'Mhux talli ma tkeċċiex, imma ngħata promozzjoni għal deputat kap'

'Kieku seħħet fil-PN, kieku ilha li seħħet it-tkeċċija tad-deputat'

Frank Psaila
Frank Psaila

F’intervista mal-gazzetta ILLUM, l-opinjonista Frank Psaila ħeġġeġ li, “hemm bżonn li isem pajjiżna jitnaddaf immedjatament u Konrad Mizzi m’għandux għażla ħlief li jirreżenja jew jitkeċċa il-Prim Ministru. Iktar ma jnaddaf isem pajjiżna malajr, aħjar. Fl-aħħar mill-aħħar għall-poplu kollu.”

Meta mistoqsi dwar id-dubji u l-kritika li qamet dwar l-iskema ta’ self tal-Partit Nazzjonalista Ċedoli 2016, Frank Psaila, pront wieġeb li d-dubji tan-nies li qed jitkellmu dwarhom, mhumiex dwar l-iskema ta’ self tal-PN imma dwar il-każ tal-leak imsejjaħ ‘Panama Papers’, li fih hemm involut il-Ministru Konrad Mizzi. “Dawn huma l-affarijiet li qed jinkwetaw lin-nies: li jkollok ministri li jippruvaw joħolqu kontijiet f’pajjiżi dubjużi ħafna. Dawk huma l-affarijiet li n-nies qed jinkwetaw dwarhom, u hemmhekk tintilef il-fiduċja fil-politika, u mhux skema ta’ self volontarju.”

Hemm bżonn li isem pajjiżna jitnaddaf immedjatament u Konrad Mizzi m’għandux għażla

U allura x’jaħseb li kien jagħmel il-PN li kieku l-kwistjoni tal-Panama kienet timplika xi deputat tal-PN, Frank Psaila, mingħajr tlaqliq jgħid li kieku, “ilha li seħħet it-tkeċċija ta’ dan id-deputat, u m’għandiex dubju dwar dan.” Ikompli jgħid li, “din mhix kwistjoni ta’ investigazzjoni imma kwistjoni fejn inti ma toħloqx kont bankarju jew kumpanija f’pajjiż fejn huwa magħruf għalfejn titpoġġa l-kumpanija hemmhekk. B’dan il-leak għandna privileġġ li nafu min kienu n-nies li kellhom il-kontijiet, u min kien hemm? Kien hemm nies viċin ta’ Vladimir Putin, nies viċin l-eks-Prim Ministru Eġizzjan Hosni Mubarak, nies viċin Assad fis-Sirja, ‘drug cartels’ tal-Messiku. Meta tara dawn in-nies, tinduna li dawn mhumiex verġni u ma jiftħux kumpanija f’dawn il-pajjżi għal xejn b‘xejn, u jinħolqu dubji kbar. Sinċerament ma nistax nifhem għalfejn Konrad Mizzi ma tneħħiex minn Ministru, għaliex l-ikbar insult li tista’ tagħmel huwa li jkollok il-Laburisti li qed jgħidu kemm huma irrabjati għall-mod ta’ kif il-Gvern qed jittratta kwistjoni bħalma hi din tal-Panama, u mhux talli ma tneħħiehx imma ttih promozzjoni u tagħmlu deputat mexxej. Din ma nistax nifhimha u toħloq ħafna mistoqsijiet.”

L-opinjonista jkompli jgħid li anke l-Laburisti huma rrabjati bis-sitwazzjoni, u jippreferu li kieku qed jitkellmu dwar kif il-Gvern tagħhom qed ikompli joħloq il-ġid fil-pajjiż, imma “illum fil-pajjiż qed nitkellmu dwar il-Panama, xi ħaġa li qed tiġi rrappurtata internazzjonalment. L-informazzjoni żvelata turi li hu l-uniku ministru ta’ pajjiż fl-Unjoni Ewropea li jissemma.” “Taħseb li dan huwa tajjeb għar-reputazzjoni ta’ pajjiżna?” jkompli jistaqsi Psaila.

Ikompli jitkellem dwar l-effett li din il-kwistjoni kapaċi jkollha fuq min jixtieq jinvesti fil-pajjiż, “meta jkollok Ministru ewlieni li hu responsabbli mill-oqsma tal-Enerġija u tas-Saħħa, li jkollu ismu ma’ dawn it-tip ta’ mexxejja, bilfors li jqumu l-mistoqsijiet mingħand dawk li jkunu qed iħarsu lejn pajjiżna biex jinvestu.”

More in Intervisti