Min hu maħmuġ, mhux se jagħżel l-iskema ta’ self tal-PN

Intervista mal-opinjonista Frank Psaila

‘M’hemm xejn li se jsir minn taħt il-mejda’

L-iskema ta’ self tal-Partit Nazzjonalista kienet fil-mira ta’ kritika ħarxa minħabba li diversi persuni, fosthom il-Ministru Owen Bonnici sostna li din hi skema ‘sigrieta, mhux garantita u bla trasparenza’, u li l-PN għamel bypass mal-liġi tal-finanzjament tal-partiti.

Għal dan, l-opinjonista u preżentatur ta’ Net TV, Frank Psaila qal li minħabba li ma kienx hemm il-liġi tal-finanzjament tal-partiti, fil-qasam politiku dejjem kien hemm lok ta’ mistoqsijiet ta’ kif isiru d-donazzjonijiet, però dan mhux il-każ fl-iskema ta’ self tal-PN.

“Din is-sistema tal-iskema Ċedoli 2016 mhix skema ta’ donazzjonijiet, imma hi sistema fejn persuna li tixtieq tagħti self volontarju lill-PN, tista’ tagħmel dan, u jkun hemm kollox bil-miktub, u jingħata b’rata ta’ interessi ta’ 4%, u dak li jkun jista’ jeħodhom lura wara għaxar snin. Jiġifieri m’hemm xejn li jkun qed isir minn taħt il-mejda.

Jiena, ma tinkwetani xejn li jkollok dawn it-tip ta’ skemi, imma li jinkwetani hu li l-affarijiet li saru s’issa, dejjem ħolqu lok ta’ mistoqsijiet fuq min huma d-donaturi wara partit politiku.”

Kompla jsostni li, “huwa fatt magħruf li l-kampanja elettorali tal-PL, kienet kampanja tajba ħafna, u swiet flejjes kbar. Qamu diversi mistoqsijiet minn fejn ġew il-flus biex ġiet iffinanzjata l-kampanja. Kien hemm ukoll stejjer wara l-elezzjoni ġenerali li qajmu dubji dwar il-finanzjament tal-Partit Laburista u l-kampanja elettorali tiegħu, bħall-istorja tal-Australia Hall u Café Premier fost l-oħrajn.” Hawnhekk jiddefendi ruħu u jgħid li, “mhux qed ngħid li għaddew xi flus, imma qed ngħid li n-nies staqsew mistoqsijiet pertinenti ħafna.” Minħabba f’hekk, Psaila jaraha stramba li l-Partit Laburista qed jixħet id-dubji fuq din l-iskema li fiha, iż-żewġ partijiet involuti fl-iskema jkunu qed jaqblu, u hemm kollox imniżżel, bl-iswed fuq l-abjad.

 

‘Min irid jagħmel l-affarijiet b’mod maħmuġ mhux se juża skema trasparenti’

Fl-iskema Ċedoli 2016, mhux neċessarju li l-PN jippubblika l-ismijiet ta’ dawk li jiddeċiedu li jagħtu dawn l-€10,000, u għalhekk tagħmilha skema anonima. Il-kritika dwar dan il-fatt kienet li dan iwassal għal nuqqas ta’ trasparenza, għaliex nies li jidħlu għal din l-iskema, kapaċi jkunu qed jistennew xi pjaċir lura bħala tpattija tal-għajnuna li ngħataw ġaladarba l-PN ikun fil-Gvern. Hawnhekk, il-gazzetta ssemmi nies bħal Gaffarena, u negozjanti oħra li forsi jkunu lesti li joffru l-għajnuna lill-PN permezz tas-self, iżda fil-futur jitolbu jew jistennew xi ħaġa lura. Għal din il-kritika, l-opinjonista u preżentatur jgħid li “Bis-sistema tal-loan volontarju, ma naħsibx li ż-żewġ naħat [Gaffarena u l-PN] ikunu interessati f’xulxin. Naħseb li l-PN m’għandu l-ebda bibien miftuħa għal nies bħal Gaffarena, u lanqas Gaffarena mhuwa interessat fil-PN.”

