Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

David Thake jallega indħil f'dak li jkun diskuss f'Xarabank

Jammetti wkoll li kien hemm bżonn bidla fil-PN u li l-ewwel pilastru li rebaħ bih Muscat...il-meritokrazija hu l-ewwel wieħed li waqa

John Busuttil / 30 ta' Novembru 2015 07:58
Dħalt l-‘istamperija’ wara nuqqas ta’ sentejn u nofs biex niltaqa’ mal-preżentatur tar-Radio 101, David Thake. Ikolli nammetti li għalkemm inħobb is-satira, kien is-sarkażmu fil-programm tiegħu li ħajritni nagħmel din l-intervista anke jekk inħoss li dawn it-tip ta’ programmi jinżlu tajjeb biss ma’ dawk diġà konvertiti, f’dan il-każ man-Nazzjonalisti.

Mistoqsi x’ħajru joħloq dan it-tip ta’ programm, Thake beda biex jgħidli, “Qatt ma kont annimal politiku. L-uniku darba li kont involut fil-politika kien fl-1984 bħala president tal-istudenti tal-iskejjel tal-Knisja fejn immilitajt f’meetings pubbliċi fil-kwistjoni bejn il-Gvern u l-iskejjel tal-Knisja. Fi żmien Alfred Sant meta ried ineħħi l-VAT, kont iddeċidejt li noħloq organizazzjoni tan-negozjanti għax kont inħoss li l-GRTU kienet ‘torqod’ mal-Gvern, iżda din mietet qabel bdiet timxi.”

‘Kien hemm bżonn bidla fil-PN’

Thake beda biex qal li l-għajta li tela biha Joseph Muscat fl-2013 kienet waħda pożittiva, “mela hawn xi ħadd li ma jaqbilx li Malta m’għandiex tkun tagħna lkoll? Min ma jaqbilx ma’ dan, postu mhux fil-politika. Iżda bdejt ninduna li l-Labour waqt li kien qed jipprietka dwar politika li ma tħarisx lejn kuluri, kien qed jgħabbi miegħu nies opposti fl-imġiba tagħhom minn dak li kien jingħad. Ma stajtx nifhem kif partit b’Sciberras Trigona u anke b’Joseph Muscat seta’ jkun favur l-Ewropa meta l-istess mexxej kien l-‘attack dog’ tal-Partit Laburista kontra l-moviment tal-IVA favur sħubija fl-Ewropa. Kif jista’ jkollok lil Joe Debono Grech f’moviment meritokratiku meta dan kien waħħal plakka mal-bieb ‘Jien naqdi lil-Laburisti biss’. Jien sibt diffikulta nemmen dan kollu u ż-żmien tani raġun.” Dan allura kien ifisser, skont Thake, li dawk l-eluf li vvutaw labour żbaljaw? “Min ivvota labour, jekk ivvota mhux għal gwadann personali, sew għamel. Għax jien nagħżel lil dak li nemmen li se jmexxi l-pajjiż ’il quddiem.”

Hawnhekk donnu li Thake kien qed jinsa li kien hemm element qawwi ta’ partitarji Nazzjonalisti li kienu mxebbgħin bit-tmexxija ta’ Gonzi u sħabu u għalhekk ifakkar mill-ewwel li, “ħafna kienu ħassew li l-PN ma kienx għadu l-partit tagħhom. Kien partit li jġib l-isem tal-PN iżda huma kienu jħossu li m’għadux il-partit li kienu jimmilitaw fih u ħassew il-bżonn li jibdlu l-vot tagħhom.”

David Thake kompla jgħid li hu wkoll kien iħoss li hemm bżonn bidla fil-PN tant li ma qabilx li l-partit kien favur id-divorzju. Iżda qal li għażel li jipprova jgħin biex jibdel il-partit minn ġewwa, milli jivvota kontrih, “U kien għalhekk li ddeċidejt li ninvolvi ruħi aktar fix-xena politika.” Allura dan ifisser li Simon Busuttil hu l-persuna li qed ibiddel dan il-partit? “Kien hemm diversi nies li kienu xettiċi dwaru meta laħaq kap għax kien persuna li l-mod kif jitkellem kien differenti mill-mexxejja ta’ qablu, u allura kien persuna li biex jibda jiġbdek, trid tidrah. Fil-fatt, aktar ma jagħmel diskorsi aktar tibda tinduna li qed jissaħħaħ u jirfina u wera li f’sitt xhur għamel differenza kbira anke man-nies.”

Il-meritokrazija: L-ewwel pilastru tal-PL li waqa’

Bil-programmi li jtella’ u anke kif beda l-intervista, Thake kien jidher li n-nuqqas ta’ meritokrazija l-aktar li tagħtih ġewwa. Staqsejtu biex ikun sinċier u jgħidli jekk il-Partit Nazzjonalista fil-gvern kienx meritokratiku, “meta ngħidu li l-partit kellu bżonn tibdiliet, jien nemmen li l-partiti politiċi kollha fil-passat, u l-PL fil-preżent huma ħatja li għamlu ħatriet li wieħed jista’ jattakkahom fuq element ta’ meritokrazija. Però qatt ma konna ġejna fil-livelli li qegħdin illum. Ma nistax nimmaġina kif il-PL jagħmel il-meritokrazija bħala l-pilastru tal-kampanja elettorali u jkun proprju l-ewwel pilastru li jaqa’. Dan ġara f’kull qasam u weġġa’ lil dawk li vvutaw l-ewwel darba lil-Labour u lil dawk li bidlu l-vot minn PN għal PL għax emmnu l-għajta ta’ Joseph Muscat. Dawn emmnu li se jgħixu f’pajjiż li jekk int aħmar jew inti blu ma tagħmilx differenza iżda jgħodd biss dak li taf u mhux lil min taf. U meta tara l-ħatriet ta’ Norman Hamilton bħala ambaxxatur fl-Ingilterra u lil Sai Mizzi li titħallas €13,000 fix-xahar biex toqgħod ħdejn il-mummy, ifisser li Muscat qed jitmejjel bija f’wiċċi.”

Jista’ jkun tal-partit l-ieħor, basta jkun leali

Tajjeb li tikkritika, iżda David Thake allura jemmen li jekk ikun hemm gvern Nazzjonalista se jitfa’ fil-bordijiet Laburisti, u lin-Nazzjonalisti ħa jħallihom barra? “Il-partit fil-Gvern għandu jappunta nies li kapaċi fix-xogħol li jintagħżlu għalih, sew bħala kapaċità akkademika, u li tkun preparat li taħdem mal-amministrazzjoni li tkun qed tmexxi l-pajjiż. Jista’ jkun ta’ partit oppost, basta jkun leali lejn il-Gvern. Leali ma jfissirx li tikser il-liġi biex togħġob lill-Gvern iżda li tagħmel id-dmir tiegħek, li taqdi lil kulħadd u li ma tagħmilx bsaten fir-roti. Illum, nies li kienu kapaċi tneħħew kollha u tpoġġew biss YES MEN li jagħmlu disservizz lil pajjiż.”

Jallega ndħil f’dak li jkun diskuss f’Xarabank

Dak il-ħin semmjetlu l-ismijiet ta’ Anton Attard, il-Kap Eżekuttiv tal-PBS, li għax hu kapaċi tħalla hemm, Lou Bondi li ngħata kariga għax għandu l-kapaċitajiet tiegħu u anke Peppi Azzopardi li baqa’ għaddej b’Xarabank anke jekk dawn kienu simpatizzanti tal-PN. Thake għażel li jinjora l-ismijiet ta’ Anton Attard u Bondi u wieġeb fuq Xarabank, “Jekk tistaqsini jekk il-programm Xarabank taħt l-amministrazzjoni ta’ Joseph Muscat għadux l-istess programm investigattiv li ma jiddejjaq xejn jitkellem dwar kwalunkwe suġġett, anke jekk ikun imbarazzanti għall-Gvern tal-ġurnata, ngħidlek li r-realtà nbidlet drastikament. Il-Peppi Azzopardi li qed jagħmel Xarabank tal-lum, b’deċiżjoni tiegħu jew le, jew jekk ġietx imposta fuqu jew le ma nafx eżatt.” Imma Thake qed jimplika li Peppi għandu sarima” U hu dlonk weġibni, “naħseb li r-‘rules of engagement’ li jrid jopera bihom illum huma differenti. Naħseb li fejn qabel, in-nies ta Xarabank kienu jagħżlu s-suġġetti huma, mingħajr inteferenzi jew minħabba l-biża’ ta’ interferenza jew il-biża’ tal-konsegwenzi, illum dan mhux il-każ.  Illum in-nies qed jibżgħu jitkellmu għax jibżgħu mill-konsegwenzi għax qed jaraw il-konsegwenzi jseħħu quddiemhom.”

Hawnhekk Thake semma każ ta’ nurse, Lawrence Bonavia li ħa sitt transfers f’ġimgħa waħda, semma nies li jaħdmu l-Freeport, li jitpoġġew f’uffiċju ma jagħmlu xejn. Affarijiet li ġraw fi żmien in-Nazzjonalisti wkoll, “Jekk kienu jiġru, kien ħażin bħalma hu ħażin illum.”

Issa jekk il-PN ikun fil-gvern u jagħmel l-istess, David Thake se jagħmel programm fuq il-media u jattakka n-nuqqas tal-meritokrazija? “Jien kandidat tal-Partit u suġġett għad-dixxiplina tal-Partit. Persważ li dak li qed jiġri llum ma jiġrix bi Gvern immexxi minn Simon Busuttil u bin-nies li Simon qed jipproponi biex ikunu fil-Parlament. Issa jekk tinqala’, dmiri lejn il-partit hu li naċċerta ruħi li ma jerġax jagħmel żbalji, u nimpenja ruħi li jekk nara xi żbalji, nara li ma jsirux u jekk ikunu qed isiru jieqfu.”

Min sar sinjur mill-politika huwa ħalliel

Innutajt li d-David Thake li kien hemm quddiemi kien differenti mid-David Thake ta’ fuq ir-radju, David l-aggressiv li qisu kelb tal-kaċċa jiġri wara l-vittmi tiegħu. Programm li jista’ jagħmlu popolari, iżda qed jippriedka lill-konvertiti. “Jien aggressiv mhux mad-deputati u ministri Laburisti. Kontra l-persuna m’għandi xejn iżda mal-imġiba tagħhom. Il-politika mhux qiegħda hemm biex issir sinjur, iżda biex tagħti servizz.” Iżda l-perċezzjoni tal-poplu hemm barra, mhux l-utopja li kien qed jitkellem biha David Thake, anzi huma l-ħafna li saru sinjuri bil-politika u fuq iż-żewġ naħat hemm deputati li ddikjaraw miljuni l-bank u proprjetajiet, “Jien m’għandi l-ebda rispett lejn politiku maħmuġ. Min sar sinjur minn fuq il-politika mhux politiku iżda ħalliel.” Meta mistoqsi jekk bħalissa fuq iż-żewġ naħat tal-kamra hemmx minnhom, Thake qal li mhux kompitu tiegħu li jagħmel ġudizzju, “iżda jekk hemmx politiċi fil-gvern li qed jabbużaw mill-pożizzjoni tagħhom biex javvanzaw s-sitwazzjoni materjali tagħhom, iva. U hemm każijiet li m’huma sbieħ xejn bħal fil-każ ta’ Ian Borg u l-proprjetà tiegħu ta’ Ħad-Dingli u l-kwistjoni ta’ Helena Dalli. Jistgħu jkunu abbużi ta’ regolamenti li jgħoddu għalija u għalik, imma għalihom l-istess regolamenti jiġu sospiżi u mhux infurzati. Ma jfissirx li l-parlamentari m’għandux jitħallas ta’ xogħlu, iżda min qiegħed fil-politika irid ikun eżempju ta’ kif titħares il-liġi.”

Iżda minn meta ’l hawn li David Thake qed iqis ruħu bħala ġurnalist, “What’s in a title?” weġibni David, “Jien nemmen li l-programm prinċiparjament hu programm ta’ divertiment. Hu stil tiegħi ta’ kif inwassal il-messaġġ u fih jien ngħid il-verità tiegħi u trid tkun lest li teduka ruħek, u l-veduti tiegħek tibdilhom jekk int tħoss li xi ħadd ikun tak raġuni valida biex tibdel il-veduti tiegħek.

Malli qalgħu qlajja’ dwari, ħriġt il-fatti

“Fil-programm tiegħi jien niġri wara l-istorja u mhux wara d-deputati. Jien nipprova nieħu l-veduti ta’ dawk li jkun ħareġ xi ħaġa dwarhom billi nistaqsi lilhom u mhux noħroġ xi ħaġa mingħajr ma nagħtihom ċans li jispjegaw ir-raġuni. Issa dawk li jaħarbuni, ikun ifisser li għax ikollhom x’jaħbu. Il-Partit Laburista jiżbalja li ma jweġibx. Malli qalgħu qlajja fuqi, jien mill-ewwel ħriġt il-fatti.”

Dan l-aħħar, fil-fatt ħarġet aħbar li tallega kif David Thake, fiż-żmien tal-PN fil-Gvern, ħa direct order ta’ €12,000 fis-sena għall-Internet fl-ITS, u kien preparat li se nistaqsih din il-mistoqsija, tant li ħareġ file fejn urieni iswed fuq l-abjad li kienet ħarġet tender u l-irħas waħda kienet tal-kumpanija tiegħu, Vanilla Telecom. Il-bidders l-oħra kienu Melita, li kienu tefgħu l-offerta seba’ darbiet għola minn tiegħu (€6,998 fix-xahar), is-SIS Ltd u l-BMIT Ltd. “Jien sfidajt lil Edward Zammit Lewis u lil Decelis li jgħidu dak li qalu fil-Parlament barra u neħodhom il-Qorti bħalma llibellajt lil One Productions fuq l-istess gidba. Jidher li l-PL attakkani għax issa forsi qed indejjaqhom b’dak li qed nagħmel, u dan li hu l-istil sintomu fit-tmexxija ta’ Muscat fejn kif isib dahru mal-ħaj,t jara x’isib biex jattakkak. Attentat biex lili jpoġġuni fl-istess xkaffa magħhom. Iżda jien m’hemm xejn li jħammarli wiċċi.”

Tlabtu wkoll jgħidli jekk jaqbilx mal-istil tal-kitba ta’ Daphne Caruana Galizia fejn ħafna drabi tuża l-assassinju tal-karattru u li hemm min jisħaq li l-kitba tagħha begħdet Nazzjonalisti mill-partit, “ Jien ma nemminx f’assassinju ta’ karattru. Jien ma naqbel bl-ebda attakk li jsir fuq persuni li ma jkollhom x’jaqsmu xejn mar-rwol tiegħu pubbliku. Jekk int mhux persuna pubblika u dak li tagħmel ma jagħmilx impatt fuq il-poplu, ma jinteressa lil ħadd x’tagħmel fil-ħajja privata tiegħek. Iżda jekk int ministru tal-Gvern, Maġistrat, uffiċjal tal-pulizija jew armata eċċ u l-imġieba tiegħek tista’ twassal biex xi ħadd jirrikattak jew jikkompromettik, dak hu ta nteress pubbliku u hu ‘fair game’ għall-ġurnalisti kollha. Jekk int trid tgħix ħajja ta’ playboy ta’ Malta, aħjar ma jkollokx ambizzjonijiet ministerjali.” Hawnhekk David Thake ħassejt li ħareġ mill-mistoqsija baxx baxx biex la jfuħ u lanqas jinten.

Sadattant staqsejtu x’jikkonvinċih li l-Gvern Nazzjonalista se jirbaħ l-elezzjoni Ġenerali li jmiss. “Joseph Muscat konvint li għandu barmil mimli bl-ilma li fih għandu toqba li jkun hemm dejjem meta partit ikun fil-Gvern. Jinsab konvint li sal-elezzjoni mhux se jitlef l-ilma kollu minnu. Ir-realtà hi li t-tolleranza tan-nies għall-iżbalji, arroganza u l-abbuż hi żero.”

 

 

 

 

 

John Busuttil attenda is-Seminarju tal-Arċisqof fil-livell sekondarju. Fl-1978 attenda għal kors tal-Method Study organizzat mill-Malta Institute of Management u ġie ċċertifikat fil-Method Time Study. Fl-1987 attenda b’suċċess għal kors fil-Middle Management organizzat mid-dipartiment tal-Management studies fl-Universita ta’ Malta. Għal erba snin sħaħ, 1994, 2000, 2001 u 2004 kien finalist tal-ġurnalist tas-sena fil-BPC awards u fl-2004 ingħata dan l-unur għal 'significant contribution to Professional Journalism' Producer & Presenter ta' diversi programmi fuq NET TV, SMASH TV, PBS u ONE TV. Ipproduċa u ppreżenta programmi radjufoniċi dwar Vjaġġar u Sport u pparteċipa f'diversi programmi televiżivi u radjufoniċi dwar suġġetti varjati. Għal 43 sena ħadem mal-Media Link. U bħalissa jaħdem mal-MediaToday.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook