinbena l-armata Ewropea. Sadattant 22 stat membru tal-EU huma membri jew aħjar allinjati man-NATO. Ifisser li l-Ewropa se jkollha żewġ armati jiddefendu s-sigurta tagħha. “Ħafna mill-mexxejja tal-Unjoni Ewropea għamluha ċara mill-ewwel li xogħol din l-armata hi dwar tisħiħ fid-difiża Ewropea”, beda biex qal Stoltenberg fejn kompla jgħid li din l-armata hi wkoll dwar l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet fid-difiża Ewropea, “iżda mhix li tinbena armata ġdida Ewropea bi kmand li jikkompeti mal-kmandanti tan-NATO. Anzi nilqgħu din l-armata b’idejna miftuħa għax din se tkompli ssaħħaħ l-istabbilita fl-Ewropa u anke l-pont Transatlantiku. Il-koperazzjoni bejn in-NATO u l-Unjoni Ewropea se tissaħħaħ b’din l-armata tant li diġa qbilna fuq 43 miżura, fejn nistgħu naħdmu flimkien. Indirizzajna t-theddid ċibernatiku, theddid ibridi, kwistjonijiet marittimi, ġlieda kontra t-terroriżmu, u fl-istess waqt nirrispettaw l-integrita tad-deċiżjonijiet li tieħu l-Unjoni Ewropea u n-NATO Nirrispettaw ukoll l-allejati l-oħra li m’humiex parti mill-Unjoni Ewropea u anke dawk l-istati membri Ewropej li mhux membri tan-NATO.”

Meta l-President Trump daħal il-white house bħala president kien kkritika lin-NATO li m’għandhomx kapaċitajiet li jitrattaw kontra t-terroriżmu. Jens Stoltenbergt dak in-nhar ma qabilx ma’ Trump fejn kien qal dawn il-preċiżi kelmiet, ‘Going it alone on defense and security is not an option for either the United States or Europe’ (li mhix għażla la tal-Istati Uniti u lanqas tal-ewropa fejn tidħol id-difiża u s-sigurta). Sadattant Trump qabad u attakka lill-armata Sirjana meta kien allegat li dawn użaw armi kimiċi fuq il-poplu u r-ribelli Sirjani. Dwar dan is-segretarju Ġenerali tan-Nato wera li qabel mal-attakk Amerikan fuq is-Sirja, “L-attakk kontra l-mitjar minfejn telaq l-attakk kimiku fuq is-Sirjani fl-4 ta’ April kien bażat fuq dak li l-Intelliġenza Amerikana skopriet u l-attakk kien deċiżjoni tal-Amerikani weħidhom u attwawh huma weħidhom. L-allejati Ewropej fin-NATO esprimew il-qbil ta’ din l-azzjoni li ħadet l-Istati Uniti f’dan il-każ, għax kull użu ta’ armi kimiċi hu totalment innaċċettabli, kienet azzjoni barbarika u orrenda. Din kienet vjolazzjoni ċara tal-konvenzjoni u l-ftehim Internazzjonali. Għalhekk nemmen li dak li għamlet l-Istati Uniti kien li bagħtet messaġġ ċar li l-użu tal-armi kimiċi hu innaċċettabli u min jużahom irid ibati l-konsegwenzi.”

L-uffiċċjal ta’ statura għolja fin-NATO qal ukoll li l-President Trump kien stqarr ċar ukoll li n-NATO hi mportanti mhux biss għall-Ewropa iżda wkoll għall-Istati Uniti. “Li jkollok għaqda b’saħħita bejn it-transatlantiku hi tajba għaż-żewġ naħat. Irridu niftakru li żewġ gwerer mondjali u gwerra bierda kkawżaw instabbilita fl-Ewropa u għalhekk l-istabbilita hi mportanti għal prosperita u sigurta għall-Istati Uniti wkoll. Irrid inżid ukoll li l-ewwel darba li n-NATO użat l-artiklu 5 li jfisser li tintervjeni militarment kien wara l-attakk tan-9/11 tal-2001, fejn in-NATO għadha tiġġieled it-terrorimu fl-Afganistan u għadna niġġieldu t-terroriżmu fl-Iraq u s-Sirja bħala support tal-koalizzjoni biex niġġieldu lid-daesh (ISIS). Għalhekk l-istati Uniti jafu li n-NATO hi mportanti għas-sigurta tagħhom.”

