Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

L-ekonomista Karm Farrugia jipproponi żieda fil-pensjoni minima

..,..jipproponi wkoll żieda fil-paga minima fuq medda ta' snin

Albert Gauci Cunningham / 12 t'Ottubru 2015 10:43
"Qed inħallu wisq nies jiġu jaħdmu hawn Malta, bla kwalifiki u li jaċċettaw pagi miżeri għax ikunu, prattikament, qed imutu bil-ġuħ - L-ekonomista Karm Farrugia"
Illum  se jkun qed jitħabbar it-tielet baġit ta’ Gvern Laburista, li apparti li se jkun qed jagħmel lista ta’ miżuri li jistgħu jolqtu lill-poplu b’mod tajjeb jew ħażin, se jkun qed jagħti stampa tal-qagħda ekonomika tal-pajjiż matul l-aħħar sena u kif il-Gvern qed iħares lejn ir-ritmu ekonomiku għas-sena li ġejja.

L-ILLUM intervistat lill-ekonomista veteran u eks-CEO tax-Shipbuilding taħt Gvernijiet Laburisti u Nazzjonalisti, Karm Farrugia. Jibda l-intervista billi jfakkar li għalkemm Gvern Nazzjonalista ħalla ekonomija li ma kinitx sejra ħażin, “dan il-Gvern dawwarha f’waħda li verament għandna biex niftaħru biha, tant li bħalissa l-ekonomija Maltija hija fost l-aqwa fl-Unjoni Ewropea”.

Imma x’ġara f’dawn is-sentejn u nofs ta’ Gvern Laburista li wassal għar-riżultati ekonomiċi li qed jikseb il-pajjiż f’diversi setturi? “Jien naħseb li l-akbar fattur huwa li llum għandna Ministru, bir-rispett lejn il-Ministri kollha qabel Edward Scicluna, li għandu subgħajh fuq is-swiċċ ekonomiku tal-pajjiż. Il-Ministru kien viġilanti l-ħin kollu, jaf iċ-ċirkostanzi ekonomiċi kif sabhom hu u jaf kif jista’ jtejjibhom”.

Farrugia jgħid ukoll li apparti dan, is-sitwazzjoni ekonomika globali bħalissa “mhux daqshekk inkrepattiva kif kienet tmien snin ilu u għalkemm it-triq mhux lixxa, hija iktar lixxa milli kienet fil-passat”. Huwa jkompli jispjega kif fil-preżent l-ekonomija qed tkun xprunata l-aktar “minn kemm qed tonfoq int, kemm qed tonfoq il-familja tiegħek u kemm qed nonfoq jien. Naturalment, bħala ekonomista, jien inkun nippreferi li kieku t-tkabbir ikun xprunat aktar mill-investiment. Inħoss li f’dawn is-snin l-investiment seta’ kien akbar. L-istat tat-toroq waħedhom huma eżempju ċar ħafna ta’ kemm nistgħu ninvestu iktar f’pajjiżna.”

Hawn ‘feel good factor’ qawwi 

Imma l-ILLUM staqsa lill-ekonomista, x’jaħseb li huma l-fatturi li wasslu biex in-nies qed jonfqu aktar. Pronta kienet ir-risposta tiegħu, “fil-pajjiż bħalissa hawn feel good factor qawwi. Il-poplu jħossu kuntent u jaf li r-riżultati ekonomiċi mhumiex temporanji imma hawn stabbilità. Jien immur lil hinn minn hekk. L-ekonomija ma nħarisx lejha biss minn kif inhi llum imma kif se tkun fiż-żmien li ġej” jgħid Farrugia li jagħmel referenza għar-rapport tal-Aġenzija ta’ kreditu DBRS li tagħti ċertifikat pożittiv lill-ekonomija li preżentement, qed tikber b’rata ta’ 5%. “Ma tantx hawn ekonomiji li qed jikbru hekk. Tkabbir ta’ bejn 2% u 2.5% huwa meqjus bħala tkabbir tajjeb, aħseb u ara 5%.

