‘Il-kwistjoni tal-Airmalta qisha opra b’ħafna atti...tal-piloti l-aħħar att’

'Iż-żmien li żżomm il-pajjiż ostaġġ spiċċa'

Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u Ristoranti (MHRA) Tony Zahra
Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u Ristoranti (MHRA) Tony Zahra

Il-gazzetta ILLUM tiltaqa’ mal-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u Ristoranti (MHRA) Tony Zahra, u l-ewwel suġġett li tibda bih l-intervista jkun l-aktar wieħed kurrenti: L-Airmalta. 

“Jekk ħa nitkellmu fuq il-linja nazzjonali, ma nistgħux nibdew minn issa, imma rridu ninkludu l-aħħar sitta jew seba’ snin biex inkunu preċiżi mal-fatti kif ġraw,” jibda Zahra għall-mistoqsija tal-ILLUM dwar il-mandat li sar mill-Airmalta fil-konfront tal-union tal-piloti (ALPA). 

“Il-problema ilha għaddejja minn żmien il-Gvern preċedenti u minn dakinhar ilna ngħidu li s-sitwazzjoni ma kinitx tenibbli. Il-mudell li bqajna nħaddmu ma kienx għadu rilevanti u kien spiċċa, imma l-Airmalta żammitu.” Huwa jkompli billi jiddiskrivi hekk is-sitwazzjoni ta’ relazzjonijiet industrijali ħżiena bejn il-piloti u l-kumpanija: “dan huwa l-aħħar att minn ħafna oħrajn f’operetta sħiħa.” 

Zahra jfakkar lil din il-gazzetta li l-MHRA kienet appellat biex l-Airmalta titħaddem bl-istess muddell tal-Bank of Valletta, bil-Gvern iżomm 20% tal-ishma u l-bqija jingħataw lill-pubbliku, “imma dan l-appell ma ntlaqax.”

Għadna mhux konvinti dwar il-privatizzazzjoni

L-ewwel reazzjoni ta’ ħafna dwar il-privatizzazzjoni tal-Airmalta kienet xettiċiżmu. L-iktar minħabba l-fatt li minflok l-Etihad, kif kien mistenni, se tixtri parti mill-Airmalta l-Alitalia, li sa ftit snin ilu kienet f’xifer falliment. Zahra inkwetat? 

“Aħna għandna mhux konvinti dwar l-idea,” iwieġeb mill-ewwel Zahra li jkompli jispjega li “jekk Malta titlef il-kontroll fuq l-linja tal-ajru nazzjonali, titlef għodda importanti għall-pajjiż. Minn hemm irridu nitilqu fl-argument tagħna. Ma nistgħux inserrħu esklussivament fuq il-‘low cost’ għax dawn m’għandhomx is-sens ta’ obbligu li għandha l-Airmalta lejn pajjiżna. Jekk nitilfu l-Airmalta, nitilfu l-poter li ninnegozjaw dak li jaqbel lilna (bargaining power).

Iż-żmien li żżomm il-pajjiż ostaġġ spiċċa

Zahra ma jmexxix union tal-ħaddiema u mhux se nistennieh ikun fuq quddiem fi ġlieda għad-dritt tal-istrajk, imma ma jħossx li l-ħaddiema, inkluż piloti għandhom dritt li jagħmlu strajk? Ma jħossx li l-mandat ta’ inibizzjoni tal-Airmalta huwa ftit ta’ eżeġerazzjoni? 

“Aħna dejjem tkellimna fuq l-importanza tar-raġuni. Li kull azzjoni tkun raġunata. Iż-żmien li inti, għax għandek is-saħħa żżomm pajjiż ostaġġ, għadda.” Mhux sorpriża sa barra bir-risposta ta’ Zahra, din il-gazzetta tistaqsi jekk ħaddiem għandux dritt li juża l-istrajk bħala għodda f’tilwima industrijali. “Jien naħseb li għandek tmur fuq il-mejda tad-diskussjoni u jekk ikollok talbiet validi u raġonevoli, mela allura tirbaħ ir-raġuni.” 

“Safejn kollox isir b’mod raġonevoli, tajjeb. Jekk le, mela ma naqblux.” 

More in Intervisti