Bħalma jaf kulħadd l-attakki terroristiċi llum huma bażati fuq attakki individwali moħbija u li jitfaċċaw f’daqqa waħda b’kull intenzjoni li joħolqu massakru fuq kulmin ikun viċin tagħhom. Attakki li joqtlu  bla ma wieħed jista jkun jaf meta, fi x’ħin u fejn. Dan ifisser li l-armata tan-NATO qed tiffaċċja armata li ma tidhirx, armata fantażma. Stoltenberg qal li n-NATO konxja b’dan kollu u qed jaħsbu f’din l-armata fantażma, “billi niżviluppaw u nadattaw għal theddid terroristiku li jinbidel minn kull żmien. It-tweġiba kontra t-terroriżmu mhux dejjem trid tkun b’mod militari. Irridu approċċ aktar miftuħ u komprensiv b’mod politiku, idejoloġiku, pulizija, l-kontroll tal-fruntieri u iva anke militarment speċjalment fil-kwartieri tat-terroriżmu li jinsabu fl-Afganistan, l-Iraq u s-Sirja. Qed niżviluppaw anke l-intelliġenza tagħna biex inkunu preparati aħjar fil-prevenzjoni ta’ attakki terroristiċi. Fil-fatt in-NATO qed nistabilixxu diviżjoni tal-intelliġenza biex il-pajjiżi membri tagħna naqsmu dak li nkunu nafu bejnietna kollha. Din hi r-risposta tagħna lejn l-attakki terroristiċi. Qed nieħdu ħsieb biex nirrispondu għal attakki ibridi (‘hybrid attacks’) li hi strateġija mportanti kontra t-terroristi li jkunu qed iħejju xi attakki.”

Bħalissa madwar il-peniżola tal-Korea ta’ Fuq hemm tliet super potenzi, l-Istati Uniti, ir-Russja, u ċ-Ċina kollha speċi għassa ta’ xulxin u għajnejhom fuq il-Korea ta’ Fuq. Ħafna qed jaħsbu jew ibassru li din tista tkun il-bidu tat-Tielet gwerra dinjija. “Il-fatt li l-Korea ta’ Fuq qed tiżviluppa bombi nuklejari u anke tittestjahom hu nkwetanti. Anke li qegħdin viċin li jibnu missili ballistiċi b’kapaċitajiet enormi. Din hi bla dubju hi vjolazzjoni ta’ riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-sigurta. Nitolbu lil Korea ta Fuq biex jieqfu milli jkomplu jittestjaw dawn il-missili u jiddistruġu l-programm nuklejari tagħhom biex b’hekk ikunu qed jirrispettaw u jimplimentaw ir-riżuluzzjonijiet tal-kunsill tas-sigurta tan-Nazzjonijiet Uniti. Aħna m’aħniex preżenti fiżikament fir-reġjun iżda hemm l-akbar alleat tagħna, l-istati Uniti li qed jieħdu ħsieb id-difiża mill-ajru tal-Korea t’Isfel u għandna lill-msieħba kbar tagħna l-Ġappun u l-Korea t’Isfel u għalhekk qegħdin nindirizzaw din l-instabilita li hi kawżata mill-programm nuklejari u tal-missili tal-Korea.”

Erġajt staqsejtu jekk din tistax tkun it-tielet gwerra dinjija jew hix biss theddida bħalma kienet ta’ Kuba snin ilu, “Il-programm tal-missili u nuklejari joħloq inertezzi u tensjoni għolja. Iżda hu estremimament perikoluż li nibdew nitkellmu fuq gwerra oħra dinjija. Għax m’aħniex hemm u għalhekk m’għandniex nispekulaw dwar dan għax ma’aħniex f’dik is-sitwazzjoni issa.”

 

 

More in Intervisti