‘Il-pajjiż kollu għandu bżonn governanza aħjar u mentalita ta’ kontabilita’ - Miriam Dalli

‘Dawk li jibqgħu jsemmu għax jien immilitajt kontra l-UE jfisser li dawn weħlu 20 sena ilu u għandhom problema kbira’ – Post Malta hu fl-Ewropa’

Il-poplu Malti donnu li qed jitbiegħed mill-politika fejn it-tnejn li huma jgħajru lil xulxin bil-korruzzjoni u dan qed jgħin biex il-poplu qed iħares lejn il-politiċi kollha bħala korrott. L-Illum tkellem fuq dan is-suġġett u aktar f’intervista esklussiva li għamlet mal-ILLUM.

“Idejjaqni dan il-fatt għax qed jagħti mpressjoni li kulmin hu nvolut fil-politika hu korrott. Il-politika m’għandhiex tkun ta’ ġlieda ta’ min hu l-aktar maħmuġ, suppost għandha tkun trasparenti u nimxu b’subgħajna dritt.

Miriam Dalli qalet li hi tixtieq tara sistema matul il-pajjiż kollu ta’ governanza aħjar, aktar trasparenza aktar kontabilita. “U din mhux biss għal klassi politika biss, iżda għandha tidħol parti mill-kultura tagħna.” Mitluba tikkumenta jekk il-gvern ta’ Muscat għandux ikollu governanza aħjar Dalli wieġbet mingħajr tlaqlieq, “il-pajjiż kollu għandu bżonn governanza aħjar u hemm bżonn mentalita ta’ kontabilita.”

Dalli immilitat flimkien ma’ Joseph Muscat kontra d-dħul ta’ Malta fl-Ewropa u llum hi membru parlamentari Ewropew u Muscat hu wieħed mill-aktar statisti irrispettati fl-Unjoni ewropea. “F’20 sena jinbidlu ħafna affarijiet u din l-affermazzjoni jħobbu jsemmuhieli speċjalment l-esponenti tal-PN. Għalija jekk dawm weħlu 20 sena ilu allura għandhom problema enormi. Dak iż-żmien il-fatt kien li kien hemm ċertu ‘issues’ li pajjiżna ma kienx għadu preparat biżżejjed għalihom. Illum 20 sena wara mill-esperjenza li ġabar pajjiżna fl-Unjoni Ewropea, il-liġijiet kif żviluppaw u n-nies kif inbidlu, pajjiżna miexi tajjeb fl-Unjoni Ewropea.”

Dan allura jfisser li l-PN dak iż-żmien kellu viżjoni aħjar minn dik tal-labour, “Il-poplu vvota u pajjiżna sab saqajh fl-Unjoni Ewropea u mexa ‘l quddiem. Kien hemm setturi li batew u oħrajn li mxew tajjeb il-quddiem. F’kollox hemm il-pożittiv u n-negattiv u fl-aħħar snin il-pożittiv kien aktar min-negattiv.”

Bħal f’kull pajjiż Ewropew hemm min hu xettiku dwar l-Unjoni Ewropea u hemm min jixtieq li Malta tagħmel bħal Brexit. “Mill-esperjenza li qed nara fi Brexit u bl-ammont ta’ liġijiet kif se jiġu milquta mhux biss ir-renju unit imma pajjiżi oħra, il-ħaġa hi ħafna aktar kumplikata milli sempliċi toħroġ. Pajjiżna hu wieħed żgħir li għandu wkoll rabtiet diretti ma’ diversi pajjiżi oħra mill-Unjoni u kif inhuma l-affarijiet llum pajjiżna għandu jibqa fl-Unjoni Ewropea. Post Malta hu fl-Ewropa.”

Sadattant waqt il-presidenza rajna lil Membri Parlamentari Nazzjonalisti jqajmu każi ta’ korruzzjoni fil-Parlament ewropew, “Interessanti li hemm ‘link’ diretta bejn il-presidenza u t-tfigħ tat-tajn. Għax il-presidenza suppost li hu mument storiku għal pajjiżna kollu kemm hu u mument li l-gvern preżenti qed jinvesti l-enerġija tiegħu kollha biex pajjiżna joħroġ bl-unuri. Iżda bir-rispett kollu milli qed nara jidher li għandna oppożizzjoni li akkost ta’ kollox trid toskura din il-presidenza. U t-tfigħ tat-tajn qed isir proprju biex din il-presidenza tiġi oskurata u kemm jista jkun ma tkunx suċċess.  Dan it-tfigħ tat-tajn politiku għalija laħaq livell innaċċettabli. U dan ma bediex issa iżda ċertu affarijiet ilhom għaddejin. Li jkollok raġun fejn int toġġezzjona  għal ċerti affarijiet hu aċċettabli iżda jrid ikollok il-provi u għandek id-dritt li titkellem.” Dalli qalet li l-laburisti qatt m’għamluha fl-Unjoni ewropea, “il-predeċessuri tiegħi anke meta kien hemm bżonn għajnuna għal membri nazzjonalisti f’xi istituzzjonijiet Ewropej dejjem għennihom. Din id-darba dan mhux qed isir u din iddejjaqni ħafna.”

More in Intervisti