Iż-Żebbuġi Hawn

Il-Festa Maltija f'intervista esklussiva ma' Godfrey Farrugia 

Godfrey Farrugia jiċċelebra l-Festa ta' San Filep
Godfrey Farrugia jiċċelebra l-Festa ta' San Filep

It-tabib tal-familja Godfrey Farrugia, barra li hu politiku, whip u sieħeb Marlene Farrugia hu dilettant kbir tal-festi fejn iqis ruħu bħala, “mejda tal-qubbajd, ‘Iż-Żebbuġi hawn’,” għax f’ħajtu dar il-festi kollha anke dawk żgħar li jiġu ċċelebrati minn kappelli li jissejħu bħala festi filjarji.

Qed jaħdem qatigħ biex il-festi Maltin jkunu l-unur ta’ wirt dinji intanġibbli tal-UNESCO, għax huma dawn il-festi li jagħmluna uniċi fid-dinja.

“Għax il-festa Maltija għandha karatteristiċi li mhux biss jiddistingwuna minn ħaddieħor iżda wkoll hi marbuta mal-identità tagħna. Nazzjon jintagħraf minn ieħor permezz tal-lingwa, kultura u l-ġens tiegħu. Lingwa għandna l-ilsien Malti, u meta tiġi għall-kultura mill-ewwel tiġi quddiemek il-festa. Dejjem xtaqt li l-festa Maltija napplikaw għaliha biex tkun wirt intanġibbli tal-UNESCO. Il-Ħindu u l-Musulmani għandhom il-festi tagħhom bħala wirt dinji, għaliex tagħna l-Maltin m’għandhomx ikunu magħrufa b’dak il-mod ukoll?,” saħaq Farrugia.

Iżda kif bdiet din l-imħabba lejn il-festi? “L-ewwel esperjenza tiegħi fil-festi, niftakar kont ċkejken ħafna, u mort ma’ missieri li ried imur jara kif sejjer l-andament tan-nar tal-festa ta’ San Filep, Ħaż-Żebbuġ. Ħadni l-għalqa u ħallieni ma’ ħabib tiegħu wara ħajt tas-sejjieħ u jien bdejt narahom jaħarqu l-kaxxa infernali bejn ix-xquq tal-ħajt tas-sejjieħ u nipprova nixxabbat biex nara aħjar. Il-festa għalija hi parti mill-formazzjoni tiegħi bħala żagħżugħ għax trawwimt fil-festi. Il-festa hi dak kollu li tagħmilna Maltin. Tant hu hekk li anke l-emigranti Maltin tagħna ħadu l-festa tal-irħula tagħhom f’pajjiżi u komunitajiet li emigraw fihom. Il-festa għandha tliet dimensjonijiet: dik reliġjuża, dik kulturali u dik soċjali. Għandek ċelebrazzjoni fejn il-komunità qed tiċċelebra l-patrun/a tagħha, iżda fl-istess waqt, il-komunità qed tiċċelebra lilha nnifisha. Għalhekk, il-festa mhix tal-Knisja biss iżda tal-lokalità wkoll. Il-festa hi tan-nies. Huwa veru li hemm l-armar, il-knisja sabiħa, il-baned u n-nar, iżda huma n-nies li jagħmlu l-festa. Il-festa tressaq lura lejn ir-raħal lil dawk li jkunu marru joqogħdu barra r-raħal u anke dawk li jkunu marru jgħixu barra minn xtutna.”

L-intervista esklussiva, b'informazzjoni dwar baned, armar u nar tal-festa fil-ħarġa tal-ILLUM.

More in Intervisti