'Ninnegozjaw mill-ġdid u jiddeċiedi l-poplu jekk nibqgħux fl-UE'

 'Għandna bżonn sistema ta’ ‘green card’ ... issib xogħol imbagħad tiġi Malta' 

Ivan Grech Mintoff, għalkemm imexxi partit li ftit għandu appoġġ popolari u li kellu suċċess pjuttost limitat fil-passat riċenti, huwa l-ewwel vuċi f’Malta illi qed jitlob negozjar mill-ġdid tat-trattati u tal-pakkett li nnegozjat Malta qabel saret membru tal-UE fl-2004, b’referendum wara. Bħal Grech Mintoff jista’ jkun hemm ħafna oħrajn, mhux biss f’pajjiżna iżda madwar l-Ewropa kollha, għalkemm il-qawwa u l-veloċità ta’ kemm jista’ jinbet dan l-argument u linja ta’ ħsieb se tkun qed tiddependi ħafna fuq ir-riżultat tar-referendum fir-Renju Unit għaxart ijiem oħra.

Viċin tal-argument ta’ ħafna mill-Konservattivi Ingliżi, imma l-aktar tal-Prim Ministru David Cameron, Grech Mintoff isostni mal-ILLUM għal bosta drabi li hu ma jridx li Malta titlaq mill-UE, imma li jkun hemm negozjar mill-ġdid.

“Aħna l-unika partit u l-unika grupp ta’ nies f’Malta li qed nistaqsu u li qed ngħidu illi t-trattat ta’ Liżbona mhux aċċettabbli, għax dan neħħa d-dritt li aħna niddeċiedu liema liġi tgħodd u liema ma tgħoddx għal pajjiżna.” Huwa kompla jispjega illi fost dawk li qegħdin fl-Alleanza Bidla hemm min irid jibqa’ u min irid jitlaq mill-UE, “imma lkoll naqblu li hemm bżonn illi l-UE tal-lum tinbidel. Ejja mmorru ninnegozjaw pakkett ġdid għal Malta,” jappella Grech Mintoff, “imbagħad ibbażat fuq trattat ġdid u fuq in-negozjati niddeċiedu rridux nibqgħu jew le. Wara 12-il sena, wasal iż-żmien li nerġgħi nikkunsidraw il-pożizzjoni tagħna fl-UE.”

Qed nikbru. Jikber il-federaliżmu u nikbru aħna.

Grech Mintoff jgħid illi l-premessa tiegħu mhux bħal dik tal-eks-Prim Ministru Laburista Karmenu Mifsud Bonnici li jrid li Malta titlaq mill-UE, “jien ma rridx lil Malta titlaq mill-UE, irrid li nibqgħu jekk jaqblilna u mhux akkost ta’ kollox.”

Mistoqsi minn l-ILLUM jekk hux qed isib xi forma ta’ appoġġ minn partiti oħrajn dwar il-pożizzjoni tiegħu huwa qal illi kellu laqgħat ma’ Marlene Farrugia dwar dan il-punt partikolari, għalkemm sostna illi l-premessa  ta’ Farrugia dejjem kien illi jiġri x’jiġri Malta tibqa’ membru tal-UE.

Infakkru allura illi fix-xenarju politiku lokali preżenti, fejn iż-żewġ partiti l-kbar u anke l-Alternattiva Demokratika jappoġġjaw bis-sħiħ sħubija fl-Unjoni Ewropea, dak li jixtieq hu li jseħħ, se jibqa’ kliem fieragħ u fl-arja.

Imma l-minoranza assoluta li fiha tinsab l-Alleanza Bidla mhux talli ddejqu talli jsostni illi huwa dan li jagħmel lilu differenti u rappreżentattiv ta’ settur tal-poplu li baqa’ jemmen li Malta ma nnegozjatx l-aħjar pakkett. “Aktar minn hekk, int qed tħares lejn il-kwistjoni, purament minn lenti lokali” sostna Grech Mintoff, “ir-riformisti u l-ewro-xettiċi qed jikbru u dan ir-referendum fir-Renju Unit fetaħ beraħ il-bibien ta’ diskussjoni fost l-Ewropej, diskussjoni dwar il-bżonn ta’ bidliet u dwar il-bżonn li l-Ewropa terġa’ ssib il-fundamenti tagħha u li jkollha lin-nies fiċ-ċentru tagħha .”

Jerġa’ jdur fuq ix-xena lokali u jgħid illi “f’Malta l-PN, il-PL u l-AD saru kollha federalisti, jiġifieri jaċċettaw dak kollu ddettat minn barra. Kuntrarjament għal dan, madwar l-Ewropa, qed jikber is-sentiment illi dan mhux aċċettabbli, speċjalment fl-oqsma tas-sigurtà u l-immigrazzjoni. U iktar kemm jikber il-federaliżmu, aktar qed nikbru aħna.”   

 Għandna bżonn sistema ta’ ‘green card’ ... issib xogħol imbagħad tiġi Malta

Grech Mintoff, li tul l-intervista juża ton t’allarm fil-konfront tal-lemin estrem f’Malta u l-Ewropa, sostna illi pajjiżna jeħtieġ ikollu xi forma ta’ poter fuq il-fruntieri tiegħu, fuq min jista’ jidħol jew le, proposta li fil-fatt hija użata ħafna minn partiti tal-lemin estrem biex jagħlqu l-vit fuq l-immigrazzjoni.

“Niltaqa’ ma’ nies ilhom ma jieħdu promozzjoni żmien fuq il-post tax-xogħol għax illum qed jitħaddmu nies minn barra l-pajjiż bħal Spanjoli u Franċiżi u anke nies mill-Ewropa tal-Lvant. Dawn jitħallsu biċ-ċiċri u allura kulħadd qed iħaddem lilhom.”

L-ILLUM pronta tfakkru illi filwaqt li qed jitkellem dwar problema li ħafna qed iħossu u jaraw b’għajnejhom kuljum, speċjalment fil-qasam tas-servizzi, hu ma jidher li qed jipproponi xejn ġdid. “Allura, x’se tipproponi għal din is-sitwazzjoni? Qed tipproponi li twaddab lil kulħadd ’il barra jew li tagħlaq l-aċċess tal-barranin għal Malta?” tistaqsi l-ILLUM.

Mintoff jiċħad mill-ewwel li hu qed jieħu l-istess pożizzjoni ta’ partiti fuq il-lemin estrem u jfakkar kif “fl-Istati Uniti, l-Awstralja u anke l-Kanada, ilkoll pajjiżi b’saħħithom ekonomikament u demokratiċi għandhom sistema ta’ green card. Malta għandha tagħmel l-istess,” kompla Grech Mintoff, “nimlew il-postijiet tax-xogħol li m’hemmx biżżejjed Maltin biex jimlewhom mhux inħallu lil kulħadd ġej u joqgħod hawn anke jekk bla xogħol, juża s-servizzi b’xejn biex imbagħad jispiċċa jaħdem biċ-cheap labour.”

Il-poplu Ingliż għandu jmur għall-‘Brexit’

Ma kinitx b’sorpriża allura illi Grech Mintoff stqarr illi hu jemmen li l-poplu Ingliż għandu jmur għall-Brexit. “Iva l-poplu Ingliż għandu jitlaq, wara kollox, minkejja t-theddid politiku sottili li qed isir fuq dan il-pajjiż, l-UE għandha bżonn lir-Renju Unit, jiġifieri dan il-pajjiż se jkun jista’ jinnegozja minn barra.”

L-aħħar stħarriġ illi qed itella’ s-sit The Economist,  sit illi jiġbor il-medju tal-aktar stħarriġ prinċipali fuq din il-kwisjoni, juri kif minkejja li sa ftit ilu ħadd ma seta’ basar li jista’ qatt jiġri, illum il-Brexit huwa xenarju reali ħafna.

Sa nofs din il-ġimgħa The Economist kien qed jindika vot li jxaqleb aktar lejn il-Brexit, anke jekk b’maġġoranza relattiva, kemm fin-naħa ta’ fuq kif ukoll fin-nofsinhar tal-Ingilterra b’47% u 44% rispettivament. L-Iskoċċiżi jibqgħu fil-maġġoranza kbira tagħhom favur, hekk kif huma ż-żgħażagħ.

Ġejna avviċinati minn Marlene...

Fid-dawl tal-aħħar żviluppi politiċi, bit-tnedija tal-Partit Demokratiku (PD) Grech Mintoff jistqarr li hu kien avviċinat minn Marlene Farrugia u saru diskussjonijiet mal-Partit Demokratiku, biex it-tnejn jersqu iktar lejn il-pożizzjoni ta’ xulxin. Huwa jiddeskrivi dawn l-aħħar żviluppi fix-xena politika, b’partit politiku ġdid bħala “pass pożittiv, ferm bżonjuż u inevitabbli.”

B’mod dirett l-ILLUM tistaqsih jekk jikkunsidrax li jkun parti mill-PD jew li ssir amalgamazzjoni bejn iż-żewġ partiti kieku jkun avviċinat. “Fil-fatt, mhux kieku, ġejt avviċinat,” irrisponda mill-ewwel Grech Mintoff. “Naturalment, għad irridu niddiskutu aktar u niddeċiedu minn hemm.”

Iż-żewġ partiti ħallew vakum għax irmew il-valuri

Imma għaliex qed ifittxu għażla ġdida tant votanti? tistaqsi din il-gazzetta. “Ħares ’il barra minn pajjiżna u ara x’inhu jiġri. Għandek lil Donald Trump jgħajjar lin-nies u joffendi u n-nies iċapċpulu. Għandek lil Bernie Sanders, Soċjalist. Fejn qatt smajniha din li Soċjalist imur tajjeb elettoralment u jinżel tajjeb ma’ settur ta’ votanti fl-Istati Uniti?  Anke fl-Ewropa stess, għandek l-idea li dan il-blokk qed iħares l-interessi tal-lobby groups il-kbar qabel tan-nies, hemm il-perċezzjoni li l-UE hija distakkata. Allura n-nies qed ifittxu alternattivi. U Malta mhux b’differenza.”

Huwa jkompli billi jgħid illi llum id-differenza bejn iż-żewġ partiti m’għadhiex teżisti. “Illum għandna PN u PL li t-tnejn liberali, it-tnejn kapitalisti, it-tnejn jemmnu li s-suq isuq u t-tnejn fiċ-ċentru. Dan ħoloq vakum,” jisħaq mal-ILLUM Grech Mintoff. “Għaliex qed ifittxu lil Trump ħafna Amerikani? Għax il-bidla li ġew imwiegħda ma ġratx u Malta hekk se jiġri jekk ma noqogħdux attenti.”

Il-lemin estrem juża l-emozzjoni biex jirbħek

F’dan il-punt tal-intervista Grech Mintoff jgħid li d-differenza bejn partit b’ideoloġija xellugija jew leminija u l-lemin estrem huwa li “dan tal-aħħar juża l-emozzjoni, mhux it-twemmin, biex jirbħek u jikkonvinċik.”  Huwa kien jinsab ħerqan, sa minn qabel biss kienet għadha bdiet l-intervista biex jesprimi l-biża’ tiegħu mil-lemin estrem f’pajjiżna.

Imma minkejja l-allarm li kien qed jitkellem bih, l-ILLUM tfakkru li jista’ jkun li dan ma kienx is-sentiment hawn barra. L-immigrazzjoni m’għadhiex l-akbar kwistjoni fuq l-aġenda tal-pajjiż, in-numru ta’ immigranti naqsu u f’dawn is-snin kollha l-ebda partit żgħir, lanqas l-Alternattiva Demorkratika, ma rnexxielu jġib biżżejjed voti biex jirbaħ elezzjoni. Grupp bħall-Patrijotti Maltin li ħerġin għall-elezzjoni ġenerali lanqas spazju fuq il-midja mhuma qed jingħataw, allura ma jħossx Grech Mintoff li qed ikun allarmista żżejjed? Huwa, sinċerament iħoss li partit bħal dan se jikber? L-ILLUM tfakkar kif ħafna jħarsu lejn partiti bħal dawn bħala ‘loony left’ jew ‘loony right’.

Imma hu ma jaqbilx u jgħid lil din il-gazzetta li dak jista’ jkun argument ferm simplistiku. “Hawnhekk qed isir l-istess żball li kien sar meta żżufjettaw b’nies tal-lemin estrem biex ara llum, għandek Le Pen fi Franza, l-Awsrija kienet viċin Gvern tal-Lemin estrem u għandek sentiment tal-lemin estrem saħansitra qed jinbet fil-Ġermanja. Jiġifieri dan l-argument li niddieħku bil-lemin estrem ibeżżagħni, għax filwaqt li qed nidħqu bihom qed jikbru u qed jikbru sew.”

Grech Mintoff ma jiddejjaqx illi jiddistakka lilu nnisfu miż-żewġ partiti l-oħrajn (PN u PL) u jpoġġi lilu nnifsu fermament fuq in-naħa l-oħra tal-ispettru politiku, mhux biss fuq kwistjonijiet purament ekonomiċi, imma wkoll fuq kwistjonijiet morali. Fil-fatt hu kien fuq quddiem f’diversi kruċjati li saru kontra dak li hu jsejjaħlu “l-indutrinazzjoni tat-tfal dwar is-sesswalità u l-ġeneru” bi gruppi favur drittijiet ċivili u gruppi LGBTIQ jikkonfrontaw il-fehmiet tiegħu b’mod dirett.  

Naturalment, għal din id-darba, kellna naslu s’hawn bi Grech Mintoff iżda juri li anke jekk ħsibijietu dwar il-politika f’Malta mhumiex ‘mainstream’, mhumiex l-aktar popolari u ma jikkonformawx man-normi li bniet l-eġemonija politika f’pajjiżna, xorta jibqgħu ħsibijiet rappreżentattivi ta’ settur tal-popolazzjoni Maltija. 

More in Intervisti