Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

“Konsulent illum tfisser li int tal-klikka fiċ-ċrieki taċ-ċrieki” - Emmy Bezzina

  • Jipprovaw jirridikolawh u jagħmluh aktar popolari

John Busuttil / 2 ta' Frar 2016 08:00
L-avukat ta’ 65 sena u missier ta’ sebat ulied, Emmy Bezzina bħalissa jinsab fuq fomm kulħadd. Hu l-aktar persuna popolari bħalissa iżda dak li ftit jafu dwaru huwa l-fatt li Emmy, sena u nofs ilu, miet. Iva f’Settembru tal-2014 Emmy Bezzina tah attakk kbir f’qalbu “fejn żvinajt u kellhom jagħtuni 19-il borża demm. U kulħadd iddikjara li ma kontx se ngħix ġurnata oħra f’perjodu ta’ seba’ ġimgħat. Bdejt nisma’ lil ta’ madwari jgħidu ‘telaq’, ‘dan l-aħħar nifs tiegħu’. Mitt erba’ darbiet u rxuxtajt erba’ darbiet. Esperjenzajt xi tfisser li tkun qed tmut. Illum għall-grazzja t’Alla qiegħed hawn mimli enerġija anke jekk qed ngħix b’nofs qalb għax nofsha mejta u b’żewġ arterji jaħdmu flok tlieta.” Dan hu Emmy Bezzina li ltqajt miegħu fl-uffiċċju tiegħu l-Belt li minn din l-esperjenza trawmatika li kellu baqa’ ma qatax qalbu u ma bidlet xejn mill-karattru esplożiv tiegħu.

Il-programm ‘Il-Parlament tal-Poplu’ sploda fl-udjenza tiegħu sforz l-istil ‘uniku’ ta’ kif jikkritika lil Gvern, lil President tar-Repubblika, lil xi membri tal-kleru, speċjalment lil Arċisqof li hu jsejjaħlu Charlie jew Charles, kultant lill-oppożizzjoni u lil dawk li jipprovaw jirridikolawh fit-telefonati tagħhom.

Kliem bħal ‘piżella’ u espressjonijiet bħal ‘basal immarinat fil-ħmieġ tal-ġrieden’, fost oħrajn, spiċċaw fuq ilsien kulħadd u spiċċaw bħala parti mill-lingwaġġ urban tal-pajjiż. Dan kollu wassal biex ħarġet fil-beraħ l-aħbar li l-programm tiegħu kien qed jiġi investigat mill-Awtorità tax-Xandir u l-popolarità tiegħu kompliet tisplodi meta wiċċu sar familjari fuq kull stazzjon tat-televiżjoni fejn diversi preżentaturi riedu jirkbu xi ftit fuq iż-żiemel rebbieħ tal-mument li jidher li jista’ qed jiġri b’kulħadd, f’dawk li huma udjenzi televiżivi.

“Nista’ nassigurak li l-programm mhux se jieqaf għax nemmen fil-verità. X’hemm ħażin li xi ħadd tgħidlu basla, idjota, piżella u baħnan u ġġib ftit tbissim għal dawk l-imsejkna li ma jifhmux l-importatura ta’ dik il-frażi. Kienu erba’ nemliet infettati li ħolqu din il-ħrafa tal-programm tiegħi qed jiġi investigat”. Bezzina qal li meta jgħid dawn in-nemliet, qed jirreferi għal xi ministri, membri parlamentari, spekulaturi u xi membri tal-kleru li ma kinux qed jieħdu gost bil-verità.

Emmy Bezzina ilu fix-xena tax-xandir minn meta kellu sitt snin u ħadem bħala attur f’diversi plays, anke dawk televiżivi. L-aħħar li deher bħala attur kien fil-parti tal-avukat fid-drama klassika ‘Il-Madonna taċ-Ċoqqa’. “Jiena personalità televiżiva li bnejt esperjenza li meta nidħol biex nagħmel il-programm qas inkun naf fuq liema suġġett se nitkellem. Iżda jien naġġorna ruħi billi naqra l-ġurnali kollha, l-portals kollha, nara x’qed jiġri madwar id-dinja u naqra ħafna kotba.”

Minn kritiku aħrax tal-PN għal kritiku aħrax tal-PL

Emmy Bezzina qal li l-programm ‘Il-Parlament tal-Poplu’ ma bdiehx ilbieraħ. Tant li qabel l-elezzjoni li għaddiet hu kien jużah biex jattakka bla ħniena lill-Gvern Nazzjonalista. Issa li hemm Gvern Laburista qed jattakkah bl-istess mod. Dan jagħmlu għax ma ngħata xejn mill-gvern preżenti jew għax dejjem irid ikun fuq in-naħa tal-oppożizzjoni? “Jien appostlu tal-verità. Il-prinċipji li tgħallimt mill-ġenituri tiegħi kienu li min jibni fuq il-verità u kontra l-qerq  u l-korruzzjoni m’għandux għalfejn jaħsibha biex jgħid dak li għandu jgħid.”

“Issa fl-edizzjoni ta’ qabel l-elezzjoni fl-aħħar sena u nofs il-PN kellu diżgwid kbir fejn anke Gonzi kien ammetta li hemm il-korruzzjoni, kien deher li ħadd ma seta’ jsib tarfha u għalhekk il-missjoni tiegħi kienet li aħna għandna mmorru fuq dik il-vuċi li lil poplu qed tgħidlu li jien irrid nnaddaf, jien irrid nneħħi l-burokrazija, irrid nibni gvern fuq il-meritokrazija, irrid nibni pajjiż li kulħadd tabilħaqq iħossu li Malta Tagħna lkoll. U aħna tajna kontribut esaġerat ewlieni fir-rebħa kbira tal-Partit Laburista għax aħna għamilna ħidma kbira għax verament ridna nnaddfu lil Malta.”

“Għalhekk tista’ timmaġina kif ħassejtni meta bdew ħerġin każijiet taħt l-amministrazzjoni ta’ Joseph Muscat. Amministrazzjoni ta’ arranġamenti kontrattwali li ma kienu qed jidhru sbieħ xejn, li kien fihom xamma ta’ korruzzjoni, imġieba ta’ ċertu ministri u segretarji parlamentari, imġieba ta’ ċertu bordijiet, eċċ. Tlabt lil Prim Ministru jiġi fuq il-programm biex jikkalma lill-poplu u jgħid li se jiġġieled kontra l-mewġa ta’ korruzzjoni. Għax hu tela’ bil-wegħda li se jnaddaf il-korruzzjoni u se jimxi fuq il-meritokrazija, fost wegħdi oħra. U dan mhux qed isir. Dan l-aħħar fit-Teatru Orpheum fil-Gżira qal li se jiġġieled favur l-governanza tajba - iżda  jien ma nemmnux, għax għadna naraw jinbtu konsulenti. Mela int tista’ tkun tbigħ il-pastizzi llum (bir-rispett kollu għal min ibigħ il-pastizzi għax għandu d-dinjità tiegħu) u l-għada issir espert fid-djamanti b’salarji esaġerati?”

Staqsejtu għal min kien qed jirreferi. Għal Charlon Gouder? “Mhu qed nirreferi għal ħadd. Iżda mhux ġust li l-poplu jsir jaf  li xi ħadd ingħata konsulenza meta baqa’ jżomm l-istess impjieg u l-istess impenji bi ħlas aktar permezz ta’ domanda minn membru tal-Oppożizzjoni. U dan mingħajr mingħajr ma ngħidu lill-poplu x’inhi konsulenza. Mela konsulent illum tfisser li int tal-klikka fiċ-ċrieki taċ-ċrieki? U din lili tweġġagħni u se nibqa’ bl-impenn li nsemma’ leħni kontra dan kollu fil-programm.”

Farrkuli l-uffiċċju meta telgħu n-Nazzjonalisti fl-1987

Emmy Bezzina qal li jkun żball jekk xi ħadd jagħlaq ħalq il-kritika bħalma kien isir fis-Sebgħinijiet u anke fit-Tmeninijiet u semma l-każ tiegħu meta fl-1987 fl-elezzjoni mirbuħa min-Nazzjonalisti kissrulu l-uffiċċju li konna fih. “Dakinhar biex ħriġt minn hawn biex nara l-uliedi fid-9 ta’ Mejju 1987 kellhom ilibbsuni daqna falza, kowt tar-Russi u beritta biex ma jagħrfunix. Għax in-Nazzjonalisti farrkuli l-faċċata u l-bieb. Kuntent li dak iż-żmien għadda u spiċċa għax il-poplu mmatura.”

