Disinjatriċi Maltija li għamlet suċċess fid-dinja tal-moda

L-intervista tal-ILLUM ma Izzy Camilleri, disinjatriċi Maltija li għamlet isem għalija billi ddisinjat ħwejjeġ għal klijenti internazzjonali u ċelebritajiet kbar għal dawn l-aħħar 30 sena.

L-istilista Maltija Izzy Camilleri
L-istilista Maltija Izzy Camilleri

Izzy Camilleri hi waħda min-nisa famużi fil-Kanada fid-disinn tal-ħwejjeġ innovattivi. Għamlet isem għaliha billi ddisinjat ħwejjeġ għal klijenti internazzjonali u ċelebritajiet kbar għal dawn l-aħħar 30 sena. Dan l-aħħar ħadet isem ukoll meta ħolqot kollezzjoni ‘high style’ għal nies li jużaw il-wheelchairs. Camilleri bniet reputazzjoni għaliha billi toħloq ħwejjeġ provokattivi iżda raffinati, sofistikati u fl-istess ħin li wieħed jista’ jilbishom faċilment fejn irid.

Wara suċċessi kbar fit-tmeniijiet u disgħinijiet bil-kollezzjonijiet tagħha, Izzy Camilleri daħlet fl-industrija tal-films fejn bdiet tuża l-istil tagħha f’films kbar, serje televiżivi u videos tal-mużika (wieħed forsi jiftakar il-coat tal-fur li libset Meryl Streep fil-film ‘The Devil wears Prada’ kien ħolqien ta’ Izzy Camilleri) Fis-snin elfejn Izzy bdiet tħallat il-ġilda, mal-fur u ma’ tessuti fini li bihom rebħet personalitajiet bħal Jeanne Beker, David Bowie u Samuel L. Jackson. Dan kollu wassalha biex rebħet il-Women’s Wear Designer of the Year Award mill-CAFA fl-2006. Fl-2009 ħolqot IZ Adaptive l-ewwel kollezzjoni li qatt saret fid-dinja ta’ ħwejjeġ ‘savvy’ għal dawk li jgħixu ħajja bilqiegħda (fil-wheelchairs). Kompliet tevolvi u fl-2013 iddebuttat bil-MIZ kollezzjoni eċċezzjonali għal nisa maturi.

Isabel Camilleri twieldet Toronto l-Kanada 50 sena ilu (18.12.1964) minn ġenituri mill-Mellieħa. Michael (Ta’ Kanina) u Teresa (tat-Tobi) kienu emigraw il-Kanada fl-1960. Isabel hi ż-żgħira fost tlieta, biż-żewġ ħuta l-oħra huma Marie u Joanne. Miżżewġa u omm ta’ żewġ subien, Noah ta’ 16-il sena u Nigel ta’ 14-il sena.

Sirt naf b’Izzy meta kont qed indur l-internet u rajt persuna ħabiba tiegħi li għamlet ‘like’ fuq website bl-isem ta’ Izzy Camilleri. Ikuntattjajtha b’email u din weġbitni mill-ewwel u aċċettat li nintervistaha fuq Skype, iżda d-differenza fil-ħin ġagħlitni nagħżel l-email.

Kif bdejt tiddisinja l-ħwejjeġ?

“Ommi għallmitni nħit meta kelli 10 snin. Bdejt inħit ħwejjeġ għall-pupi tiegħi u wara għal sħabi. Bdejt naħdem fuq kostumi għal ‘play’ tal-iskola, Hello Dolly. Mill-High School bdejt nattendi l-kulleġġ Sheridan College f’Oakville fejn ħadt il-programm ta’ Fashion Technique and Design għal sentejn.”

Kif irnexxielek tidħol fid-dinja tal-aqwa disinjaturi tad-dinja? Dinja daqshekk diffiċli li tidħol fiha?

Mhix triq daqshekk ċara u l-istess bħal ta’ ħaddieħor. Il-ħajja ta’ kulħadd tieħu direzzjonijiet differenti. Kienet diffiċli iżda bla dubju kien hemm sfidi kbar u għad hemm. Bdejt in-negozju tiegħi meta kelli 19-il sena. Kien żmien li kelli ħafna x’nitgħallem u x’nikber, għalhekk għamilt l-iżbalji, iżda komplejt nilħaq il-miri tiegħi billi negħleb kull ostaklu li sibt quddiemi.

Pijuniera li tiddisinja ħwejjeġ għal nies fil-wheelchair

Kif bdiet din l-istorja li wasslitek biex tiddisinja ħwejjeġ lil dawk fuq il-wheelchairs?

“Fl-2004 irċevejt telefonata mingħand mara li kellha bżonn kappa magħmula mill-ġilda tal-ħaruf li jkollha s-suf naturali fuq in-naħa ta’ fuq, li tħalli lil persuna sħuna ħafna fil-kesħa xitwija tal-Kanada. Din il-mara ma setgħetx tiċċaqlaq minn għonqha ‘l isfel meta wara li ntlaqtet fi sparatura waqt serqa li kienet ġrat fl-1982 meta din it-tfajla kellha 18-il sena u kienet taħdem f’ħanut żgħir. Sa dakinhar qatt ma kont ħdimt ma’ xi ħadd f’wheelchair jew xi ħadd b’diżabilità. Laqatni dan il-fatt u ftaħt għajnejja għal dinja oħra b’umiltà. Għamilt iżjed xogħol għal din il-mara u wara ltqajt ma’ persuna oħra bl-istess livell ta’ diżabilità. Fl-2009 bdejt linja ta’ ħwejjeġ maqtugħa apposta għal min jgħix ħajja bilqiegħda li semmejtha IZ Adaptive.”

U xi tfisser eżatt din il-moda għal nies li jgħixu bilqiegħda?

“Il-ħwejjeġ regolari ma jsirux biex wieħed joqgħod bilqiegħda iżda għal meta wieħed jew waħda jkunu bilwieqfa. Il-problema hi li meta npoġġu bilqiegħda l-ħwejjeġ ma tantx ikunu komdi, jew joħroġu mill-qalziet, jew jintefgħu fuq wara ta’ qalziet. Hu impossibbli li tilbes kowt twil meta tkun bilqiegħda jekk ma tpoġġihx taħtek meta tkun bilwieqfa. Dawk li huma paralizzati dan ma jistgħux jagħmluh għax ma jkunux jistgħu jqumu bilwieqfa biex jirranġaw il-ħwejjeġ. Barra hekk il-ħwejjeġ normalment ikunu faċli biex tilbishom iżda mhux daqshekk faċli għal dawk li jkollhom bżonn għajnuna biex jilbsuhom. Dawn il-konsiderazzjonijiet kollha trid timplimentahom meta tiddisinja dawn it-tip ta’ ħwejjeġ apposta.”

Minn meta Barbara Turnbull talbet lil Izzy biex tagħmlilha dik il-kappa nfetaħ bieb lil nies oħra fid-dinja mingħajr wisq għażla fil-moda tagħhom u għal Izzy l-pass ’il quddiem kien ovvju. Interessanti jekk wieħed jidħol jara dan il-filmat qasir dwar il-bieb li nfetaħ għal dawn in-nies minn Izzy Camilleri - http://youtu.be/AEb8wT06K2M

Għadek tiddisinja ħwejjeġ għal ċelebritajiet kbar?

“Għadni iżda fuq skala inqas. Għax qed niffoka ħini fuq il-linja IZ.”

Iddisinjat ħwejjeġ għal Meryl Streep, Angelina Jolie u Jennifer Lopez

Għal-liema personalitajiet kbar ddisinjajt ħwejjeġ?

“Meryl Streep, Gord Downie, Kirsten Dunst, Angelina Jolie, Jennifer Lopez”

Dan ifisser li ltqajt magħhom personali. Tista’ tgħidilna xi ħaġa dwar dawn il-personalitajiet waqt li kont tippruvalhom il-ħwejjeġ?

Meryl Streep bil-coat disinjat minn Izzie Camilleri fil-film the Devil's wear Prada
Meryl Streep bil-coat disinjat minn Izzie Camilleri fil-film the Devil's wear Prada

“Normalment niltaqa’ magħhom meta dawn ikunu qed jiġbdu xi film Toronto għax jien inkun parti mill-gwardarobba tagħhom għal ħwejjeġ li jkollhom bżonn jilbsu fuq is-sett. Dan ifisser li rrid noħdilhom il-qies għal ħwejjiġhom. Iċ-ċelebritajiet m’huma xejn differenti minni u minnek u bħali u bħalek ikunu jridu jidhru tajjeb bil-ħwejjeġ li tagħmlilhom. Dwar stejjer li jgħiduli nħoss li nżommhom għalija għax nirrispetta lil klijenti tiegħi u ma naqsamx l-istejjer jew l-esperjenzi tiegħi magħhom ma’ ħadd. Għax jekk nagħmel hekk nitlef il-fiduċja tagħhom lejja. Bħal kulħadd iridu jidhru fl-aħjar mod li jistgħu u permezz tal-ħwejjeġ ikunu jridu juru l-isbaħ parti ta’ ġisimhom u jaħbu dak li ma jogħġobhomx.”

Kirsten Dunst
Kirsten Dunst

Din kienet  il-ħolma tiegħek?

“Ħajti nbidlet f’daqqa waħda bil-linja IZ Adaptive li qed nagħmel. Dawk li m’għandhom l-ebda xkiel f’ħajjithom, li jinkludu l-personalitajiet, m’għandhomx problemi x’jilbsu u minfejn jixtruhom. Iżda dawk b’diżabilità m’għandhomx wisq għażla li jsibu ħwejjeġ magħmula apposta għalihom. Inħoss li t-talenti tiegħi ffukjathom fuq xogħol ħafna aktar importanti. Permezz ta’ dan ix-xogħol ġejt ‘labeled’ bħala pijuniera fil-mudelli rivoluzzjonarji, kelli wirja ta’ sitt xhur, Fashion Follows Form - Designs for Sitting, fir-Royal Ontario Museum ta’ Toronto, li dan l-aħħar rebaħ unur mis-soċjetà prestiġġjuża tal-Kostumi fl-Amerka, u rnexxieli nbiegħ din il-linja ta’ ħwejjeġ madwar id-dinja kollha.

Mike and Theresa il-ġenituri ta' Izzy li emigraw mill-Mellieħa għal Kanada fl-1960
Mike and Theresa il-ġenituri ta' Izzy li emigraw mill-Mellieħa għal Kanada fl-1960

“Din qatt ma kienet il-ħolma tiegħi iżda sibt xi ħaġa li qatt ma saret qabel, li hi sfida enormi. In-nies li naħdem magħhom jimmeraviljawni għas-saħħa tagħhom bħala persuni. Nista’ u ma nistax nerġa’ mmur fid-dinja tal-moda normali... dak il-futur biss jista’ jurini t-triq.”

Ġieli ġejt Malta?

“Iva. Tliet darbiet. Darbtejn meta kont żgħira ħafna u l-aħħar darba li ġejt kien fl-1997”

Tħossok Maltija jew Kanadiża?

“Inħossni Kanadiża, għax hawn twelidt u hawn naf l-iżjed.”

Qatt iddisinjajt xi ħaġa għal xi personalità Maltija?

“Le qatt.”

Barra x-xogħol u l-familja jibqagħlha biss ħin biex torqod

Tixtieq li tiddisinja xi libsa għal xi personalità partikolari?

“Iċ-ċelebritajiet ma tantx jaffetwawni bħalma jaffettwaw lil ċerti nies. Għalija huma nies bħal kulħadd, għalhekk sfortunatament m’għandix risposta għal din il-mistoqsija.”

In-nisa huma aktar diffiċli mill-irġiel meta tiġi biex tlibbishom?

“Jiddependi mill-personalità tal-persuna milli jekk ikunx mara jew raġel. Hemm nies li huma aktar diffiċli minn oħrajn biex taħdem magħhom.”

Liema tqis li hi l-aktar ġurnata speċjali fil-karriera tiegħek?

“Jekk ikolli nipponta subgħajja lejn karriera ta’ 31 sena jkolli nsemmi l-wirja tal-Fashion Follows Form f’mużew daqshekk prestiġġjuż li kienet ġurnata mill-aktar sodisfaċenti.”

X’inhi l-ħolma li jmiss?

“Hemm aktar miri x’nilħaq f’dan in-negozju li joħduna fil-livell li jmiss, u li jħallina biex nagħmlu iżjed. M’għandix xi ħolma speċifika iżda għandi xi proġetti li qed naħdem fuqhom iżda għadhom fl-infanzja tagħhom. Għalissa n-negozju u l-familja qed joħduli kważi l-ħin kollu tiegħi u ma tantx jibqa’ ħin iżjed ħlief biex norqod.”

More in Intervisti