Sur Zarb grazzi talli salvajtli ħajti

Tony Zarb kien waqqaf strajk biex tarbija tintbagħat l-Ingilterra għal kura...illum din it-tarbija hu żagħżugħ mimli ħajja

Tony Zarb twieled il-Furjana fid-29 ta’ Jannar 1954 (61 sena), miżżewweġ lil Mary u missier Elton li għandu 35 sena. Ilu għal dawn l-aħħar 16-il sena jservi bħala segretarju Ġenerali tal-GWU, iżda ilu jagħmel parti mill-GWU għal dawn l-aħħar 30 sena. Iddeċieda li jirtira fit-8 ta’ Ottubru li ġej.

Kważi qabel poġġejt bilqiegħda u bdejt l-intervista mas-segretarju Ġenerali tal-GWU ftit jiem qabel jirtira, id-diskors mill-ewwel waqa’ fuq l-għajdut li hawn, li l-akbar kumpanija li tħaddem nies wara l-Gvern, l-ST Micro Electronics, se tagħlaq u tmur lejn iċ-Ċina.

“Kull meta nkunu se nersqu għan-negozjati għal ftehim kollettiv, dejjem joħorġu dawn l-għajdut. M’għandi l-ebda indikazzjoni u informazzjoni li l-ST qed taħseb biex tagħlaq. Anzi, ninsabu viċin li niffirmaw ftehim kollettiv mal-kumpanija li għandu jkoprina għal ħames snin. Għandna informazzjoni li din se tagħmel aktar investiment. Mhux hekk biss, iżda jien kellmuni diversi klijenti kbar tagħhom li jekk il-kumpanija tiddeċiedi li ma jibqgħux jaħdmu minn Malta, dawn ma jibqgħux jaħdmu mal-ST għax jinsabu kuntenti bil-livell għoli tal-ħaddiema Maltin.”

Wara din l-istqarrija tal-ogħla uffiċjal tal-GWU li għandha sserraħ ras kull wieħed mill-1,600 impjegat tagħhom, komplejt bl-intervista fejn tlabtu jgħidli jekk hux se jirtira għal kollox, bir-risposta tkun, “Mhu se nżomm l-ebda kariga, s’issa żgur li le”. Imma Tony Zarb se jisparixxi mix-xena pubblika?   “Ma neskludi xejn, iżda aktar iva milli le.”

Għaddejt il-kumment li l-Moviment Laburista qed jagħti indikazzjoni li m’għadux jibbaża l-politika tiegħu fuq il-klassi tal-ħaddiema bħalma kien il-Partit Laburista tal-passat. Ma’ din ir-rimarka tiegħi, Tony Zarb ma jidhirx li qabel wisq, fejn qalli li l-Moviment Laburista għadu l-partit tal-ħaddiema, “Jekk ma jibqax, ikun ifisser li tilef ruħu. Il-Partit Laburista m’għandux imur fuq in-naħa tal-lemin tant li ma jibqax jintgħaraf. Jekk aħna naraw li ma jibqax partit tal-ħaddiem, inkunu l-ewwel li niġbdulu l-attenzjoni.”

Meta staqsejtu għaliex il-GWU dejjem xaqilbet lejn il-Partit Laburista weġibni bla tlaqliq li 95% tal-unions fid-dinja huma xellugin u għalhekk iqarrbu lejn il-partiti xellugin.

Taqsima oħra fejn il-GWU dejjem kellha problemi ma’ min iħaddem hi dik tat-Trasport Pubbliku, “Sfortunatament ma sibniex formola tajba,” beda jgħidli Tony Zarb, “L-Ispanjoli li qed imexxu t-trasport pubbliku bħalissa qed jippruvaw itejbu s-servizz, iżda hemm problemi fir-rosters tal-ħaddiema. Il-Ħaddiema għad m’għandhomx ftehim kollettiv u kulma kien hemm kien sett ta’ kundizzjonijiet fi żmien l-Arriva. Aħna mhux naqblu mar-rosters li jridu jimplimentaw. Dawn iridu li nofs siegħa brejk jaqsmuh f’ħames minuti ’l hawn u tliet minuti ’l hemm, li ma jagħmlux sens li ħaddiem tagħtih minuti break. Ma naqblux lanqas mal-isplit shift fejn qed jitolbuhom li jaħdmu 3 sigħat filgħodu u 3 sigħat wara l-5 pm. Torbot ħaddiem ġurnata sħiħa barra mid-dar.”

Ma tistax tiltaqa ma’ Tony Zarb u ma tissemmiex il-kelma prekarjat li fil-fatt kien l-ewwel persuna li semma din il-kelma fil-gżejjer tagħna. Kien 9 snin ilu f’Jum l-Union fl-Imsida fejn Tony Zarb kien semma l-prekarjat, “Dak iż-żmien kont qed nirreferi għall-ħaddiema tal-kostruzzjoni, u wara dik il-ġurnata ġejt anke mhedded b’ħajti permezz ta’ telefonati anonimi u diversi sms. Kien hemm ħaddiema barranin li anke kienu jraqqduhom fuq is-sit tal-kostruzzjoni u jħallsuhom bi ftit.”

Il-prekarjat, fejn wasalna?

Għaddew disa’ snin, il-Partit Laburista wiegħed li se jeqred il-prekarjat, irnexxielu jagħmel dan? Jew hi battalja mitlufa? “Le ma naqbilx miegħek. Il-prekarjat għad jispiċċa.” Iżda baqa’ prekarjat?  “Dażgur li baqa’, għax hawn ħaddiema li m’għandhomx għażla ħlief li jaħdmu bil-prekarjat jew oħrajn li jibżgħu jitkellmu. Fil-catering qed nimpurtaw ħaddiema b’kundizzjonijiet baxxi u dan ma jitkellimx għax jhedduhom li jwaqqfulhom il-permessi li jaħdmu f’Malta.”

Iżda rakkonti dwar prekarjat li ħallewni ċċassat u li qatt ma kont smajt bihom kienu meta qalli li hemm prekarjat li feġġ dan l-aħħar, fejn hemm ħwienet tal-ħwejjeġ li qed iħallsu lis-salesgirls tagħhom bil-prodotti li tbigħ hi stess u bil-prezz ta’ kemm jinbiegħu, “anke f’każi ta’ uffiċċji jeżistu prekarjat fejn hemm min qed iġiegħel lill-iskrivani jilbsu uniformi li jħallsuha huma stess, u hemm oħrajn li qed jeħdulhom €20 minn kull paga biex ikopru xi spejjeż li jsiru fil-kompjuters tagħhom. Anke fil-qasam tas-sigurtà, hemm nies li jintbagħtu jgħassu postijiet tal-gvern jitħallsu mod, u dawk li jintbagħtu f’kumpaniji privati jitħallsu inqas, avolja fiż-żewġ każi tkun l-istess kumpanija li tħaddimhom. Fuq dawn qed naħdmu biex il-pagi tagħhom jiġu regolati għall-inqas bil-paga minima.”

Battalja bejn il-UĦM u l-GWU?

Dan l-aħħar, donnha li feġġet il-battalja bejn il-UĦM u l-GWU, “Bilfors, għax il-UĦM inkwetata li kien hemm ħafna gruppi ta’ ħaddiema li mill-UĦM ingħaqdu magħna. Fl-aħħar sentejn, 68 post tax-xogħol ingħaqdu magħna. Mhux kollha kienu mal-UĦM, imma hemm diversi minnhom u dawn ġew waħedhom. Meta nistaqsuhom għaliex riedu jitilqu lill-UĦM u jiġu magħna qalulna li lill-UĦM fdawhom u ma tawhomx servizz u jgħidulna, ‘aħna nemmnu fikom’. Per eżempju fil-Freeport, fejn issa għandna l-maġġoranza tal-ħaddiema kienu ilhom tmien snin bi problemi pendenti, aħna irranġajnielhom f’xahrejn. Anke l-Lufthansa Technik għandna r-recognition. Barra hekk, hemm unions oħra bħal tal-gwardjani, pulizija u suldati li ssieħbu magħna.”

Il-GWU għandhom 48,000 membru u Tony Zarb b’ċertu kburija qalli li hu qatt ma stenna li f’dawn is-sentejn kienu se jkabbru l-membri u postijiet tax-xogħol b’daqshekk.

Iżda barra l-UĦM, il-GWU għandhom avversarju ieħor, il-Partit Nazzjonalista. Mistoqsi x’inhi r-raġuni għaliex il-GWU ma tarax għajn ma’ għajn mal-PN Tony Zarb qal, “Il-PN kien u għadu jaġevola lill-UĦM, il-PL ma jagħmilx l-istess, lilna qatt ma aġevolana. Sentejn ilu malli Simon Busuttil tela’ kap, kien qal fil-konferenza tal-PN li hu jixtieq jaħdem magħna, iżda jien weġibtu li lesti li naħdmu magħhom iżda għadna ’l bogħod ħafna.

“Insemmilu meta fl-uffiċċju tal-Arriva kien qal lill-ħaddiema biex jitilqu mill-GWU u jidħlu mal-UĦM. Anke naf u għandi l-provi li tkellem ma’ pulizija u qallu, ‘x’se tagħmlu b’idejkom se tingħaqdu mal-GWU’. Meta kienu fil-Gvern, ministri tagħhom kienu jċemplu lin-nies u jgħidulhom biex joħorġu mill-GWU u jingħaqdu mal-UĦM. Jien għandi l-provi kollha ta’ dan, u Simon Busuttil kien qal li se jagħmilli libell meta għidthom fil-pubbliku iżda qatt m’għamlu.”

Hawnhekk is-segretarju Ġenerali tal-GWU qalli li fil-fatt, hi battalja bla waqfien mal-PN u kellna nbatu ħafna taħt gvernijiet Nazzjonalisti li riedu jneħħuna. Irnexxielna nżommu l-Union miftuħa kontra l-attakki feroċi min-Nazzjonalisti fejn kienu jagħmlulna minn kollox biex jgħalquna. Bħal meta ħadulna l-cargo handling u Jason Azzopardi quddiemna għamel konferenza tal-aħbarijiet fejn qal li dan il-bini hu kontra l-kuntratt u jridu jinvestigaw u joħduhulna u jagħmlu blokk flats flok il-bini tal-GWU. Iżda nassigurah li mhu se jirnexxielu qatt joħdilna dan il-bini.”

€250,000 fi skema ta’ rtirar għall-ħaddiema tal-Union Print

Mistoqsi għaliex il-GWU għandhom negozji oħra li jirrendulhom il-flus weġibni li l-GWU għandu bżonn li jkollu negozju li jrendilu introjtu, “ħalli ssostniha biex tgħin lill-ħaddiema. Aħna għandha 48 ħaddiem fil-GWU u 70 oħra fil-media tagħna u 36 impjegat fl-Untours u rridu naraw kif inħallsuhom. Anke l-ispejjeż u l-miżati internazzjonali biex inżommu postna fl-Ewropa, splodew.”

Kif semmieli l-media, ma stajtx ma nsemmilux l-problema li kellhom dan l-aħħar meta għalqu l-parti kummerċjali tagħhom fejn kienu jistampaw il-ġurnali tal-GWU u l-‘jobbing’. Staqsejtu kif meta l-media tal-Partit Nazzjonalista kellha l-problemi, il-ġurnali tagħhom ikkritikawhom meta kien jaf li huma għaddejjin mill-istess sitwazzjoni.

Mistoqsija li donnu kien qed jistenniha, “L-ewwel ħaġa aħna qatt m’attakkajna l-media tal-PN minħabba l-problemi finanzjarji, jekk semmejnieha, kienet f’okkażżjoni waħda. U ma tistax tħallat il-mod kif imxejna aħna mal-ħaddiema tagħna u kif mexa l-PN.

“Il-PN keċċa lill-ħaddiema tiegħu u ħallihom għal xhur sħaħ bi tliet xhur paga lura. Aħna ħriġna skema volontarja għal irtirar kmieni u jieħdu somma talli jitilqu. Tant li l-ħaddiema li telqu, kollha kemm huma applikaw għal din l-iskema. U qed infittxulhom impjieg ieħor. Din l-iskema swietilna mal-kwart ta’ miljun ewro.”

U l-oħrajn li baqa’ se jserrħilhom rashom? “M’għandhomx għalfejn jibżgħu għax se nsostnu l-kumpanija, iżda b’daqshekk ma jfissirx li ma jagħtux sehemhom.”

“Int salvajtli ħajti”

Tlabtu jsemmili l-akbar sodisfazzjon tiegħu f’dawn is-16-il sena li ilu segretarju ġenerali, “Kellna strike l-Air Malta u ġew żewġt irġiel b’tarbija f’idejhom li riedu joħduha l-Ingilterra għall-kura immedjata. Dak il-ħin ħadt deċiżjoni li nwaqqaf l-istrajk u bgħatt lil dan it-tfajjel l-Ingilterra. Tnax-il sena wara ġie żagħżugħ fuqi u qalli,’int salvajtli ħajti’. Kien it-tifel li dakinhar bgħattu l-Ingilterra għall-kura. Mument li meta niftakar fih nemozzjona ruħi.”

Fl-aħħar staqsejtu kif qed iħossu ġimagħtejn qabel jirtira, ”Dan l-aħħar kont qed nistenna bil-ħerqa li jaslu dawn il-jumejn biex nirtira. Iżda għadni kif ġejt minn Brussell u kif dħalt hawn, għidt bejni u bejn ruħi, ‘il-ġurnata tinsab wara l-bieb’ u qabadni ftit dispjaċir. L-irtirar tiegħi ma jfissirx li mhux se nibqa’ nsostni lill-GWU speċjalment lis-segretarju ġenerali l-ġdid Josef Bugeja li issa ilu sena jaħdem miegħi biex ikollna tranżizzjoni perfetta.”

Sellimtlu u qabel tlaqt offrieli ċikkulatina tal-Cadbury fejn awgurajtlu rtirar ta’ mistrieħ għalkemm xorta nemmen li għad narawh fix-xena politika meta fil-bidu kien bdieli bil-kelma, “se nirtira mix-xogħol, iżda ma neskludi xejn.”

 

More in Intervisti