“Issa jidher li dak li qed jingħad fil-Parlament tal-Poplu hi verità assoluta. Nisfida lil kull ministru, lil Prim Ministru u lill-Kap tal-Oppożizzjoni, jekk qattx intqalet xi gidba fil-programm. Mhux sew li għax inkun qed ngħid il-verità, is-serjetà tal-programm taqa’ għan-nejk billi jċempel xi ħadd u jgħid vera kelma baxxa u vulgari u ninsisti li min-naħa tiegħi qatt ma ntqalu la kliem baxx u lanqas vulgari.”

Iżda Emmy Bezzina li fih hemm id-DNA ta’ attur qed jilgħab bil-lingwaġġ krud biex jiġbed it-telespettaturi? U kif jista jgħid b’wiċċ sorbriju li hu ma jitkellimx baxx jew vulgari?  Emmy qalli li kulħadd hu attur fil-ħajja, anke jekk hemm gradi ta’ atturi, iżda hemm min hu kapaċi jwassal il-messaġġ bil-mod ta’ kemm ikun kapaċi jagħraf il-karattri ta’ madwaru. Qal ukoll li l-linja ta’ ħsieb u l-kliem li juża ma jaħsibhomx qabel imma jkun ispirat fih waqt is-sewqan minn Birżebbuġa, fejn jgħix, sal-Belt. Isemmi kif diversi xufiera bil-mod tagħhom ta’ kif isuqu, “speċjalment xi xufiera ta’ vannijiet, taxis u mini buses jagħfsu mal-bumper jew jagħmuk bid-dwal tagħhom u nibda ngħajjarhom fil-karozza tiegħi mingħajr ma jismagħni ħadd u nuża aġġettivi li jkun jixirqilhom.” Imbagħad, kompla jgħid Bezzina, dawn l-aġġettivi joħorġu waqt il-programm meta xi ħadd jipprova jirridikolah.

“Għalkemm xorta noqgħod attent x’ngħid għax ikun fuq it-televiżjoni.” Fil-fatt il-frażijiet li juża mhumiex daqshekk gravi bħal dawk li jintużaw fil-films Ingliżi u Amerikani u anke f’xi programmi Taljani. U filwaqt li beda jagħmel eloġju għall-ġmiel tal-lingwaġġ Malti, staqsejtu jekk il-vulgarità Maltija jqishiex bħala sabiħa. “Hemm vulgari u hemm pastaż. Li tgħid il-ħmieġ tal-ġrieden hi daqsxejn vulgari iżda aċċettabli. Iżda li kieku għidt il-ħara tal-ġrieden, dik differenti. Dik kelma repulsiva għax dak li jkun jitqażżeż. Għalkemm jien xtaqt li nuża dik il-kelma, iżda nħoss li għadna ma wasalniex f’dak iż-żmien. Nammetti, iva, li ma tantx kont edukat meta dan il-kliem użajtu fuq ċerti nies. Imma nfakkar li dawn saħansitra ffurmaw għaqdiet bejniethom,  biex  iċemplu u jirridikolaw dan il-programm li qed iġib konxju lil Żeża u Ċikku ta’ dak li qed jiġri verament madwarhom.”

L-Arċisqof jista jkollu kumbattiment bħal ma kellu Mikiel Gonzi

Emmy Bezzina qal ukoll li filwaqt li ma jaqbilx mal-kelma li uża Simon Busuttil meta għajjar lil gvern ta’ Muscat mafja u saħaq li l-Kap tal-PN jiġġeneralizza wisq fil-konfront tal-Gvern meta hemm elementi li huma tajbin ukoll. Minkejja dan Bezzina qal li hu mweġġa’ għal mod kif wassal il-messaġġ tiegħu l-Prim Ministru tal-aħħar tas-sena, “għax ma għandux għalfejn Joe Muscat jidħak bil-poplu.”

Din il-frażi fakkritni eżatt dak li qal l-Arċisqof fuq il-programm Reporter. “Charlie Scicluna kellu dritt u għandu dritt jgħid li jrid. Però kif dejjem ngħidlu, Charles oqgħod attent. Għax jekk int għandek dritt tesprimi dawn il-fehmiet iżda jekk int se tidħol f’din l-inkwadratura tal-affarijiet lokali, allura stenna li se jkollok gwerra minn elementi li dan l-abbuż se jikkumbattuh bħalma kellu Mikiel Gonzi,” kompla jgħidli Emmy.