Sitta minn kull 10 sejrin tajjeb

Imma t-tkabbir qed jasal għand kulħadd jew għandna każ fejn tnejn minn kull 10 qed jaraw żieda kbira fid-dħul tagħhom, bit-tmienja l-oħra jibqgħu fejn huma? Għandna sitwazzjoni fejn il-ftit li qed imorru aħjar qed jagħmlu tajjeb, statistikament, għal min mhux?

"Fil-pajjiż bħalissa hawn feel good factor qawwi. Il-poplu jħossu kuntent u jaf li r-riżultati ekonomiċi mhumiex temporanji"
Karm Farrugia ma jaqbilx man-numru, għalkemm jaqbel mal-argument. “Jien ngħid li sitta minn kull 10 sejrin aħjar hija iktar realistika. L-argument tiegħek jagħmel sens, imma tnejn biss minn kull 10 li sejrin aħjar hija eżaġerata. Issa minn dawk is-sitta, hemm min ra titjib ta’ 1% u hemm min ra titjib ta’ 4% jew anke 5%.” L-oħrajn, skont Farrugia, la marru agħar u anqas aħjar. 

Sentiment pożittiv jissarraf f’suq tal-proprjetà aktar b’saħħtu

Induru fuq numru ta’ setturi fl-ekonomija ta’ pajjiżna u nibdew bil-proprjetà. Nfakkru li, kif irrapurtat din il-gazzetta, is-suq huwa b’saħħtu ħafna bħalissa bil-proprjetà togħla ħafna wkoll f’postijiet bħal Bormla. Imma mbagħad hemm l-argument ukoll ta’ min jgħid li suq b’saħħtu tal-proprjetà ma jfissirx ħajja aħjar għal min jaqlagħa u jikolha. 

Farrugia jisħaq li s-suq tal-proprjetà jikber sew jekk kemm-il darba jkollok ekonomija b’saħħitha b’bosta nies li qed iħossuhom pożittivi. “Jista’ jkollok suq tal-proprjetà li sejjer ħażin u ekonomija li mhux, jew viċi-versa. Importanti wkoll li niddistingwu bejn is-suq tal-proprjetà u s-settur tal-kostruzzjoni, għax għalkemm relatati, mhumiex marbutin ma’ xulxin intrinsikament” jgħid Farrugia.

Tazzi li ma jfurux

L-intervista ddur fuq settur ieħor li bħalissa qed jara riżultati mill-aktar pożittivi, it-turiżmu. L-ILLUM tistaqsi kif, minkejja dawn ir-riżultati ferm tajbin, għad għandek ammont kbir ta’ ħaddiema f’dan is-settur li mhux qed iħossuhom parti minn dan is-suċċess. Nistaqsuh jekk għandhomx raġun opinjonisti u artikolisti bħal Charles Miceli, li jikteb diversi drabi fuq l-ILLUM, meta jgħidu li l-idea ekonomika tat-trickle down, jiġifieri li l-ġid jinħoloq minn fuq u jinżel l-isfel, ma teżistix jew li fil-prattika ma taħdimx.

“Ma naqbilx, le,” tkun ir-risposta immedjata ta’ Farrugia għalkemm jaqbeż fuq l-importanza tat-turiżmu, mingħajr ma jwieġeb il-mistoqsija preżenatata lilu mill-ewwel. “Rigward it-turiżmu tajjeb ngħidu li t-tkabbir li qed jara pajjiżna mhux wieħed differenti minn dak ta’ pajjiżi oħrajn u jkollna ngħidu li f’dan is-settur, xi kultant neżaġeraw xi ftit il-kontribuzzjoni. Jiena nħoss li t-turiżmu, għalkemm importanti ħafna, jikkontribwixxi għal inqas minn 20% tal-Prodott Domestiku Gross (PDG) u fil-fatt jikkontribwixxi għal madwar 17% u 18%.    

"Ir-rata ta’ qgħad bħalissa hija l-aktar waħda baxxa li qatt kellna fi snin, imma xorta nemmen li mhux l-ideali. Jien inħoss li l-qgħad f’pajjiżna m’għandux jeċċedi it-2% jew 2.5%"
“Imma ma rrispondejtnix dwar kif l-impjegati f’dan il-qasam qed igawdu minn dan it-tkabbir”, tfakkar l-ILLUM. Taqbel li hawn ħafna abbuż, li ilu jakkumula s-snin f’dan is-settur? Sabiħ ħafna li tixgħel l-aħbarijiet u tara kemm żdiedu t-turisti imma fil-livell tat-triq u tal-impjegati, dan is-suċċess qed jinħass jew le?

Farrugia ma jdurx wisq mal-lewża u jistqarr li kollox ġej min-nuqqas jew laxkar fuq min iħaddem f’Malta. “Nissimpatizza mal-impjegati li ġejjin f’pajjiżna u qed jaħdmu ġo lukandi. Hija ċara li hemm nuqqas ta’ kontroll jew nuqqas ta’ rieda governattiva ta’ kontroll u qed inħallu wisq nies jiġu jaħdmu hawn Malta, bla kwalifiki u li jaċċettaw pagi miżeri għax ikunu prattikament, qed imutu bil-ġuħ dawn.”

Imma allura x’jista’ jsir? “Il-Gvern jeħtieġ jikkunsidra li jirregola aħjar is-settur. Mhux faċli, ħa nkunu ċari, imma li jrid jagħmel huwa li jżid is-saħħa ta’ min jispezzjona. Meta waiter ma jafx jitkellem Malti jew Ingliż, dak mhux postu fis-settur. Jeħtieġ nikkontrollaw u b’kontroll mhux qed nalludi biss li ngħidu lin-nies x’għandhom jagħmlu, imma aktar minn hekk, li ninfurzaw. Dan x’jiġifieri, apparti li ma jafux jikkomunikaw għandek numru kbir ta’ dawn l-impjegati li ma jħallsux bolla?” Dwar dan il-punt, Farrugia jtemm jgħid li “l-Gvern ikun jaqbillu li jirregolarizza għax ikun jista’ jdaħħal aktar flus mit-taxxi. Imma, nammetti, mhux lakemm tgħidha din.”

Gvern Laburista qed jissorprendi fl-ekonomija?

Ir-riżultati ekonomiċi jistgħu jkunu tant pożittivi li jkun hemm votanti, speċjalment dawk tradizzjonalment Nazzjonalisti jew switchers li jħossuhom sorpriżi bil-fatt li taħt Gvern Laburista l-ekonomija sejra aħjar milli kienet sejra taħt il-Gvern li forsi kienu jappoġġjaw. Farrugia jagħmilha ċara li l-ewwel nett trid tiddistingwi bejn Gvern Laburista tal-lum u dak ta’ 30 jew 40 sena ilu. “Il-PL, illum, mexa aktar lejn iċ-ċentru imma jekk iħares, se jħares lejn ix-xellug. Lili ma ddejjaqni xejn din, anzi togħġobni ħafna”. 

Imma Farrugia jaħseb li f’dan il-punt, il-poplu qed jieħu r-riżultati ekonomiċi xi ftit for granted? “U hekk għandu jkun” isostni Farrugia, “dak huwa l-akbar kumpliment lill-poplu u lill-gvern u fil-fatt m’għandhomx għaliex ma jieħdux ir-riżultati ekonomiċi hekk. Bħalissa s-setturi kollha tal-ekonomija sejrin tajjeb. Għandek żieda fl-impjiegi, titjib fil-bilanċ tal-pagamenti u s-settur finanzjarju sejjer tajjeb ħafna wkoll. 

Sitta minn kull 10 impjiegi qed jinħolqu fil-privat

Il-PN jikkritika lill-Gvern preżenti għax għalkemm vera li qed jiżdiedu l-impjiegi, jgħid li l-maġġoranza ta’ dawn qed jinħolqu mal-Gvern. “Malli tgħid ‘il-maġġoranza’qed tkisser l-argument tiegħek stess. Jien nikkalkula li minn kull 10 impjiegi, sitta qed jinħolqu fis-settur privat u bejn tlieta u erba’, fis-settur pubbliku. U meta ngħidu mal-Gvern irridu nqisu wkoll fejn. Jekk dħalt taħdem bħala infermier l-Isptar, jiġifieri dħalt mas-settur pubbliku, avukat mal-Gvern, dak ukoll fis-settur pubbliku qiegħed. Fejn tidħol saħħa, per eżempju, jien ngħid li hemm lok għal żieda fl-impjiegi. 