Naħseb li l-PN m’għandu l-ebda bibien miftuħa għal nies bħal Gaffarena, u lanqas Gaffarena mhuwa interessat fil-PN

“Min irid jagħmel l-affarijiet b’mod maħmuġ, mhux se jagħżel skemi, li fit-tħaddim tagħhom huma trasparenti. Min jipprova jagħmel l-affarijiet bil-maħmuġ, se jipprova jfittex postijiet oħra. Bil-bord ta’ reviżuri u l-programm ta’ tmexxija nadifa li waqqaf il-PN ftit ilu, jien nifhem li l-PN qed jagħlaq totalment il-bibien lil dawn l-individwi u jiftaħ il-bieb lil dawk li jridu jagħmlu l-affarijiet mingħajr ebda ħabi.” Minkejja dan, hemm persuni komuni li forsi jridu jagħmlu dan l-investiment fil-Partit Nazzjonalista, b’mod ġenwin li iżda fil-futur, xorta waħda jistennew xi forma ta’ ringrazzjament ġaladarba l-PN ikun fil-Gvern. Għal dan, Psaila jinsisti li imbagħad, irid jiġi mill-politiku stess li jaċċerta li f’dawn il-każi, lill-persuna, ma jaqduhomx. “Imma ninsab fiduċjuż li meta jkollok partit li għamilha il-cavallo di battaglia tiegħu, din l-għajta ta’ politika onesta, dawn in-nies li jistennew xi tip ta’ pjaċir, jibgħathom jixxejru. Għaliex hemmhekk, inkella tkun verament intilfet il-fiduċja kollha fil-politika.”

 

In-nies responsabbli huma ta’ reputazzjoni

Frank Psaila jistqarr li meta jara t-tip ta’ persuni li diġà tkellmu fuq l-iskema jew kienu qed jappoġġjawha, iktar ikollu fiduċja fiha għaliex dawn huma, “nies ta’ reputazzjoni fil-qasam tagħhom.” Fil-fatt, isemmi nies bħal Alex Perici Calascione li huwa t-teżorier tal-PN u wieħed mill-amministraturi ta’ din l-iskema u jgħid li huwa persuna li bena reputazzjoni fil-qasam finanzjarju u legali, u “ma naħsibx li dawn in-nies huma lesti li jarmu r-reputazzjoni tagħhom fuq skema li m’għandhiex bażi soda, u allura iktar ittini fiduċja meta nara dawn in-nies li jorbtu isimhom magħha.”

 

Għaliex issa u mhux dakinhar?

Il-gazzetta ILLUM tal-Ħadd li għadda ppubblikat storja ta’ eksimpjegat tad-Dar Ċentrali li tkeċċa meta l-Partit kellu jagħmel ristrutturar fi ħdanu minħabba li kien qed jagħmel it-telf. Għaldaqstant, bħala ħaddiem fi ħdan l-istess Dar, ma jħossx li din l-iskema setgħet saret dak iż-żmien biex dawn il-ħaddiema setgħu jiġu offruti xi tip ta’ għajnuna jekk kienu se jitkeċċew? Hawnhekk, Frank Psaila jgħid li, “l-mumenti diffiċli li kienu fihom il-ħaddiema tad-Dar Ċentrali wara l-elezzjoni, weġġa’ lil ħafna nies, u fejn inqata’ l-laħam, ħareġ ħafna demm.” Jgġid ukoll li jaf minn xiex għaddew dawn il-ħaddiema, “kemm minħabba li nkun viċin tagħhom minħabba i jien preżentatur hemmhekk, u anke minħabba li jien ukoll għaddejt minnha din l-esperjenza.” Però, mill-banda l-oħra Psaila jgħid li issa, il-ħaddiema jgħidulek li tal-inqas il-proċess li kellu bżonn isir, sar. “Il-finanzi tal-Partit kellhom jiġu indirizzati u issa, l-arja fid-Dar Ċentrali, għalkemm mhix waħda ta’ ferħ u glorja, hija waħda fejn tal-inqas, is-salarji tagħhom, qed jinħarġu, kif għandhom kull dritt. B’hekk jafu li b’dawn it-tip ta’ skemi u inizjattivi, il-futur tal-għajxien tagħhom, huwa ħafna aħjar mill-kien ilbieraħ, u nemmen li għada huwa ħafna aħjar mil-lum għal dawn il-ħaddiema.”

 

Xogħol lil hinn mill-Ministeri

Frank Psaila jikkritika l-mod ta’ kif taħt dan il-Gvern, il-kordinatur tal-komunikazzjoni fi ħdan ministerji varji, jagħmlu xogħol li jmur lil hinn minn dak mitlub, li huwa strettament ministerjali. “Meta l-PN kien fil-Gvern, differenti mill-lum fejn kordinaturi tal-komunikazzjoni tal-Gvern, u għamlu sew dakinhar, kienu biss limitati li jaħdmu fil-qasam tax-xogħol ministerjali tagħhom. Illum, dik m’għadhiex. Huwa fatt magħruf li għandek kordinatur tal-komunikazzjoni li qed jaħdmu mal-istazzjon tal-PL. Jiġifieri dawn qed jieklu minn żewġ postijiet differenti?” Għalhekk, Psaila jkompli jgħid li biex il-PL jiskonġra b’dak li seħħ fi ħdan il-PN, trid tkun altru milli pur u definittivament li mhumiex ikunu ta’ eżempju fuq dawn l-affarijiet.”

 

Hemm lok għat-tielet partit?

F’dawn l-aħħar ġimgħat, fost waħda mit-temi rikorrenti li ssemmiet fil-pajjiż, kienet il-ħolqien ta’ partit ġdid għall-elezzjoni ġenerali li jmiss. Dwar dan, Frank Psaila jgħid li, “kull min b’xi mod jew ieħor iħoss li għandu xi kontribut x’jagħti fis-soċjetà, għandu jkollu l-ispazju biex jagħmlu dan. Però, l-kwistjoni hi jekk hemmx post għal dan il-partit.” Jitkellem ukoll dwar is-sistema politika f’Malta li ma tantx tippermetti li dan isir, u dwar Marlene Farrugia jgħid li hi, “persuna voċifera ħafna, u nsaqsi: hemm ħtieġa li Marlene Farrugia twaqqaf partit politiku, jew kien jagħmel iktar sens li xi ħadd bħal Marlene Farrugia tkun iktar attiva fis-soċjetà ċivili? Illum twaqqfu gruppi fil-pajjiż bħal dak immexxi minn Michael Briguglio li tant irnexxielhom jagħmlu impatt, anke fi kwistjonijiet bħal taż-Żonqor, fejn il-Gvern kellu jagħmel nofs kutrumbajsa fuq din il-kwistjoni.” Għalhekk jemmen li jekk dawn it-tip ta’ nies li għandhom ideat tajbin, u huma voċiferi, jagħżlu li jipparteċipaw iktar fis-soċjetà ċivili, jkunu jistgħu jagħmlu iktar effett, milli b’partit ġdid.

 

Il-fiduċja fil-PL: ‘illum hemm dubji kbar’

Il-fiduċja fil-Partit Laburista, jgħid Psaila, ‘għandha mistoqsijiet kbar’, u dan għaliex, “il-pajjiż ġej minn episodju fejn il-PL rebaħ b’35,000 vot, u l-poplu vvota għal dik il-bidla għax kien fiduċjuż li l-affarijiet se jaqilbu għall-aħjar. Però illum, mill-istħarriġ jidhru li hemm mistoqsijiet kbar kemm l-affarijiet verament sejrin għall-aħjar.

Il-fiduċja tan-nies fil-Gvern naqset, mhux għalxejn, imma għaliex in-nies jinsabu diżappuntati li dak li kien imwiegħed qabel l-elezzjoni ġenerali, mhux qed jirrealizza ruħu.” Għalhekk, Psaila jsostni li f’każ li l-PN ikun fil-Gvern fl-elezzjoni li jmiss, minbarra li jkun kisba kbira li rnexxielu jirbaħ id-distakk li kien hemm, trid tiġi minnu stess li joffri bidla għall-aħjar li l-poplu jkun irid, u jkun propju fuq it-tmexxija nadifa li jkun irid jiffoka għaliex jidher li din hi l-iktar kwistjoni importanti, u li tinkwieta lil ħafna nies.”

Minkejja dan, din il-gazzetta tistaqsi lil Psaila jekk jaħsibx li n-nies jivvutaw fuq kwistjonijiet bħall-governanza u trasparenza anke jekk huma personalment sejrin tajjeb, u fl-oqsma li jmissu magħhom direttament, bħall-edukazzjoni, saħħa, xogħol u flus fil-but, il-pajjiż jinsab miexi fid-direzzjoni t-tajba. Għal dan, Psaila jġib eżempju ta’ familja li tkun sejra tajjeb u l-ulied ikunu ħadmu u ggradwaw mill-Università, iżda mbagħad jaraw li “karigi importanti inkluż dawk ta’ ambaxxaturi, ittieħdu min-nies li lanqas għandhom l-iċken kwalifika għal dik il-kariga. Jiena nimmaġina li dik il-familja li binha min jaf kemm ikun ilu jistudja fil-qasam tad-diplomazija u r-relazzjonijiet internazzjonali, bit-tir li jsib impieg fil-qasam, imbagħad isib li bħala ambaxxatur, ikun laħaq xi ħadd li kien preżentatur fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista, naħseb li ttihom ġewwa ħafna lin-nies, u bir-raġun. U naħseb li fuq din il-kwistjoni, jivvutaw ukoll.”

Ikompli jsostni li hu jimxi fuq il-figuri u l-istħarriġ, primarjament tal-gazzetta MaltaToday juru li l-aktar kwistjonijiet li qed jaffetwaw lill-elettorat huma n-nuqqas ta’ tmexxija nadifa, il-korruzzjoni. Waqt li jirrikonoxxi l-fatt li l-elezzjoni fadlilha, jsostni li, “jekk kellha ssir elezzjoni għada, dawn l-oqsma huma kwistjonijiet li n-nies se jkunu qed jivvutaw fuqhom.”

Dwar id-dissens li l-poplu għandu fiż-żewġ partiti, partikolarment l-iswitchers li mill-istess stħarriġ deher li tilfu l-fiduċja fiż-żewġ partiti, Frank Psaila jgħid li dawn tilfu l-fiduċja bir-raġun. “Dan id-diżappunt huwa bilfors, meta jkollok rebħa kbira bħal dik, imbagħad ikollok sensiela ta’ skandli, żgur li n-nies ikunu ddiżappuntati.”

 

‘It-triq tal-PN dejjem kienet għat-telgħa’

Mill-aħħar stħarriġ, jidher li l-appoġġ lejn Simon Busuttil reġa’ tela’ biex kompla jnaqqas id-distakk li kellu minn mal-Prim Ministru Joseph Muscat. Minkejja dan, Muscat baqa’ fuq quddiem, u dan meta tikkunsidra li kien qed jgħaddi mill-agħar perjodu tiegħu. Għal dan, il-preżentatur ta’ Net tv jgħid li t-triq tal-PN kienet dejjem għat-telgħa, “u wieħed irid iqis li dawn ma bdewx ras imb ras, imma l-Prim Ministru telaq b’vantaġġ ta’ 36,000. Waqt li wieħed irid jirrikonoxxi li l-Prim Ministru għadu jgawdi vantaġġ fuq Simon Busuttil, id-distakk enormi li kien hemm bejniethom minn tliet snin ilu, illum niżel konsiderevolment, u trid tara wieħed minn fejn telaq.” 

More in Intervisti