“Jiena għadni l-istess Michelle”

Michelle Muscat titkellem dwar it-trasformazzjoni li għaddiet minnha u dwar diversi temi soċjali fosthom il-vjolenza domestika 

Lil Michelle Muscat niftakarha x-Xemxija, snin ilu, qalb is-sajjieda u n-nies li jitilgħu fl-inħawi għas-sajf. Għandi memorji tagħha pjuttost ċari ma’ ommha Lelina u missierha, tgħum il-ġurnata kollha u wara tintefa’ tiekol minn dak li kienu jsajru l-ġenituri tagħha għad-dawl tax-xemx nieżla. Dak iż-żmien ix-Xemxija ma kienx hemm familji, imma familja waħda li kull sajf kienu jsiru komunità waħda.

Madwar 10 snin wara erġajt ltqajt ma’ Michelle, din id-darba mhux ix-Xemxija imma ġo Villa Francia, li għal dawn l-aħħar snin serviet bħala r-residenza uffiċjali tal-Prim Ministru. Tiġi waħedha l-mistoqsija, Michelle llum hija l-Michelle tal-bieraħ? “Jien għadni l-istess Michelle, l-istess persuna li qabel kont nitkellem ma’ kulħadd u viċin in-nies. Naturalment illum jiena għandi familja u żewġi huwa l-Prim Ministru tal-pajjiż, imma xorta bqajt nisma’ mingħand in-nies u safejn nista’, ngħin” qalet Muscat ma’ dan il-ġurnal.

Ixxukjata bl-attakk fuq Daboma Jack

Huwa minn hawn illi l-intervista tinbidel għal waħda li tmiss diversi suġġetti, fosthom dawk soċjali kif ukoll personali. Fost bosta kwistjonijiet hija ssemmi l-inċident li seħħ il-ġimgħa l-oħra fejn persuna ta’ karnaġġjon iswed, Daboma Jack, kien attakkat verbalment u anke fiżikament fil-venda tal-Belt Valletta. Hija tgħid li tinsab “ixxukjata” b’dak li seħħ u tisħaq dwar l-importanza li nuru rispett lejn kull bniedem hu min hu, u huwa ta’ liema karnaġġjon hu. “Aħna nies Kattoliċi jew le?” tistaqsi Muscat li tkompli biex tfakkar illi dak li jagħmilna Kattoliċi u Ewropej huwa r-rispett lejn bnedmin oħrajn, anke lejn dawk li huma meqjusin differenti minna.

L-importanza tar-rispett u t-tolleranza

Għal bosta drabi waqt l-intervista Muscat saħqet li t-tfal għandhom ikunu mgħallmin il-valuri tar-rispett u tat-tolleranza lejn dawk li huma differenti, kemm jekk huwa fuq bażi ta’ reliġjon, orjentazzjoni sesswali u anke jekk jaħsbuha differenti politikament.”

Hija stqarret mal-ILLUM li meta l-Gvern preżenti kien għaddej bit-tħejjijiet biex idaħħal il-liġi tal-Unjoni Ċivili kienu bosta dawk li marru fuqha u staqsewha kif se tispjega lil uliedha li żewġ irġiel jistgħu jiżżewġu. “Lill-uliedi dejjem għallimthom it-tolleranza, anke meta f’dan il-pajjiż konna qed niddiskutu d-drittijiet għal persuni omosesswali jien fehemthom l-aħjar li stajt kif, wara kollox, koppji tal-istess sess huma żewġ persuni li jħobbu u jgħożżu lil xulxin.” 

“Aħna, kemm jien u anke żewġi, ġejjin minn familji fejn il-politika qatt ma kienet wisq ċentrali u għalhekk lil bniet tiegħi jien dejjem ngħallimhom illi l-politika qiegħda hemm biex tagħmel il-ħajja tan-nies aħjar” qalet Michelle li kompliet tgħid kif fejn tista’ hija tisma’ l-problemi tan-nies u tagħmel xi ħaġa dwarhom.

Qegħdin lura fuq il-vjolenza domestika

Is-suġġett dar fuq il-vjolenza li minnha jsofru numru kbir ta’ nies, speċjalment nisa bejn l-erba’ ħitan tad-dar. Muscat ma tantx toqgħod tomgħodha u tagħmilha ċara illi f’dan is-suġġett pajjiżna għadu xi ftit jew wisq lura. Hija tgħid li flimkien mal-Fondazzjoni Marigold illi hija tmexxi qed isir sforz biex it-tfal jibdew mill-iskola jifhmu aħjar u japrezzaw aħjar il-valur tagħhom. “Jekk jitgħallmu japrezzaw il-valur tagħhom mill-bankijiet tal-iskola ċ-ċans li dawn jaċċettaw li jkunu f’relazzjoni abbużiva fejn xi ħadd jimponi tkun inqas.”

Fil-fatt Muscat tispjega kif mill-esperjenzi tagħha f’diskussjoni ma’ diversi kapijiet ta’ skejjel jiriżulta li waħda mill-problemi li tqum u terġa tqum hija li bosta studenti ma japprezawx biżżejjed il-valur tagħhom u għalhekk ibatu minn stima baxxa ħafna tagħhom infushom “li jagħmilhom suxxettibbli u vulnerabbli.”

Mistoqsija minn dan il-ġurnal jekk kienx hemm sitwazzjonijiet ta’ nisa li tkellmu magħha dwar dan is-suġġett hija twieġeb fl-affermattiv u tgħid li l-aktar li weġġgħetha kien meta tkellemt ma’ nisa li spiċċaw f’xelter għal nisa vittmi ta’ vjolenza domestika, bħal Dar Merħba Bik, u li kellhom ċerta età. “Meta jkollok 20 jew 30 sena, għalkemm it-tbatija xorta tkun kbira, jkollok ħafna minn ħajtek quddiemek, iżda jien nistaqsi mara ta’ 60 sena li tispiċċa f’xelter wara li tkun imsawta, din x’qed nagħmlu biex jerġa’ jkollha skop u biex terġa’ tibda mill-ġdid? Mhux faċli, mhi faċli xejn speċjalment wara snin ta’ tbatija u omertà” qalet Muscat. Għalhekk jeħtieġ li l-pajjiż jagħmel sforz kollettiv biex jiffaċċja din il-problema b’għarfien u edukazzjoni.

Emmen fik innifsek... għix ħajtek

Michelle Muscat tappella lil dawk li bħalissa għaddejjin minn problemi ta’ vjolenza domestika, anke jekk huma rġiel, biex irabbu kemm jistgħu kuraġġ, jfittxu l-għajnuna, illum qabel għada u ma jibqgħu joqogħdu qatt għall-impożizzjoni. “Emmen fik innifsek u għix ħajtek. Tinsiex li kull bniedem għandu dritt li ħajtu jfassalha kif jixtieq. Toqgħodx għall-impożizzjoni u fl-aħħar mill-aħħar agħmel kuraġġ għax għada se jisbaħ jum aħjar għalik” inkoraġġiet lill-vittmi ta’ vjolenza Michelle Muscat.

Hija fakkret fl-isfida li kellha ftit żmien ilu fejn riedet taqsam il-fliegu bejn Malta u Għawdex bl-għawm. Mart il-Prim Ministru qalet li għalkemm l-isfida kienet diffiċli u kienet tirrikjedi ħafna taħriġ b’dixxiplina stretta hija xorta ma beżgħetx u għamet bejn il-gżejjer. Michelle spjegat lill-ILLUM illi hija tittama li dak li għamlet iservi biex jinkoraġixxi lil dawk in-nies li forsi bħalissa għaddejjin minn żmien diffiċli, biex ma jaqtgħux qalbhom u jrabbu l-kuraġġ.

 

Għallmuni nifhem u nagħder

Id-diskursata ma’ Michelle Muscat tispiċċa fuq nota emottiva ħafna; l-ġenituri tagħha. L-ILLUM staqsa lil Muscat xi jfissru għaliha dawn it-tnejn minn nies li kienu magħha tul il-vjaġġ kollu ta’ ħajjitha s’issa.

Viżibbilment emozzjonata Michelle tispjega kif dawn huma żewġ persuni “li tawni tfulija, li tawni valuri tajbin. Ommi u missieri għallmuni nifhem, nagħder, nirsisti u naħdem.” Hija tispjega kif bħalissa huwa mument ta’ sfida għaliha u għal ġenituri tagħha iżda malajr tfakkar “li s-sema barra huwa bla sħab u xorta rrid nibqa’ pożittiva.”

Nitlaq minn Villa Francia xi ftit iktar ċert illi l-formalitajiet li jdawruha Michelle Muscat għadha dik il-Michelle li jien u familti nafu lura fiż-żmien fix-Xemxija. Mara umli, dejjem bit-tbissima, u iktar minn kollox, leali lejn il-ġenituri tagħha u lejn il-familja sabiħa tagħha.

Ċerti illi Joseph, Etoile u Soleil għandhom spalla soda fuqhiex jistrieħu. 

More in Intervisti