Aleks Farrugia: 'F'dawn l-aħħar sentejn saru qabżiet kbar 'l quddiem fl-Edukazzjoni'

F'intervista mal-ILLUM Farrugia jitkellem dwar il-programm Education+ li qed iservi ta' pont bejn il-bank tal-iskola u d-dinja tax-xogħol.

Aleks Farrugia
Aleks Farrugia

“L-edukazzjoni hija ċ-ċavetta tal-progress.” Kemm-il darba smajnieha tingħad din, minn politiċi u mexxejja politiċi? Probabbilment biżżejjed drabi biex issa, qed neħduha b’naqra inqas serjetà milli jixirqilha. Imma fil-verità, u lil hinn mill-element ta’ ‘cliche’ li tista’ ġġorr magħha, l-edukazzjoni hija ċ-ċavetta, mhux biss għal ħajja aħjar, mhux biss għal progress individwali imma wkoll għall-progress tal-pajjiż. 

F’Jannar li għadda, il-Gvern preżenti permezz tal-Ministru Evarist Bartolo, waqqaf il-programm imsejjaħ Education+ bl-iskop ewlieni li jqarreb lejn xulxin il-bank tal-iskola, kulleġġ jew l-Università, lejn ir-realtajiet tal-post tax-xogħol u l-esiġenzi ekonomiċi ta’ Malta. 

Imma dan mhux kollu paroli li issa xbajna nisimgħu miż-żewġ partiti politiċi? Fi ftit kliem, x’hemm ġdid? X’qed isir illum li ma sarx taħt Gvernijiet Laburisti jew Nazzjonalisti tal-passat? U lil hinn mill-attenzjoni tal-midja, x’qed isir biex din l-iskema tkun suċċess?

L-ILLUM iltaqgħet ma’ Aleks Farrugia, li bħalissa qed imexxi l-istess programm fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, u li huwa ħerqan biex jispjega l-importanza u s-suċċess inizjali tal-istess Education+, anke jekk dan għadu fil-bidu tiegħu.

Mhux il-qgħad problema  imma n-nuqqas ta’ ħiliet 

Farrugia jibda billi jfakkar li f’Malta, il-qgħad fost iż-żgħażagħ preżentament, mhux daqstant problema. Fil-fatt, minn l-aħħar statistika maħruġa mill-Eurostat, f’Lulju ta’ din is-sena jirriżulta li Malta kellha fost l-inqas rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ, b’10% biss. Din ir-rata tista titqies bħala waħda tajba ħafna, meta titqabbel mal-medja fl-UE li hija ta’ 20.7% u 22.5% fil-pajjiżi taż-Żona Ewro. Ir-riżultati li qed jikseb pajjiżna bħalissa fil-qasam tax-xogħol, speċifikament fost iż-żgħażagħ, jitqabbel mal-akbar ekonomija Ewropea, jiġifieri l-Ġermanja, kif ukoll l-Awstrija u d-Danimarka. 

L-iskola m’għandhiex tkun laboratorju maqtugħ mid-dinja

Farrugia jgħid iżda li għalkemm għandna biex inkunu pożittivi b’ekonomija li qed toħloq l-impjiegi u b’investiment li qed jiġi lejn il-pajjiż, jibqa’ fattur inkwetanti li pajjiżna mhux qed jipprovdi biżżejjed ħaddiema bi kwalifiċi biex jimtlew dawn l-istess postijiet tax-xogħol. “Għalhekk l-Education+, biex inressqu d-dinja tax-xogħol lejn l-iskola, mhux għax l-għalliema mhux qed jagħmlu xogħol tajjeb ħafna, ħa nkun ċar, imma għax irridu dejjem aktar inwasslu x’kapaċi toffri d-dinja tax-xogħol lejn il-bank tal-iskola.”

