Poplu bla dar u bla art li jrid il-ġustizzja

“Jissuspettaw fik, joqtluk u jitfgħulek sikkina ħdejk, min ħa jinteressah minn Palestinjan?”

L-attivista Pro-Palestina Alex Caruana
L-attivista Pro-Palestina Alex Caruana

“Jissuspettaw fik, joqtluk u jitfgħulek sikkina ħdejk, min ħa jinteressah minn Palestinjan?”Din l-esperjenza kienet waħda mill-ħafna li Palestinjani jgħaddu minnhom kontinwament, kif spjegat Alex Caruana, meta l-gazzetta ILLUM, iltaqgħet magħha mar-ritorn tagħha mill-Palestina. Alex Caruana hi attivista fil-moviment Graffiti u għadha kemm irritornat mill-Palestina fejn marret sabiex tara b’għajnejha dak li qed iseħħ f’din l-art u minn xiex qed ikollhom jgħaddu n-nies li qed jgħixu hemm.

 Din il-ġimgħa l-ġlieda għat-territorju fl-art li suppost hi imqaddsa, li tissejjaħ Iżrael, jew Palestina skont minn liema lenti qed taraha, tkun ilha għaddejja għal 68 sena. Il-ġlied kontinwu li jsir f’din l-art, kważi kważi ndara min-nies tant, li lanqas sar jingħata l-importanza mistħoqqa fl-aħbarijiet u l-gazzetti.

Minkejja dan, huma bosta l-persuni, waħedhom jew fi ħdan għaqdiet, li volontarjament jiddeċiedu li jmorru f’din l-art sabiex jagħtu daqqa t’id lil dawk li jinsabu oppressjati. 

X’wassal għal dan il-ġlied kollu?

Alex bdiet tispjega li dan l-inkwiet kollu beda, għax minkejja li qabel dawn it-68 sena ta’ ġlied, il-Musulmani u l-Insara kienu jgħixu flimkien mingħajr problemi u minkejja li meta bdew jitmexxew mil-Lhud ħasbu li din kienet se tkun tmexxija simili għal tat-Torok u tal-Ingliżi, “ftit ħasbu li din l-okkupanza kienet se twassalhom biex ikunu llimitati u jgħixu fi spazju ristrett, f’pajjiż li huwa tagħhom stess.”

Meta l-Palestinjani ppruvaw imorru lura, kien hemm qed jistennewhom ħabs u mewt, għax sparawlhom fuq il-fruntiera

Alex spjegat kif fl-1948, in-Nazzjonijiet Uniti kienu allokaw 55% tat-territorju, lil-Lhud li kienu jagħmlu biss 5% tal-popolazzjoni kollha. Stqarret kif minn dak iż-żmien, dan it-territorju li kien għad fadal, li kien jista’ jissejjaħ bħala Palestinjan kompla jitnaqqar bil-mod il-mod, “Jekk tara t-territorju Palestinjan li kien hemm fl-1948, u tqabblu ma’ dak li hemm illum, ma fadal kważi xejn. Illum, kulma fadal huma Gaża, li fiha ftit ikbar minn Malta u fiha jridu joqogħdu mal-miljun u nofs persuna jgħixu hemm, u parti mill-West Bank.”

Tkellmet ukoll fuq ‘it-tkeċċija’ pulit pulit ta’ bosta mill-Palestinjani indiġeni ’il barra minn arthom, b’konsegwenza li dawn spiċċaw jgħixu bħala refuġjati f’pajjiżi ġirien bħall-Ġordan u l-Libanu, li tgħid kif din kienet il-bidu tal-ġlied kollu. Minkejja dan, mhux qed jitħallew lura lejn il-pajjiż oriġinali tagħhom. “Il-liġi internazzjonali tgħidlek li kull refuġjat għandu d-dritt li jirritorna f’pajjiżu, imma meta l-Palestinjani ppruvaw imorru lura, kien hemm qed jistennewhom ħabs u mewt, għax sparawlhom fuq il-fruntiera.” Fil-fatt, sostniet kif dawk ir-refuġjati tal-Palestina li jinsabu fil-pajjiżi qrib, “għandhom dritt sagrosant li jmorru lura, imma dan jista’ jagħmlu kulħadd minbarra r-refuġjati Palestinjani. Skont il-liġi jistgħu jmorru, imma l-Iżraeljani ma jħalluhomx, u l-problema hi li ħadd mhu qed jagħmel xejn.”

 Alex kompliet tispjega kif ħafna drabi, il-kampijiet tar-refuġjati huma viċin ħafna ta’ fejn kienu oriġinarjament joqogħdu r-refuġjati stess, imma hemm il-ħajt tal-Palestina jifridhom. “Jiena mort f’kamp tar-refuġjati, u minn hemm tista’ tara fejn kienet toqgħod familtek. Kemm taqsam u tmur lura fejn kien jgħix nannuk, imma minħabba l-ħajt, u s-suldati ma tistax tmur lura. Tkun tista’ tara darek, imma ma tistax tmur fiha.”

Aċċess u moviment ristrett immens

Fiż-żmien li Alex qattgħet mal-poplu Palestinjan rat u esperjenzat personalment id-diffikultajiet li dawn iħabbtu wiċċhom ta’ kuljum biex sempliċiment imorru għax-xogħol. Qalet kif sabiex xi ħadd Palestinjan joħroġ mill-art tagħhom u jmur fl-Iżrael, jeħtieġ tip ta’ pass speċjali li hija xi ħaġa kważi impossibbli li jiġi akkwistat. Jingħata biss f’każi eċċezzjonali jew temporanjament biex il-Palestinjani jkunu jistgħu jaħdmu għall-kumpaniji Iżraeljani, ħafna drabi biċ-‘cheap labour’. Kompliet tispjega kif minbarra l-martirju li jridu jgħaddu minnu biex jakkwistaw dan il-pass, il-Palestinjani imbagħad ma jkunux permessi li jibqgħu hemm, imqar biex jorqdu mal-lejl. Ikollhom jerġgħu jivvjaġġaw lura lejn darhom, u jagħmlu l-kontrolli mal-fruntiera li kapaċi jieħdu s-sigħat.

Hemm rabbi li għandu għaqda li jgħinu lill-Palestinjani, u meta darba kienu qed jaqtgħu ż-żebbuġ, niżlu għalih Lhud stess bis-skieken ma’ wiċċu

Alex tkellmet dwar il-privileġġi jew in-nuqqas tagħhom fil-pajjiż fejn kollox jiddependi minn liema reliġjon tkun tħaddan. “Jekk inti Lhudi, għandek drittijiet totali, jekk le int biss persuna, b’inqas drittijiet.” Is-sitwazzjoni, terġa’ u tgħid, tispiċċa tkun agħar għal dawk l-Għarab minn Ġerusalemm li, la huma ċittadini ta’ Iżrael u lanqas tal-Palestina, u agħar minn hekk, fil-każ tagħhom ma tistax tagħmel iktar minn sitt xhur barra mill-pajjiż għaliex titteħidlek ir-residenza. “Dawn jispiċċaw fi stat ta’ paranoia sħiħa meta jiġu biex jitilqu xi ftit mill-pajjiż. Qed jagħmlu dan biex bil-mod il-mod, Ġerusalemm kollha tkun tal-Lhud, u dan qed jirnexxielhom bil-mod għax rajthom b’għajnejja.” 

Tensjoni li tħossha 

“Ma’ kull erba’ passi li tagħmel, tara ħafna suldati armati ma’ kullumkien, u tibda tgħid, hawn fejn dħalt? U dan jagħmluh biex iżommu l-kontroll assolut f’idejhom.” 

Minkejja din it-tensjoni, Alex tkellmet dwar il-Lhud pożittivi, li juri li mhux kollha qegħdin jippruvaw jgħakksu u jagħmlu l-ħajja tal-Palestinjani waħda miżerabbli. “Hemm Lhud fl-Iżrael stess li jgħinu lill-Palestinjani. Fil-fatt, kien hemm rabbi li għandu għaqda li jgħinu lill-Palestinjani, u meta darba kienu qed jaqtgħu ż-żebbuġ, niżlu għalih Lhud stess bis-skieken ma’ wiċċu.”

Meta staqsejtha dwar jekk tħossx li din hi gwerra u jekk tiġġustifikax il-qtil li jsir mill-Palestinjani, hi weġbitni li din mhix gwerra, u tiġġustifika b’mod assolut dawk l-attakki li jsiru mill-Palestinjani fuq il-Lhud. “F’dan l-każ, il-liġi qiegħda favurija għaliex din tgħidlek li meta jkun hemm poplu okkupat, kif qed jiġri fil-Palestina, dan għandu kull dritt jiġġieled l-okkupazzjoni kif jidhirlu hu, issa jekk hux se jwaddbu l-ġebel jew ikantaw ‘Let’s give peace a chance’, hija f’idejhom.”

Alex tistqarr kif ma jistgħux jaslu għall-paċi qabel ma jingħataw dak li huwa tagħhom. “Qabel ma jkun hemm ġustizzja u drittijiet ugwali, ma jistax ikun hemm paċi. X’se noqgħodu nagħmlu bil-paċi jekk ma jkunx hemm ġustizzja?”

Inġustizzji kbar

Matul iż-żjara tagħha fil-Palestina, Alex setgħet tħoss l-inġustizzji u t-tant irregolaritajiet li jgħaddu minnhom il-poplu Palestinjan. F’każ partikolari tirrakonta kif f’żoni li suppost huma tal-Palestinjani, u għaldaqstant huwa illegali għall-Iżraeljani li jkunu hemm, is-settlers jidħlu u jokkupaw dar vojta, u jperpru l-bandiera tagħhom. “Imbagħad, biex jidħlu u joħorġu mid-dar, jiġu għalihom membri tas-sigurtà apposta għaliex jafu li l-Musulmani jistgħu jagħmlu għalihom talli qabdu u okkupaw dar li mhix tagħhom.” Dan jagħmluh, kompliet tispjega, biex bil-mod il-mod id-djar tal-Għarab jimtlew b’dawk Lhud.

Irrakontat kif meta kienet tkun għaddejja mit-toroq qalb l-għelieqi kienet tara, “naħa b’għelieqi jbatu nixfa kbira, b’art qoxqox, waqt li n-naħa l-oħra b’siġar twal kollha ħajja u l-pompi tal-ilma tagħhom imdawrin b’ħitan u ċnut, ma jmurx xi ħadd jisirqilhom l-ilma, imma huma jistgħu.” 

“F’Gaża, isiru illegalitajiet u vjolazzjonijiet kbar,” kompliet tispjega, “jinqatlu nies, inkluż tfal bl-addoċċ u meta marru n-Nazzjonijiet Uniti biex jinvestigaw x’ġara, l-Iżrael ma ħallewhomx jidħlu. Din hi ħaġa li qatt ħadd fid-dinja ma għamel.”

Saħħa fil-poplu magħqud

Alex semmietli kif ħaġa li ħasset ħafna fost il-Palestinjani, partikolarment dawk li tkeċċew mill-pajjiż, hija li huma, “jitrażmettu ħafna l-idea tal-Palestina minn ġenerazzjoni għall-oħra. Fil-fatt iżommu għandhom il-muftieħ tad-dar li kellhom qabel meta kienu jgħixu f’arthom, u jibqgħu jirtuhom minn ġenerazzjoni għall-oħra, waqt li jgħidu lil xulxin, ‘Dik hija d-dar tagħna, hemmhekk se nerġgħu mmorru,’” anke jekk f’ċertu każijiet m’għad fadal l-ebda ħjiel li qatt xi darba kienu jgħixu l-Għarab fil-post.

“It-tama li għandhom,” tkompli tgħidli Alex, “hi xi ħaġa kbira u fil-fatt, wieħed mill-kampijiet tar-refuġjati kien inkera għal 99 sena, li minnhom diġà għaddew 68. Staqsejt x’se jiġri meta jgħaddu d-99 sena, u qaluli li l-kamp mhux id-dar tagħhom, u xi darba se jmorru lura fejn suppost jgħixu.”

Jinqatlu nies, inkluż tfal bl-addoċċ u meta marru n-Nazzjonijiet Uniti biex jinvestigaw x’ġara, l-Iżrael ma ħallewhomx jidħlu

Alex irrakuntat ukoll storja meta marru fid-deżert tal-Jordan Valley u ltaqgħet mal-bedwini taż-żona. “Hemmhekk kien hemm għaqdiet li jgħinu lill-Palestinjani jibnu d-dar tagħhom, u dan wara li jkunu ġew l-Iżraeljani jwaqqgħulhom darhom għax jgħidulhom li ma kellhomx permess. Konna tkellimna ma’ wieħed minnhom li qalilna li diġà waqqgħulu d-dar tliet darbiet, b’xi skuża differenti. ‘Imbilli jiġu fil-11 ta’ filgħaxija biex iwaqqgħuli d-dar? Nerġa’ nibniha, u jekk jerġgħu jwaqqgħuha, nerġa’ nibniha.’ Din hi xi ħaġa li verament tqawwili qalbi u timlini bil-kuraġġ,” temmet tgħid.

Esperjenzi tal-biża’

“Kulħadd fil-Palestina kellu lil xi ħadd il-ħabs, jew kien hu stess fil-ħabs, u dejjem għal xi ċuċata.” Dwar dan, Alex kellha diversi esperjenzi li kienu xokkanti miż-żmien li qattgħet fil-Palestina, meta stqarret kif affarijiet bħal dawn iseħħu ta’ kuljum. “Darba, meta konna fit-taxi, ix-xufier qalli li kien ilu erba’ snin li ħareġ mill-ħabs, u waqt li fraħtlu, qalli li meta daħħluh il-ħabs, kienu tawh xebgħa bil-pressa tal-ilma biex jitkellem, u jgħaddilhom xi informazzjoni. Imbagħad, qalli kif bdew ituh is-swat, imma xorta ma tkellimx. Finalment, beda jippuntali għall-wajers tad-dawl biex jindikali li bdew ituh ix-xokkijiet biex jitkellem magħhom.

Stqarret kif din l-esperjenza ħasset li biddlitha xi ftit, anke fl-affarijiet li nagħmlu normalment, ta’ kuljum. “Il-ħoss tal-ambulanza għalija mhux se jibqa’ l-istess għax niftakar kif hemmhekk, waranofsinhar kienu jiġġieldu l-Palestinjani u s-suldati u wara, tgħaddi l-ambulanza għax probabbli, ikun weġġa’ xi ħadd għax ikunu sparaw fuqhom.”

Spjegat ukoll kif is-sens ta’ okkupazzjoni, diskriminazzjoni tħossha ma’ kullimkien. “Jien kont hemm, u b’l-ambjent li rajt, b’kullimkien mimli suldati, jkollok aptit li anke int taqbad l-ewwel ġebla u twaddabha għax jaqbduk ħafna nervi u rabja kbira meta tara li ħadd mhu qed jagħmel xejn biex itejjeb is-sitwazzjoni.”

Temmet tgħid li xi ħaġa li tibqa’ fik wara li tmur il-Palestina hi l-ispirtu li jiġġieldu għal dak li hu tagħhom, u kkwotat dak li qal wieħed mill-bedwini fil-Jordan Valley, “Is-saħħa tiġi mill-poplu magħqud u mhux mill-politiċi. Il-poplu jrid jingħaqad flimkien u jiġġieled magħqud.”

More in Intervisti