Ma naf b’ħadd fil-PN li gawda ma’ Gaffarena - Beppe

Beppe Fenech Adami jgħid li hu ma jaf b’ħadd mill-PN li gawda bi flus, pjaċiri, proprjeta’ jew donazzjoni minn Gaffarena u jirribatti l-kummenti tal-istess Gaffarena dwar “ħbiberija” bejn it-tnejn

F’intervista mal-ILLUM Beppe Fenech Adami jistqarr li hu ma jaf b’ħadd fil-PN li “ftit jew ħafna” gawda ma’ Gaffarena. Fenech Adami, meta kien qed jitkellem dwar l-kwistjoni tal-proprjeta’ fi Triq Zekka u l-permess tal-pompa tal-petrol f’Ħal Qormi li nħareġ taħt dan il-Gvern, qal li nies bħal Gaffarena “jibqgħu ġejjin għal aktar”. 

Dan il-ġurnal għalhekk irrimarka illi jekk, skont kif qed jiddeskrivieh hu stess, Gaffarena dejjem “jiġi lura għal aktar” dan bilfors kien qed jagħmel l-istess fis-snin (madwar 20 sena) li hu flimkien mal-familja kollha tiegħu kienu jappoġġjaw lill-PN. F’dan il-punt Fenech Adami qal hekk; “jien ma naf b’ebda każ, ftit jew ħafna, ta’ persuna (fil-PN) li gawdiet minn art, flus jew donazzjonijiet ma’ Gaffarena”.

L-affarijiet ħadu xi ftit ta’ xejra ġdida lbieraħ wara kummenti ta’ Mark Gaffarena fuq is-sit soċjali Facebook fejn dan akkuża lil Fenech Adami li kien qed jigdeb u li bejnu u Beppe Fenech Adami hemm xi forma ta’ “ħbiberija”. Gaffarena allega li huma t-tnejn iltaqgħu, kellhom ikliet flimkien, li ġieli wasslu d-dar u li mart Beppe kienet in-nutara ta’ Gaffarena u ħadet b’LM100,000 xogħol mingħandu.

Imma Beppe jiċħad dan kollu mal-ILLUM. “Jien u Gaffarena ma kellniex ħbiberija. Iktar tista ssejħilha konoxxenza. Jiena qatt ma mort niekol miegħu. Konna mistednin fl-istess okkażjoni u hemmhekk ltqajna” qal Fenech Adami, li dwar il-kredenzjali Nazzjonalisti ta’ Gaffarena żied jgħid li dan tant ma kienx Nazzjonalist, tant li “mal-ewwel intopp, meta ma nqediex, mar lura mal-Partit Laburista”. Fil-fatt għal darba, darbtejn Fenech Adami fakkar illi snin ilu il-familja ta’ Gaffarena kienu “Laburisti kbar” u li issa marru lura fil-Partit li kienu jappartjenu. 

F'din l-intervista Fenech Adami jgħid ukoll li l-bar fejn ipoġġi Chris Cardona lanqas jaf fejn qiegħed biss

Aktar fil-ħarġa tal-ILLUM

More in Intervisti