Farrugia jgħid li l-iskema hi mmirata biex turi lill-istudenti, mhux biss, il-‘hard skills’ jew l-aspetti tekniċi biex tkun tista’ twettaq ix-xogħol imma wkoll, is-‘soft skills’ jew l-abbiltajiet ta’ tmexxija, li tkun parti minn tim, li tkun innovattiv, il-kreattività u l-abbiltà li tfendi u tikber fid-dinja tax-xogħol, kompettitiva kif inhi llum. 

Imma meta jgħid li hemm oqsma fejn kumpaniji u negozji mhux qed isibu impjegati Maltin, għal-liema qasam qed jirreferi? Farrugia jgħid li l-oqsma fejn hemm nuqqas ta’ nies imħarrġin huma diversi, fosthom il-‘Life Sciences’, jiġifieri dak is-settur li jirrigwarda l-Iżvilupp u r-Riċerka (R&D) u inġinerija ta’ tagħmir mediku, fost l-oħrajn, u li għalih bħalissa qed jinbena l-Life Sciences Park, viċin Mater Dei. “Hawnhekk teħtieġ inġiniera, radjografi u aktar nies li huma kwalifikati. Imma fil-verità, mhux talli mhux qed jinstabu nies kwalifikati biżżejjed f’dawn it-tip ta’ impjiegi, talli lanqas f’impjiegi oħrajn bħal ‘welders’ mhuma qed jinstabu nies. Biex tkompli tgħarraq is-sitwazzjoni, apparti minn dan in-nuqqas, hemm ukoll il-perċezzjoni żbaljata li f’impjieg bħal dan, iċ-ċans li jkollok dħul tajjeb huwa wieħed remot.” 

Għalfejn għandna din il-problema? 

Imma allura, wara li ilna snin nisimgħu tant ftaħir dwar l-investiment li qed jsir fl-edukazzjoni, x’seta’ ġara biex ninsabu f’din is-sitwazzjoni? Forsi l-politiċi ma bdewx iħarsu biżżejjed lejn l-istampa kollha u weħlu biss fuq l-infrastruttura u dak li jidher?

Farrugia jwieġeb li, “qegħdin fejn qegħdin għal bosta raġunijiet. L-ewwel hija r-raġuni ekonomika.” Jfakkar li l-ekonomija nbidlet mis-snin 60 u għalkemm għad għandna industriji mill-Ġermanja li baqgħu, kellek numru kbir ta’ fabbriki, l-aktar dawk tat-tessuti, li ġew u telqu. “Illum l-istess qed jiġri,” saħaq Farrugia li fakkar kif pajjiżna qed jesperjenza oqsma u setturi ġodda li qed jibdew joperaw f’Malta fosthom tas-servizzi tal-avjazzjoni u dak tad-Digital Games, jew kumpaniji li jipproduċu l-video games. Huwa jfakkar kif fl-2014 biss, investew tliet kumpaniji f’pajjiżna li xogħolhom huwa l-produzzjoni tal-video games u li lkoll ġew Malta wara l-probemi fl-Ukrajna. Iżda minħabba li f’Malta ma tantx hawn nies kwalifikati f’dan il-qasam, il-maġġoranza tal-impjiegi marru għand persuni barranin. 

Għaddejjin b’ħidma bejn skola partikolari u perkussjonista biex grupp ta’ studenti jaħdmu mal-mużiċist u jtellgħu produzzjoni

“Irrid nagħmilha ċara li jien mhux qed ngħid li huwa ħażin li jaħdmu l-barranin, għax dawn qed iħallu l-flus u qed idawru l-ekonomija wkoll, imma naturalment, il-mira tal-Gvern huwa li joħloq kemm jista’ jkun opportunitajiet ta’ xogħol għall-Maltin u l-Għawdxin.” 

Farrugia jispjega wkoll kif apparti l-bidliet industrijali li ma ħsibniex biżżejjed għalihom, raġuni oħra li qed twassal biex ma jinstabux ħaddiema Maltin huwa l-preġudizzju lejn ċerti setturi tax-xogħol. “Jeħtieġ ninfurmaw dejjem aktar lill-istudenti u l-għalliema, kif fil-fatt qed isir bl-Education+, biex kulħadd ikun jaf li apparti x-xogħolijiet ta’ avukat, nutar u għalliem hemm bosta impjiegi oħrajn li joffru stabbilità u pagi tajbin.”

Proġetti li qed isiru ma’ industriji differenti

Nibdew nitkellmu dwar proġetti partikolari li għaddejjin bħalissa bħala parti mill-programm Education+ b’Farrugia jgħid li għaddejja ħidma mal-Bord tal-Kooperattivi, jiġifieri bord li jkollu fi ħdanu numru ta’ kumpaniji li jkollhom rwol aktar soċjali u ugwali, biex l-istudenti jmorru, jaraw l-esperjenza ta’ xogħol u jkunu jistgħu jingħataw ukoll il-possibilità ta’ ‘job placements’. 

L-ILLUM tinterrompi u tistaqsi jekk din hix sempliċiment ħarġa edukattiva li forsi tqajjem interess għal ftit u tieqaf hemm, idea li Farrugia jirrifjuta mill-ewwel. “Lanqas xejn, din għandha tkun a ‘hands on experience’, li fiha ta’ min jirrimarka li qed nitkellmu dwar etajiet li jibdew mill-bidu tal-esperjenza skolastika u jkomplu għaddejjin matul il-ħajja kollha. Per eżempju, permezz ta’ proġett ieħor, qed niftħu l-opportunitajiet biex studenti li qatt ma kellhom l-idea ta’ arti, jkunu aktar qrib tal-mużika. Fil-fatt, bħalissa għaddejjin b’ħidma bejn skola partikolari u perkussjonista biex grupp ta’ studenti jaħdmu ma’ dan il-mużiċist partikolari u wara, jtellgħu produzzjoni li tintwera’ lill-pubbliku. Din m’għandhiex tkun esperjenza biss li tressaq lil dawn l-istudenti lejn il-mużika, iżda li tagħtihom ukoll ċertu enerġija li ssaħħilhom il-karattru u t-twemmin fihom infushom. 

Semma wkoll proġett ieħor li qed isir ma’ studenti vulnerabbli jew li għandhom diffikultajiet partikolari bejn skola u kumpanija li toħloq laboratorji ta’ kreattività. “Dan qed isir bil-għan li l-istudenti jingħataw l-opportunità li jiffaċċjaw diversi problemi u jużaw l-innovazzjoni biex jgħelbu l-istess problema. B’hekk, tkun qed tikkultiva l-kreattività f’moħħ l-istudenti.” 

Farrugia tkellem dwar it-tielet proġett mal-ILLUM li qed isir mal-Borża ta’ Malta fejn b’kollaborazzjoni mal-iskola, numru ta’ studenti se jkollhom il-faċilità li jitgħallmu jifhmu aħjar il-flus, kif jaħdmu l-flus, terminoloġiji relatati mal-flus, tfaddil u aktar. “Nista’ ngħid li mill-Borża ta’ Malta kellna appoġġ sħiħ għall-proġett Education+.”

Entużjażmu kbir għall-Education+

Huwa jitkellem dwar l-entużjażmu kbir li bih qed jintlaqa’ dan il-programm minn Kapijiet ta’ Skejjel, Prinċipali u speċjalment l-għalliema. “Ir-reazzjoni hija pożittiva u hemm rieda kbira li l-iskola tinfetaħ għall-komunità hemm barra.”

Nirrimarka kif qed ninnota li l-Ministeru qed jagħfas ħafna fuq il-bżonn ta’ proġetti fit-tul, għalkemm xorta qed isiru proġetti ta’ tisbieħ u bini ta’ skejjel. Farrugia jaqbel u jsostni li l-bini u tisbieħ huwa importanti, “imma dan ma jfissirx li qed naqdu għal kollox il-bżonnijiet edukattivi tal-istudent. Tajjeb li jkollok ambjent tajjeb u sabiħ, imma imbagħad hemm ukoll il-bżonn li nagħtu t-taħriġ meħtieġ li bih il-ġenerazzjoni ta’ għada tkun tista’ tgħix aħjar, finanzjarjament, u tara titjib fil-kwalità tal-ħajja. L-iskola m’għandhiex tkun laboratorju maqtugħ mid-dinja.”

L-istudenti jingħataw l-opportunità li jiffaċċjaw diversi problemi u jużaw l-innovazzjoni biex jgħelbu l-istess problema. B’hekk qed tikkultiva l-kreattività

Bħala Ministeru qed nenfassizzaw l-idea ta’ intrapriża, jiġifieri li wieħed jitgħallem kif jipproduċi xi ħaġa li hija pożittiva għall-oħrajn. Li l-impjieg tiegħi nara kif qed nużah biex nagħti servizz lil xi ħadd, u li jkolli etika ta’ xogħol iċċentrata madwar is-servizz li qed nagħti. 

Farrugia jispjega kif s’issa hemm minn sitta sa seba’ skejjel li huma attivi fil-programm, li għalkemm jammetti li għadu numru żgħir, iżid jgħid li se jkunu qed jiżdiedu hekk kif il-Gvern qed jasal fi qbil ma’ iktar kumpaniji. 

“Irridu nżommu quddiem għajnejna x’se jiġri bejn 10 u 15-il sena oħra, għax jista’ jkun li jekk ma nippreparawx minn issa jkollna l-problemi. Mistoqsi x’tip ta’ problemi qed jara li jistgħu jinħolqu, huwa qal li wieħed jeħtieġ jipprepara biex il-ħaddiema Maltin jiffaċċjaw suq tax-xogħol li huwa aktar kompetittiv u aktar speċjalizzat. Qal ukoll li sfida oħra huwa l-fattur ta’ spazju li jfisser li qed inħarsu lejn industrija li hija iżgħar fid-daqs u aktar speċjalizzata fin-natura tagħha. “Jekk nibqgħu ninvestu fit-tagħlim tal-lingwi u nieħdu ħsieb ir-riżorsa, nibqgħu nattiraw lejn pajjiżna l-investiment.”

Mxejna ħafna ’l quddiem fl-edukazzjoni

Farrugia jirriżerva kliem ta’ tifħir għall-Ministru Evarist Bartolo u jattribwixxi l-passi ’l quddiem li saru f’dawn is-sentejn fil-qasam, prinċipalment għalih. Xi kultant, jinħass li l-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol mhux wieħed li jippompja biżżejjed il-ħidma tiegħu fuq il-midja, tirrimarka l-ILLUM, li hija xi ftit stramba meta tqis li l-istess Bartolo kellu sehem qawwi fil-midja fil-passat. Għaliex? 

Farrugia jibda billi jsemmi kif hemm inizjattivi li tajjeb li jkun hemm riklamar u pubbliċità tagħhom, “imma hemm oħrajn bħall-Education+ fejn inutli ddoqq it-trombi għalissa, għax ir-riżultati tagħhom għad iridu jidhru. Bħala Ministeru, nista’ nassigurak li naħdmu ħafna imma mingħajr wisq daqq ta’ trombi.”

Farrugia jtemm jgħid li l-akbar vantaġġ tal-Ministeru tal-Edukazzjoni huwa li “għandu Ministru b’viżjoni u li jaf kif jaħdem is-settur għax għandu l-esperjenza f’dan il-qasam. Jaf il-problemi, l-isfidi u x’inhuma l-prioritajiet. Iva nħoss, u dan mhux qed ngħidu għax qed naħdem qrib l-istess Bartolo illum, imma għax veru nemmnu li f’dawn is-sentejn u nofs il-pajjiż għamel qabżiet kbar fis-settur edukattiv u dan ġara għax għandna Gvern li jemmen fl-edukazzjoni u, iktar minn hekk, għax hemm Ministru li jaf sew x’inhu jagħmel. Il-qasam edukattiv huwa ta’ krettu kbir għall-Gvern preżenti u għall-Ministru nnifsu.”

More in Intervisti