Taħseb li se jasal punt, wara xhur issa bil-qgħad nieżel xahar fuq xahar, li l-qgħad jiżdied? Forsi bdejna nilħqu l-punt li tant naqas li se jkun inevitabbli li jerġa jiżdied? “Ir-rata ta’ qgħad bħalissa hija l-aktar waħda baxxa li qatt kellna fi snin, imma xorta nemmen li mhux l-ideali. Jien inħoss li l-qgħad f’pajjiżna m’għandux jeċċedi it-2% jew 2.5% għax f’Malta għandna mobbiltà iktar faċli, postijiet tax-xogħol li huma eqreb. Naturalment dejjem għandek sezzjoni ta’ nies li ma jkunux iridu jaħdmu, li dejjem jibqgħu hemm.

Qabel niddiskutu l-baġit, nerġgħu mmorru lura għall-punt fl-intervista fejn Farrugia jsemmi l-investiment. Għalkemm il-Gvern preżenti ħabbar diversi proġetti, bosta minnhom għadhom fuq il-karta. Iħoss li forsi l-proċess biex proġetti kapitali bħall-Maritime Hub u l-proġett tal-White Rocks qed jieħdu wisq fit-tul? 

Huwa jiddeskrivi bħala xi ħaġa ‘sfortunata’ li ċerti proġetti qed idumu biex isiru, għalkemm iżid ifakkar li l-Gvern tela’ bi programm ta’ ħames snin u li mill-esperjenza tiegħu proġetti kbar, speċjalment jekk jinvolvu medded kbar ta’ art, bħal dak tax-Shipbuilding, jieħdu ż-żmien. 

Żieda fil-paga u l-pensjoni minima

Intant, kif kien mistenni, d-diskors waqa’ fuq il-baġit li se jkun qed jitħabbar ilejla. Bid-diskors kollu dwar ekonomija li sejra tajjeb, anke f’din l-intervista stess, il-poplu qed jistenna li għada l-Gvern iroxx xi ftit tal-bżar. Imma huwa żmien li l-Gvern jagħmel hekk? 

Farrugia jaqbel u mal-ILLUM jipproponi żewġ miżuri partikolari. Mhux b’sorpriża l-ekonomista li beda l-intervista billi qalilna li huwa twieled u għex mal-ħaddiema u dawk li bil-Malti ngħidu ‘jaqilgħuha u jiekluha’, spjega kif issa wasal iż-żmien li l-Gvern jaħseb għal żidiet fil-pensjoni u paga minima. 

"Għandu jsir studju biex il-pensjoni minima tiżdied b’madwar 1.5% fis-sena għal numru ta’ snin"
Din il-gazzetta tfakkru li dawk li jopponu żieda fil-paga minima jgħidu li dan jista’ joħloq katina ta’ żidiet fil-pagi kollha li min iħaddem ma jkunx jiflaħ għalihom. Iżda Farrugia, min-naħa tiegħu, jgħid li issa wasal żmien li l-Gvern iwieżen lil dawk li qed jaqilgħu l-pensjoni minima, l-ewwel u qabel kollox. “Din mhux se taqbad u tindroduċieha mil-lum għal għada, imma għandu jsir studju biex il-pensjoni minima, li bħalissa tlaħħaq madwar €500 fix-xahar biss, tiżdied b’madwar 1.5% fis-sena għal numru ta’ snin”. 

Dwar il-paga minima, Farrugia jgħid li meta wieħed iqis it-tajjeb u l-ħażin “huwa iktar pożittiv li mqassma fuq numru ta’ snin, ikun hemm żieda ta’ 1% jew 1.5% fis-sena għal perjodu ta’ ħames snin. B’hekk ngħidu li f’dan il-perjodu ta’ snin inkunu qed inżidu l-paga minima b’7%.

Fl-aħħar din il-gazzetta tistaqsi lil Farrugia jekk iħossx li miżura bħal din għandhiex tkun imħabbra fil-baġit tal-lejla. “Iva” jgħid Farrugia, “u jekk mhux se iħabbarha, il-Gvern għandu jikkometti ruħu li jimplimentaha mill-baġit ta wara”. 

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook