€100 miljun mill-industrija tal-films fl-2015

L-intervista tal-Ħadd li għadda fuq il-ġurnal l-ILLUM mal-Kummissarju tal-Films Engelbert Grech

Il-Kummissarju tal-films, Engelbert Grech
Il-Kummissarju tal-films, Engelbert Grech

‘Midnight Express’, ‘Gladiator’, ‘Troy’ u ‘Munich’ huma wħud mill-films li jiġu f’moħħ il-Maltin meta ssemmi produzzjonijiet li nħadmu f’pajjiżna. Però iktar riċenti, wieħed jista’ jinnota li t-tkabbir f’dan il-qasam huwa wieħed li żdied b’rata fenomenali, u dan jixhduh ir-riżultati li qed jakkwista pajjiżna fl-industrija tal-films u d-dħul finanzjarju li qiegħed ikun rekord, sena wara sena. 

Il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-moħħ wara dan is-suċċess li fi ftit snin, qed imexxi l-Kummissjoni Nazzjonali tal-Films lejn it-triq tas-suċċess. Engelbert Grech ilu fil-kariga ta’ Kummissarju tal-Films fi ħdan il-Malta Film Commission (MFC), għal dawn l-aħħar sentejn u waqt li r-riżultati f’dan il-qasam jitkellmu waħedhom, hu, b’umiltà, jgħid li l-ġudizzju jħallih f’idejn in-nies. 

Fis-sena meta pajjiżna qed jiċċelebra d-disgħin sena bħala destinazzjoni għall-films, Engelbert Grech żvela kif huwa antiċipat li jintlaħaq il-€100 miljun fi dħul minn din l-industrija. Dan mhuwiex sempliċiment pass ’il quddiem imma ġirja kbira meta wieħed iqis li sal-2013 din l-industrija kienet qed tiġġenera €5 miljun biss fl-ekonomija Maltija. Fis-sena ta’ wara, jiġifieri fl-2014, beda jidher il-bidu tal-progress f’dan il-qasam hekk kif daħlet kummissjoni ġdida u beda fil-kariga tiegħu Grech. Hemmhekk, id-dħul iġġenerat kien beda jilħaq id-€29 miljun. 

Grech jispjega kif, “dan it-tkabbir enormi ġej min-niċċa li qabel ma kinetx qed tiġi sfruttata biżżejjed.” Ikompli jispjega kif jara li ż-żewġ fatturi li kienu essenzjali għal dan is-suċċess kienu, “l-ewwel nett is-sistema l-ġdida ta’ inċentivi finanzjarji li introduċejna, u l-marketing kbir li għamilna mad-dinja kollha biex inpoġġu lil Malta fuq il-mappa internazzjonali. Sfortunatament, Malta ħafna drabi ma kinetx tinsab fl-aġenda tal-istudios ta’ Hollywood u diversi studios Ewropej. Nemmen li issa, bil-‘marketing drive’ li qed nagħmlu u l-meetings kontinwi li qed ikollna, meta dawn ikollhom proġett, verament qed jikkunsidraw lil Malta bħala l-għażla tagħhom biex jiffilmjaw il-produzzjoni.” 

Fil-fatt, Grech jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu li, “bħala Kummissjoni, irnexxielna npoġġu l-industrija tal-films fuq l-aġenda nazzjonali. Kienet intesiet xi ftit, imma llum in-nies qed jitkellmu fuqha u hemm entużjażmu ġdid fost iż-żgħażagħ, li jawgura tajjeb għall-futur.”

Industrija li dejjem tinbidel

Engelbert Grech jispjega kif l-industrija tal-films hija waħda volatili u dejjem tinbidel, u għaldaqstant il-pajjiżi jridu jkunu dejjem lesti li jakkomodaw ruħhom għal dawn l-istess bidliet. “Kien hemm deċiżjonijiet li riedu jittieħdu ta’ malajr u dik id-deċiżjoni ġġiblek film li jiswa miljuni kbar.” 

Grech spjega kif, “il-mod mgħaġġel li bih kibret l-industrija, iġġib l-isfidi tagħha għax primarjament l-infrastruttura tal-pajjiż, mil-lat ta’ films trid tiġi mtejba u jsir investiment konsiderevoli fiha. Iktar importanti minn hekk, ir-riżorsi umani jridu jkunu mtejba u jkunu ta’ kwalità. Huwa importanti li nġibu l-films, imma jrid ikollna n-nies kapaċi biex jaħdmu fuqhom.” 

Dan it-tkabbir enormi ġej min-niċċa li qabel ma kinetx qed tiġi sfruttata biżżejjed

Hu kompla jitkellem dwar il-flessibiltà li jrid ikollha din l-industrija u semma kif anke internazzjonalment, qed ikun hemm iktar enfasi fuq is-serje televiżivi, flimkien mal-films. “Ma nistgħux nibqgħu ffukati biss fuq film. L-industrija fuq livell internazzjonali evolviet lejn it-telviżjoni, u aħna qed nimxu fuq l-istess triq.”

Ħaddiema direttament dipendenti fuq il-qasam

Grech spjega kif l-industrija tal-films hija waħda mill-iktar li toħloq effetti indiretti fl-ekonomija għaliex għalkemm l-ammont ta’ ħaddiema impjegati direttament fil-qasam mhuwiex numru kbir, il-ħaddiema indiretti huma bil-wisq iktar. Meta jkun hemm xi film li jibda jinħadem lokalment, ikun jirrikjedi bosta elementi bħal ‘catering’, akkomodazzjoni u trasport li ma jistgħux jingħaddu strettament mal-ħaddiema impjegati fil-qasam tal-films, iżda xorta waħda qed jaħdmu grazzi għal dan il-proġett. Fil-fatt il-Kummissarju għall-films spjega kif din l-industrija hija waħda mill-iktar li għandha effetti ikbar minn dawk immedjati u ammetta kif, “fuq livell dirett u indirett, l-industrija tal-films f’Malta tħaddem bejn il-5,000 ut-8,000 ruħ. Però, dawn huma figuri li ma tistax tkun eżatt fuqhom għax minkejja li persuna fil-catering, tkun qed tagħti servizz lill-industrija tal-films, ma tistax tgħid li qed jaħdem magħha dirett.” Minkejja dan, din il-gazzetta staqsiet jekk hemmx pjanijiet, jew jekk hux eventwalment possibbli li jkun hemm ħaddiema li jaħdmu fi ħdan din l-industrija b’mod iktar permanenti jew ‘full-time’ u mhux sempliċiment b’mod temporanju meta jkun hemm xi film kbir. Grech spjega kif il-ħidma hi diretta għalhekk, biex il-ħaddiema li jkunu qed jagħmlu xogħol f’din l-industrija  jistgħu jgħidu li dan huwa x-xogħol tagħhom. “Fil-passat, ħafna kienu jikkunsidraw l-industrija bħala passatemp. Jiġi film darba kull sena jew sentejn, jaħdmu fih, u wara jerġgħu jmorru għar-rutina normali. Issa f’dawn l-aħħar sentejn irnexxielna noħolqu konsistenza permezz ta’ għadd kbir ta’ proġetti wara xulxin, fejn ikun hemm biss xi ġranet ta’ waqfien bejn proġett u ieħor. Min-nofs l-2014 u anke qabel, sa issa, ma waqfux il-proġetti kemm kbar, u anke żgħar.” Grech semma kif din hi sfida għaliex f’din fl-industrija, ħafna drabi x-xogħol jimxi  fuq bażi ta’ proġett, proġett u għalhekk, “l-idea hi li jkollok proġetti wara xulxin biex tiggarantixxi xogħol kontinwu għan-nies f’din l-industrija. Qed jirnexxielna nattiraw lura nies li kienu telqu minn Malta u marru f’industriji oħrajn, għax ma setgħux isostnu lilhom infushom minħabba nuqqas ta’ xogħol. Issa, qed naraw konsistenza f’din l-industrija u l-isfida tagħna hi li nkomplu b’din it-trend,” kompa jsostni Grech.

Bżonn li jinbena qafas bażiku

Għalkemm din l-industrija ilha fil-pajjiż għal dawn l-aħħar 90  sena, huwa fl-aħħar snin li bdiet tiġi standardizzata u tieħu l-forma.

Ftit tal-ġimgħat ilu, ġie mniedi abbozz tal-politika nazzjonali għall-films għall-konsultazzjoni, bl-istess politika mistennija tkun ppubblikata u ffinalizzata fil-ġimgħat li ġejjin. Din l-istess politika, kif jispjega tajjeb Grech, “Ħassejna l-bżonn li nagħtu direzzjoni ċara għas-snin li ġejjin ta’ x’hemm bżonn li jsir u ngħaqdu l-entitajiet kollha flimkien li għandhom x’jaqsmu mal-industrija. Dan huwa sforz kollettiv biex nagħtu direzzjoni ċara u naraw fejn sejrin fil-ħames snin li ġejjin.” Dan għaliex. Jispjega Grech mal-ILLUM, anke sempliċiment reġistrazzjoni ta’ xogħol hija diffiċli għal persuna li taħdem fil-qasam. Fil-fatt, hu jispjega kif nies li jaħdmu fl-industrija mhumiex rikonoxxuti uffiċjalment u jgħid li “jekk tipprova tmur l-ETC biex tirreġistra bħala ‘produttur tal-films’, m’hemmx kategorija għalik.” 

Għalhekk, fost diversi punti, din il-politika mistennija toħloq struttura biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema f’dan il-qasam, u “qed nibnu l-istruttura mill-bidu sabiex ikollna pedamenti sodi biex inkomplu nibnu fuqha.”

Minbarra dan, wara xi lmenti matul is-sajf li għadda dwar xi sfruttament fuq ħaddiema li kienu qed jaħdmu fuq is-sets ta’ ċertu films, din il-politika mistennija tiggarantixxi qafas regolatorju u regoli ċari biex ikun hemm kundizzjonijiet tajbin għal dawn il-ħaddiema u anke dawn il-ħaddiema jkunu jafu d-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom. Grech qal kif, “Il-fatt li ma kienx hemm struttura huwa ħażin kemm għal min jaħdem f’din l-industrija, kif ukoll għall-films li jiġu minn barra.”

Inkomplu nkabbru t-talent lokali

Din il-gazzetta staqsiet jekk hemmx xi miżuri li jittieħdu sabiex jiġi żgurat li f’kull film li jinħadem, ikun hemm ammont ta’ nies li jkunu Maltin bħala parti mill-crew. Min-naħa tiegħu, Grech qal li filwaqt li ma jistgħux iċaħħdu persuni ċittadini tal-UE milli jaħdmu f’Malta, bħala Kummissjoni qed jaraw li tal-inqas ikun hemm sistema ta’ ‘mentoring’. “Film meta jiġi Malta, jaqbillu jimpjega l-Maltin,” fisser Grech, li min-naħa l-ohra qal kif, “Huwa fatt, li f’ċerti pożizzjonijiet m’għandiex Maltin li huma mħarrġa biżżejjed, u hemmhekk huwa naturali li jinġiebu l-barranin. Minkejja dan, bħala Film Commisssion qed nagħmluha ċara li għandu jkun hemm ‘trainees’ u ‘interns’ li jiġu mħarrġa mill-barranin, f’dawn il-pożizzjonijiet. Fil-fatt, huma parti mil-linji gwida tagħna li dawk kollha li qed jieħdu xi inċentivi, iridu bilfors idaħħlu numru ta’ ‘interns’ f’pożizzjonijiet partikolari sabiex l-industrija tagħna tkompli tiżviluppa.” Grech kompla jsostni li b’dan il-mod, il-films barranin iservu ta’ ‘training grounds’ għall-films indiġeni.”

Taħriġ biex ikun hemm ħaddiema ta’ livell

Kif tenna iktar qabel, Grech jemmen li kif irid ikun hemm investiment fl-infrastruttura, irid ikun hemm investiment ikbar fir-riżorsa umana. “Il-Film Commission f’dawn l-aħħar sentejn għamlet korsijiet fuq kull livell tal-industrija,” fiehem Grech.

“B’hekk, il-Kummissjoni diġà investiet mal-€1 miljun f’taħriġ fil-livelli kollha tal-oqsma relatati mal-films u ħarrġet iktar minn 300 ruħ.” Dan ivarja minn korsijiet ta’ taħriġ għad-disinn ta’ kostumi, xagħar u rtokk, u jkompli għal persuni fl-MCAST f’oqsma varji bħad-disinn u jibqa’ sejjer sal-kors tal-Master’s li ġie mniedi din is-sena fl-Università ta’ Malta fl-istudji tal-Film. F’dan il-kors, jispjega Grech, l-għan u l-aspettazzjoni huma li jkun hemm persuni li jitħarrġu sew sabiex ikollhom l-għodda kollha neċessarji u jkunu jistghu jaħdmu u jipproduċu films, u films ta’ livell. B’hekk il-Kummissjoni tkun qed tara li meta film ikun qed jinħadem lokalment, minbarra li tiġi pprovduta l-lokazzjoni u l-infrastruttura addattata, ikun jista’ jiġi offrut tim ta’ nies imħarrġa sew fil-qasam. Dan biex, kemm jista’ jkun, il-ħaddiema jkunu lokali. Minbarra dan, Grech saħaq li dan isir sabiex minbarra li jitjieb is-servizz u l-kwalità offruta fuq films barranin, il-produzzjonijiet lokali li jinħadmu, wkoll ikunu ta’ kwalità għolja li jista’ jħabbatha ma’ films oħrajn barranin fit-tant festivals internazzjonali li jiġu mtella’.

Qed ninvestu fin-nies u fis-swieq 

Il-Malta Film Commission, kif jispjega Engelbert Grech, qed taħdem biex l-investiment ikompli jikber u l-prodott ċinematografiku Malti jkompli jitjieb biex bil-films tagħhom, jaċċessaw is-swieq internazzjonali. Minbarra li jrid ikun hemm investiment, il-Kummissarju għall-films tkellem dwar kif primarjament trid tinvesti fin-nies u mhux titfa’ l-flus biss fiha, u qal kif jemmen, “li l-istrateġija li ntużat fil-passaat, li titfa’ l-flus, possibilment ma ħadmitx.”

Fil-passat, ħafna kienu jikkunsidraw l-industrija bħala passatemp... f’dawn l-aħħar sentejn irnexxielna noħolqu konsistenza permezz ta’ għadd kbir ta’ proġetti

Grech stqarr kif, “għandna nistennew produzzjonijiet lokali u internazzjonali ta’ kwalità fiż-żmien li ġej.” Fost dawn il-produzzjonijiet, Grech żvela kif se jkun qed joħroġ għall-wiri l-film maħdum lokalment, ‘Limestone Cowboy’, bl-għajnuna tal-Malta Film Fund. 

“Għalhekk, għandna nagħtu s-sostenn tagħna lit-talent lokali, meta tant qed jagħmel progress u jtejjeb il-kwalità tiegħu.” Engelbert Grech, waqt li huwa pożittiv għall-futur, jitkellem dwar is-sfidi kbar li jiġu ppreżentati meta l-pajjiż ikollu sena ta’ suċċessi bħalma kienet din is-sena u qal kif, “din is-sena kienet tajba mmens u ma jistax li kull sena tkun fuq dan il-livell daqshekk tajjeb, imma ninsab ottimist li mill-interess li qed ikollna, se tkun sena tajba,” fejn żvela kif “il-Film Commission tinsab f’diskussjonijiet ma’ żewġ studios kbar għas-sena li ġejja.”

More in Intervisti