'Għawdex mhu ċens tal-ebda partit u ż-żewġ partiti jdejquni li qabel l-elezzjoni jdendlulna xi karrotta'

'Nixtieq nara lil partit jerġa jieħu s-saħħa ta' meta Għawdex kien il-bastun tal-PN'

 

F'Intervista li għamilna lis-sindku Nazzjonalista tar-rabat Għawdex stqasejnih kif iħares lejn il-partit Nazzjonalista bħalissa f'Għawdex. Samwel qal li l-partit għandu bżonn jerġa jkun il-partit tal-aspirazzjonijiet tal-Għawdxin. “Il-PN għalkemm ma tilifx il-maġġoranza jekk tgħodd il-voti, xorta tilef ħafna. U li titlef daqshekk ħafna f’bastun tiegħek, (għax hekk dejjem kien kunsidrat Għawdex għal PN), allura t-telfa hi akbar. Anke fl-MEP’s kompla jitlef u fil-Kunsilli lokali fejn f’Malta kien hemm vot pożittiv favur il-PN f’Għawdex, apparti xi żewġ lokalitajiet ma kenniex ‘comeback’. Jien nemmen li l-għeruq f’Għawdex xorta huma Nazzjonalisti u għalhekk ma nemminx li Għawdex hu mitluf għal PN imma tlifna ħafna Għawdxin.”

“Il-politiċi taż-żewġ naħat iżda jridu jifhmu li Għawdex mhu ċens ta’ ħadd u kull partit għandu jagħraf dan. L-Għawdxin matul iż-żmien dejjem taw is-sinjali tagħhom bħal meta f’elezzjoni lokali kienu tellgħu lil Patrick magħruf bħala ‘Il-Ħanfusa’ biex jagħtu tbeżbiża lil gvern u fl-1996 il-PN tilef l-elezzjoni.

“Il-partiti jdejquni li kultant idendlu l-karrotta lill-Għawdxin li se jagħmlulna xi ħaġa. Aħna l-Għawdxin aħna Maltin. Aħna ma rridux nkunu estensjoni ta’ Malta. Għandna gżira sabiħa u għandna favur tagħna li aħna Maltin u Għawdxin ukoll. Kultant il-partiti jitrattaw lill-Għawdxin bħala tfal u bħat-tfal daqqa jfissduna u daqqa le u meta tfissed tħassar”

Jekk issir elezzjoni illum il-Partit Nazzjonalista jirbaħ? “Nemmen li kien hemm gwadann mill-partit. Id-distakk naqas iżda mhux biżżejjed biex jinbidel gvern.”

Samwel Azzopardi ammetta li l-partit qed jiġri warajh biex jkun kandidat għal elezzjoni Ġenerali. Iżda jidher li qed jilgħabha ta’ ‘hard to get’. “Ma naqbilx miegħek qatt ma lgħabtha ta’ hard to get. Samwel Azzopardi ta’ 20 sena fl-2003, ħareġ għal Kunsill lokali ftit jiem qabel l-istess elezzjoni. Kont fuq tal-linja, ‘mgħawweġ’ għax kont bil-wieqfa u jien twil ħafna, ċempluli u għidtilhom iva. Fl-2006 ma ħriġtx minħabba kwistjoni ta’ prinċipju li ma nixtieqx nidħol fiha għax hu każ magħluq. Fl-2009 tant ma ppjanajtx li se noħroġ għal elezzjoni tal-kunsilli fejn ħriġt għal-elezzjoni tal-kunsill 10 ijiem wara li ġejt mill-honeymoon u fl-aħħar elezzjoni tajthom risposta f’Ottubru u ħriġt meta kont naf li l-partit kien sejjer għat-telfa u kien qed jarma armata tipprova żżomm is-swar milli jiġġarrfu. Illum ngħid li qas kelli għalfejn noħroġ dak in-nhar.

“Din l-edizzjoni nemmen li hi l-aktar waħda li għandi ċans. Iżda għadni ma ddeċidejtx. Għadni 50 – 50 noħroġx jew le. Ġieli titla iżjed u ġieli tinżel. Il-kap tal-partit, il-kummissjoni u Joe Borg qed jagħfsuni biex noħroġ iżda ma rridx nikkonferma l-kandidatura qabel inkun ċert. Għax jien jekk se nidħol għaliha se nidħol b’ruħi u ġismi. Irrid inkun committed mija fil-mija u mhux biex inkun kandidat ieħor jew biex ningħata xi ħaġa. Għax jien jekk qatt innutajt la qatt ngħatajt xi direttur x’imkien u lanqas xejn. Kulfejn dħalt u ħdimt kien bis-saħħa tiegħi u mhux għax poġġewni għax kont involut fil-politika.”

Samwel Azzopardi irrakonta kif hu ġej minn familja meqjusa bħala suldati tal-azzar tal-partit laburista, fejn qalilna kif in-nannu Anġlu kien imħajjar joħroġ fil-politika mill-Perit Mintoff għax kien jafu bħala perit meta nannuh kien għaddej tajjeb fil-bini mill-ġdid ta’ Għawdex wara t-tiġrif  tal-gwerra. Qal li nannuħ magħruf bħala ‘il-bedeq’ kien wieħed li bata l-effetti kollha tal-interdett. Irrakonta kif fl-1973 kienu ppruvaw jixtruh biex iwaqqa l-gvern u m’aċċettax “u mingħandu kont tgħallimt waħda u bqajt inżommha meta qalli ‘oħroġ fil-politika jekk int konvint, tikkalkula qatt x’se ddaħħal mill-politika u lesti ruħek għal meta ma tibqax’. Jien ma ħriġtx għal kunsill biex nużah bħala pjattaforma għal parlament iżda biex nieħu deċiżjonijiet li mhux dejjem kienu popolari għal ġid tar-Rabat. Qatt ma ħadt l-easy way out għax forsi kieku kien ikun aħjar li noħroġ mal-labour għax tal-bedeq huma leġġenda laburista f’Għawdex.

“Bniedem ieħor li tgħallimt minnu kien Eddie Fenech Adami li kien qalli ‘jekk iġġib erba voti kun grat għal dawk l-erba li vvutawlek, u jekk iġġib 400 kun grat għal dawk l-400. Jekk ma jtellgħukx aċċetta r-rieda tal-poplu li ddeċieda għalik biex tibqa d-dar jekk ittellgħuk tihom servizz’.

Samwel temm billi qal li hu jixtieq jara lil partit tiegħu jerġa jieħu s-saħħa li kellu meta beda jimmilita hu fih. Qal ukoll li l-eluf ta’ Nazzjonalisti fl-aħħar elezzjoni ivvotaw labour mhux għax  saru laburisti, il-vot kien fuq gvern sħiħ għax il-pakkett ta’ Gonzi ma rnexxilux jattira lil dawk li kienu ġew antagonizzati. Joseph Muscat min-naħa l-oħra wera li hu strateġista kbir fejn kien kapaċi jgħolli lil Fenech Adami biex l-imweġġgħin jaraw lil Gonzi fl-oskur anke jekk dan kien qed iġorr il-baggage ta’ Fenech Adami. U kif jgħidu it-Taljani, ‘il-papa morto e’ sempre il-papa buono’. Wieħed irid jiftakar biss li wara li Churchill rebaħ il-gwerra tilef l-elezzjoni, għax ma jfissirx li jekk int mexxej tajjeb fil-gwerra , int mexxej tajjeb fil-paċi.”

More in Intervisti