‘Kont nibża’ li kont se nitlef l-aħħar taħbita ta’ qalbu’

L-istorja ta’ kuraġġ u ispirazzjoni ta’ omm li kważi tilfet lil binha

Il-familja Cachia: Sarah Jacob, Sammy u Chloe • Ritratt: Ray Attard
Il-familja Cachia: Sarah Jacob, Sammy u Chloe • Ritratt: Ray Attard

Jacob Cachia huwa żagħżugħ ta’ 18-il sena li kważi tliet snin ilu, hu u l-familja tiegħu għaddew minn trawma meta qatta’ 5 xhur l-isptar wara li kellu infezzjoni rari f’moħħu, u kellu jgħaddi minn tliet operazzjonijiet maġġuri f’moħħu, u żewġ emorraġiji, f’moħħu stess. Dawn l-operazzjonijiet kienu serji mmens u t-tobba kienu diġà ppreparaw lill-familja li dawn setgħu jkunu fatali, tant li qalulhom li Jacob kellu 50% ċans li jgħix u jsalva. 

“Imma t-tifel għex. Imma mhux għax għex, it-trawma waqfet hemm, it-triq tal-fejqan hi waħda twila.” Dan spjegatu Sarah, omm Jacob li għalkemm irrakkontat l-esperjenza diffiċli li għaddiet minnha hi u l-familja tagħha, jispikka fi kliemha l-element qawwi ta’ pożittività li jirnexxielha tittrażmetti lil kull min jitkellem magħha. Fil-fatt, Sarah tisħaq li, “l-pożittività hi nofs il-fejqan u għalhekk, ma kontx inħalli nies li se jbikkuh, imorru ħdejh.”

It-tobba kienu qalu wkoll li kien hemm ċans kbir li Jacob ma jkunx jista’ jimxi, però, bid-determinazzjoni u ħafna terapija, illum Jacob jista’ jimxi u qed ikun ta’ eżempju għal ħafna żgħażagħ oħrajn li jinsabu għaddejjin minn xi diffikultajiet. 

Minkejja li bħala familja huma bla dubju ispirazzjoni kbira għal ħafna oħrajn li jinsabu għaddejjin minn xi burraxka, Sarah titkellem dwar persuni oħra li huma pożittivi minkejja li għaddejjin minn xi sitwazzjonijiet ta’ saħħa huma, wkoll bħal Bjorn Formosa, l-fundatur ta’ ALS Malta, li Sarah tiddeskrivih bħala “ispirazzjoni u eroj talli qed jaħdem biex jgħin lil ħaddieħor minkejja l-kundizzjoni tiegħu.”

L-ILLUM iltaqgħet mal-familja Cachia biex tirrakonta l-istorja u l-ħidma tagħha mal-persuni li jinsabu għaddejjin b’xi trawma. Sarah spjegat kif ħassewhom bħala familja wara dak li kienu għaddew minnu, u l-għajnuna li kellhom bżonn. “Wara t-trawma, tħossok waħdek ħafna, avolja jkollok ħafna ħbieb u familja warajk, u tibda tfittex nies li jifhmuk, u l-iktar nies li jistgħu jifhmuk huma n-nies li jkunu għaddew minn trawma huma stess. Ikunu jafu kif tista’ toħroġ mid-dlam, u jafu x’jiġifieri li tkun fid-dlam, hi x’inhi t-trawma li jkunu għaddew minnha.”

‘Kellna bżonn naqsmu l-esperjenza tagħna’

Kull bewsa kont inħossha li setgħet kienet l-aħħar bewsa

Meta kienu lesti biex joħorġu lil Jacob mill-isptar, Sarah staqsiet lit-tobba jekk kienx hemm xi tip ta’ informazzjoni dwar nies li kienu għaddew minn esperjenzi simili u setgħu jaqsmu l-istejjer tagħhom flimkien. Sfortunatament, minħabba kwistjonijiet ta’ protezzjoni tad-data u etika fix-xogħol, it-tobba ma setgħux jgħinuhom. 

“Għalhekk, bid-dmugħ f’għajnejja saqsejt lil Jacob, ‘Imma kif se nsibuhom lil dawn in-nies?,’ u kien minn hemm li ftaħna l-grupp fuq Facebook, u bil-mod il-mod bdew deħlin in-nies fih biex jitkellmu dwar l-esperjenzi tagħhom, kollha stejjer diffrenti u kollha stejjer ta’ kuraġġ, minn kull tip ta’ mard u kundizzjoni.”

Ingħata l-isem ta’ ‘Survivors Malta’, għaliex huma jrexxielhom jgħixu u jgħaddu minn din il-battalja, u jirbħuha. Għalhekk l-arma tal-għaqda, turi qalb b’żewġt iswaba’ ’l fuq f’simbolu tar-rebħa tagħhom.

Sarah, dejjem bi tmissima fuq fommha, tkellmet fuq kif għalkemm il-grupp ġie maħluq sabiex huma jkunu jistghu jgħinu lil ħaddieħor, kien il-grupp stess u n-nies ta’ ġo fih li għenhom jerġgħu jsibu saqajhom. L-għan finalment huwa li jagħtu xi ftit tal-kuraġġ u juru empatija, u għalkemm kulħadd jittama għall-aħjar, “ma nistgħux inwiegħdu li kollox se jispiċċa b’wiċċ il-ġid, imma tal-anqas noffru ftit tad-dawl.” 

Sarah kompliet tispjega li s-survivors mhumiex biss dawk li jkunu fis-sodda, imma wkoll dawk li jkunu madwarha, “għax dawk isofru daqs, jekk mhux iktar minn dawk li jkunu mardu.”

Mumenti ta’ diffikultà

Minkejja li bħala esperjenza kienet kollha kemm hi waħda diffiċli, dik li kellhom jgħaddu minnha l-familja Cachia, Sarah tiddeskrivi mument partikolari bħala l-iktar wieħed li kien ta’ diffikultà, partikolarment għaliha bħala omm Jacob. “Bħala omm, l-iktar mument diffiċli jkolli ngħid li kien meta kellu t-tieni emoraġija f’moħħu, u beda jitlef id-demm minn tliet postijiet f’daqqa, u t-tobba kienu avżawna li seta’ jmut minn mument għall-ieħor għaliex kien wisq batut biex jagħmel it-tielet operazzjoni.”

“Waqt li kienu qed idaħħluh fit-teatru, qbadtu miegħi u ma stajtx inħallih kellhom jaqilgħuni minn miegħu biex idaħhluh għall-operazzjoni.”

Wara li saritlu l-operazzjoni, Jacob bil-kemm kellu ħajja, u ma bediex jirreaġixxi għal xi testijiet li sarulu, “ u bdew niġu preparati mit-tobba għax is-sitwazzjoni ma tantx kienet tidher waħda tajba. Bejni u bejn ruħi bdejt ngħid, imma kif tista’ omm tipprepara biex issellem lil binha għall-aħhar darba?”

Sarah, emozzjonata bdiet tiftakar kif matul dak il-lejl kienet intefgħet ħdejh u bisitu minn rasu sa saqajh, “kif omm tbus lil binha li għadu kif twieled, u kull bewsa kont inħossha li setgħet kienet l-aħħar bewsa. U tfajt widnejja ma’ qalbu biex nisma’ kull taħbita ta’ qalbu għax bdejt nibża’ li kont se nitlef l-aħħar taħbita ta’ qalbu.”

Sarah kompliet tirrakkonta kif, “l-għada, meta ġiet in-ners u t-tobba biex jagħmlulu t-testijiet, bdejt nisma’ d-daħq u bdejt nitbissem anke jien, u qaluli li kien qed jaqleb għall-aħjar. U għalkemm kien wieħed mill-iktar iljieli diffiċli, dak kien l-iktar lejl li kelli fidi u tama u ħassejt li kelli lil xi ħadd miegħi.”

Il-ħajja qatt mhu se terġa’ tkun l-istess

Minkejja li l-aħħar operazzjoni saret iktar minn sena u nofs ilu, u Jacob għamel ħinijiet twal ta’ terapija, Sarah tispjega kif il-ħajja tal-familja tagħha, xorta waħda ma tistax terġa’ tkun l-istess kif kienet qabel, għalkemm qiegħda bil-mod terġa’ ssir qrib in-normalità. “Xi diżabbiltà, se tibqa’ hemm, u anke mill-aspett psikoloġiku, mhux faċli terġa’ tirkupra, għaliex il-familja kollha tkun qed tiġi affetwata, imma l-importanti huwa l-mod ta’ kif taffaċċja s-sitwazzjoni.”

Fi kliemha, Sarah tkompli turi l-pożittività tagħha meta titkellem kif, “ma tistax taħseb fuq in-negattiv, imma trid tħallih warajk u tiffoka fuq dak li hemm pożittiv, għax meta tqabbilhom, hemm ħafna iktar pożittiv fil-ħajja. Li kieku tlift lil ibni, kienet tkun diffiċli ħafna għalina, imma jien ngħid, ‘Ibni għex!’”

Il-ħajja tal-familja Cachia illum il-ġurnata hi impenjata ħafna bil-viżti li jagħmlu lil diversi pazjenti sabiex jagħtuhom il-kuraġġ, u jkun hemm saħansitra min jikkuntattjahom sabiex iżuru lil familji li jkunu għaddejjin minn xi battalja, inkluż il-ħbieb u qraba ta’ familji li jitolbuhom iżuru l-familja biex jagħmlulha kuraġġ fil-mumenti diffiċli tagħha.”

‘Jacob: My Titanium Man’

Kif tista’ omm tipprepara biex issellem lil binha għall-aħhar darba?

F’Settembru li għadda, Sarah, flimkien mal-ko awtriċi, Kristina Chetcuti ppubblikat il-ktieb tagħha li jirrakkonta l-istorja ta’ Jacob u l-familja kollha, fuq talba ta’ Jacob stess meta kien għadu l-isptar, fejn kien jgħidilha sabiex tgħid l-istorja ta’ dak li kienu qed jgħixu flimkien. “Għamilna l-ktieb bil-għan li jkun ta’ isprazzjoni għal kulħadd, mhux biss għal dawk li għaddew minn xi trawma, biex ma jaqtgħux qalbhom, anke f’affarijiet żgħar, u nippruvaw nagħtu kuraġġ,” spjegat Sarah waqt li kompliet tispjega kif sar il-ktieb, b’laqta umoristika għall-qarrej.

Il-ktieb issemma’ ‘Jacob: My Titanium Man’ minħabba l-fatt li f’rasu, Jacob għandu ‘plate’ tat-titanium minflok nofs l-għadma ta’ rasu, li t-tobba ma setgħux jerġgħu jwaħħlulu wara l-intervent. Minħabba f’hekk, Sarah tat dan il-laqam lil binha.

Il-ktieb ikompli jirrakkonta l-istorja u l-vjaġġ tal-familja Cachia u l-ħolma li għandhom li jiftħu kafetterija b’differenza.

Sarah stqarret ukoll li għandha ħolma li fil-futur, tikteb ktieb ieħor li juri li l-ħolm kapaċi jsir realtà.

Il-Ħolma ta’ Jacob

Illum il-ġurnata, Jacob qed jaħdem f’kafetterija ewlenija f’Tas-Sliema, u jkompli bl-istudji tiegħu fuq il-Business fl-MCAST, waqt li flimkien mal-familja, jkompli jaħdem sabiex iwettaq il-ħolma tiegħu li jiftaħ il-kafetterija tiegħu, ‘Jacob’s Brew’. Il-kunċett ta’ din il-kafetterija huwa wieħed uniku għaliex minbarra li għandu l-għan li jkun kafetterija, jrid ukoll ikun post fejn jiltaqgħu s-‘survivors’ bħala post biex joffru l-appoġġ tagħhom lil xulxin. 

Minbarra dan, il-ħolma hija li, “dawk li jmorru għall-kafè, meta jħallsu jingħataw voucher li huma jgħadduh lil xi persuna jew familja li jafu li għaddejjin minn żmien diffiċli, biex imorru fil-kafetterija, waqt li jieħdu kafè, jibbenefikaw minn kelma ta’ kuraġġ. Għalkemm hija sempliċiment kikkra kafè, meta tkun għaddej minn trawma, din tista’ tfisser ħafna iktar minn hekk.”

Mhux flus li tkun trid imma lil min jifhmek

Sarah sostniet kemm-il darba li ‘Survivors Malta’ mhix NGO u ma tridx issir, waqt li l-għan tagħha huwa lil hin mill-flus. “Hemm biżżejjed NGOs, aħna rridu nkunu post fejn wieħed imur għas-sapport, b’nies li jistgħu jifhmuk, li għaddew mis-sitwazzjoni tiegħek.”

Fil-fatt, waqt l-intervista stess, waqqfuhom xi nies sabiex jagħtuhom xi flus meta għarfu lil Jacob, u l-familja insistiet li dawn jingħataw lill-Istrina, u kif stqarr Sammy, missier Jacob, din mhix l-ewwel darba li tiġri u sikwit jitfaqqfu min-nies biex jagħtuhom xi donazzjoni.

Dwar dan, Sarah qalet li, “dan li qed nagħmlu, mhuwiex biex niggwadanjaw xi ħaġa aħna, imma biex ngħinu lil ħaddieħor, u dan għax aħna nagħtu s-sapport tal-kelma ta’ kuraġġ, u mhux tip ta’ sapport finanzjarju. Għal dan, hemm għaqdiet oħra.”

Ma ridtx il-flus, imma lil xi ħadd li jista’ jifhem minn xiex kont qed ngħaddi

Meta hi kienet għaddejja miż-żmien diffiċli mal-familja tagħha, Sarah rat kif l-affarijiet materjali kienu bla importanza, meta mqabbla mas-saħħa, u fil-fatt stqarret kif kienet temmen li, “fiż-żminijiet l-aktar diffiċli kont xtaqt li jitteħidli kollox, l-aqwa li jsalva t-tifel. Ma ridtx il-flus, imma lil xi ħadd li jista’ jifhem minn xiex kont qed ngħaddi.”

B’ċerta passjoni, Sarah żiedet tgħid li huma ma jridux il-weekend breaks u l-affarijiet b’xejn, imma meta jmorru fuq it-TV biex jagħtu huma u mhux biex jaqilgħu xi ħaġa, “għaliex l-isbaħ ħaġa hija li tagħti.”

Survivors Malta

Jekk tixtieq tingħaqad mal-familja onlajn li ħolqu l-familja Cachia biex taqsam l-esperjenzi ta’ diffikultà li għaddejt minnhom, sabiex tagħti kuraġġ lil ħaddieħor, fittex ‘Survivors Malta’ fuq Facebook u ingħaqad mal-eluf li diġà hemm.

More in Intervisti