Bżonn ta’ kostituzzjoni sekulari

Tlabtu jgħidli kif jaħsibha dwar il-Musulmani li kienu qed jitolbu fit-triq fejn qal li ma jaqbilx u għalhekk iffaċċjajtu bil-fatt li jekk ma jaqbilx allura jfisser li jrid jwaqqaf dritt tal-espressjoni tagħhom. “Mhux dik il-kwistjoni, iżda x’inhi l-kultura ta’ pajjiżna u x’inhuma t-tradizzjonijiet tagħna. Nispera li tinbidel il-kostituzzjoni fejn l-istat isir wieħed sekolari u kulħadd ikollu l-post tiegħu fejn jitlob. Iżda li tgħid li għax m’għandekx spazju tmur titlob quddiem knisja, fejn proprju jista’ jweġġa s-sentiment, hu ta’ periklu immens.”

L-AD għadha mhix eleġibbli u l-PN huwa superfiċjali

Jekk issir elezzjoni għada, Emmy lil min jivvota? “Bħalissa għandi dubju għax nixtieq nara forza ġdida politika li tinbet fil-pajjiż b’mexxej żagħżugħ. Iżda li kellha ssir elezzjoni għada, ngħidha bl-akbar responsabilità li la nivvota naħa u lanqas l-oħra. Jekk ikun hemm kandidat indipendenti li nemmen li jkollu daqsxejn ta’ kredibilità nivvota lilu.” Għaliex mhux l-Alternattiva? “Għax l-Alternattiva ma narahiex dik il-forza politika li tista’ tagħti bis-serjetà dik it-tmexxija u pedament lil pajjiż. L-Alternattiva baqgħet inkwadrata bħala moviment. Baqgħet simbolu tax-xemx li qed tipprova tfeġġ. Għadna ma rajniex dik is-serjetà impenjattiva. Infakkrek li tnejn mill-esponenti tal-bidu tagħha, Toni Abela u Wenzu Mintoff li minħabba l-ideal tagħhom tkeċċew mill-Malta Labour Party biex iffurmaw dan il-moviment,  spiċċaw biex reġgħu lura għal-Labour.”

 “Il-Partit Nazzjonalista qed narah wisq superfiċjali. Iridu jidħlu aktar fihom infushom u joffru strateġija ta’ gvern alternattiv. Naħseb li t-trijonverat b’Simon, Beppe u Mario jrid jissaħħaħ iżjed billi jissaffew dawk l-elementi li għadhom qed iġibu l-memorji tal-korruzzjoni li proprju l-poplu tagħna ħadem biex jelemina. In-Nazzjonalisti jeħtieġ jissaħħu aktar fil-kontrolli tagħhom tal-kritika lill-gvern u joffru alternattiva.”

Personalità li Emmy jħobb kif jgħid il-Malti ‘jaqlgħalha’ hi l-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca. Qal lill-ILLUM li hi ħabiba kbira tiegħu, “Jien konxju ħafna li nkun qed ngħid xi ħaġa li tista’ tweġġa’ ħbieb tiegħi kbar bħal Marie Louise Coleiro Preca. Imma jekk ma nagħmilx hekk, allura mhux preżentatur ta’ programm li l-enfasi tiegħu hi l-verità kollha, xejn ħlief il-verità kollha, u l-verità assoluta għal kulħadd u ma’ kulħadd.

 

 

John Busuttil attenda is-Seminarju tal-Arċisqof fil-livell sekondarju. Fl-1978 attenda għal kors tal-Method Study organizzat mill-Malta Institute of Management u ġie ċċertifikat fil-Method Time Study. Fl-1987 attenda b’suċċess għal kors fil-Middle Management organizzat mid-dipartiment tal-Management studies fl-Universita ta’ Malta. Għal erba snin sħaħ, 1994, 2000, 2001 u 2004 kien finalist tal-ġurnalist tas-sena fil-BPC awards u fl-2004 ingħata dan l-unur għal 'significant contribution to Professional Journalism' Producer & Presenter ta' diversi programmi fuq NET TV, SMASH TV, PBS u ONE TV. Ipproduċa u ppreżenta programmi radjufoniċi dwar Vjaġġar u Sport u pparteċipa f'diversi programmi televiżivi u radjufoniċi dwar suġġetti varjati. Għal 43 sena ħadem mal-Media Link. U bħalissa jaħdem mal-MediaToday.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook