Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

“Biex jiċċelebraw l-ftuħ tal-Mater Dei nefqu €150,000 u kulħadd ippoppa sidru u llum ħadd ma jrid jerfa’ responsabilità”

Intervista esklussiva ma' Chris Fearne

John Busuttil / 14 ta' Ġunju 2015 20:10
Chris Fearne għandu 52 sena. Huwa miżżewweġ lil Astrid minn Santa Luċija, tabiba tal-familja. Hu wkoll missier Dawn li hi perit, Julian li qed jistudja għal-spiżjar u Rafael li qed jistudja l-ekonomija. Twieled Raħal Ġdid u ta’ 10 snin mar jgħix mal-familja Ħal Għaxaq u minn meta żżewweġ mar jgħix Ħal Tarxien. Fl-1987 sar tabib u speċjalizza bħala tabib u kirurgu tat-tfal. Ikkontesta għall-ewwel darba l-elezzjoni ġenerali li għaddiet b’suċċess, u għall-aħħar sena nħatar Segretarju Parlamentari għas-Saħħa.

Malli wasalt il-Ministeru tas-Saħħa, fil-bini imsejjaħ PalazzoCastellania fi Strada Merkanti u dħalt l-uffiċċju tiegħu fraħtlu għall-uffiċċju sabiħ u kbir li għandu fejn beda jirrakontali l-istorja ta’ dan il-palazz li kien inbena mill-kavallieri ta’ San Ġwann bħala qorti u ħabs fl-istess ħin. Chris Fearne għamilha ta’ gwida u beda biex qalli li l-uffiċċju tiegħu kien jintuża bħala l-post fejn l-ikkundannati kienu jistennew is-sentenza. Minn hemm ħadni fis-sala enormi li kienet tintuża bħala l-awla ewlenija tal-qorti tal-Kavallieri. Minn gallarija ċkejkna urieni l-kappella fejn l-ikundannati kienu jitolbu qabel jiġu mogħtija l-forka fil-bitħa ta’ taħt l-uffiċċju tiegħu. Qalli wkoll li taħt il-bini kien hemm iċ-ċelel fejn kienu jinżammu l-priġunieri, li fosthom kien hemm Mikiel Anton Vassalli.

Jidher li Chris Fearne barra fis-saħħa jinteressa ruħu anke fl-istorja ta’ pajjiżna u fuq kull ħaġa li jitkellem dwarha jitkellem b’ċertu entużjażmu. L-ewwel mistoqsija tiegħi kienet kif tħajjar joħroġ għall-politika, meta hu kien konsulent u kirurgu popolari ħafna fil-pedjatrija. “Ix-xogħol differenti l-isfidihuma ġodda ta’ kuljum. Qabel kont konċernat bis-sħiħ fuq pazjent wieħed, issa rrid nara l-istampa totali. Il-fatt li jien kont naħdem l-isptar meta kont student tal-mediċina u għaddejt mill-istadji kollha fl-isptar - naf il-problemi kollha li jeżistu fis-saħħa. Nammetti li ħassejt in-nuqas tax-xogħol ta’ kirurgu, iżda bħalissa għaddej minn mument eċitanti fejn qed nieħu gost li dak li dejjem xtaqt nara jitranġa fis-settur tas-saħħa, issa nista’ nagħmlu jien, u mhux nistenna lill-ħaddieħor jagħmlu.

“Il-politika dejjem ħabbejtha. Minn meta kelli 16-il sena kont involut fiż-Żgħażagħ Laburisti, kont segretarju internazzjonali u kont membru fil-KSU. It-twemmin tiegħi dejjem kien dak Laburist. Wara li ggradwajt ikkonċentrajt fuq ix-xogħol tal-pedjatrija, iżda bqajt Laburist u kont iddejjaqt li dejjem fuq in-naħa tat-telliefa. Fl-2013 iddeċidejt li nkun protagonist u nvolvejt ruħi, ikkontestajt l-elezzjoni u tlajt mill-ewwel.”

Il-kliem dwar palazzi u l-ħajja privata waqaf hawn u għaddejna għas-settur tas-saħħa fejn ma setax jonqos li nistaqsih dwar il-konkrit dgħajjef tal-Mater Dei u x’inhu l-periklu li jista’ jkun hemm fl-isptar, “Li kieku aħna ma konniex se nibnu sulari fuq l-emerġenza qatt ma konna nagħmlu testijiet fuq il-kolonni u qatt ma konna nkunu nafu il-qawwa tal-konkrit li kien hemm fihom. M’hemm l-ebda periklu għall-pazjenti sakemm ma jkunx hemm xi terremot. Dan suppost inbena biex jiflaħ għal terremot ta’ qawwa 7 fuq l-iskala Richter, iżda jekk allaħares kellu jagħmel terremot ta’ dik is-saħha, dan jaqa’ kollu.”

“Li se nagħmlu hu li se nsaħħu b’mod permanenti l-emerġenza li se tiswielna 5 miljuni u l-kumplament tal-isptar se jiswielna 30 miljun. Sal-aħħar t’Awwissu se jkollna d-diżinni u s-sena dieħla jibda x-xogħol li għandu joħdilna madwar sentejn jew ftit inqas. Se nirranġaw u mhux se nibnuh mill-ġdid. Dan ifisser li se jservi inqas milli suppost kellu jservi, iżda m’hemmx biża’ li l-isptar jaqa’.”

Iżda ta’ min huma l-iżbalji? U min se jħallas dawn il-miljuni? U min hu responsabbli? Huma l-mistoqsijiet ovvji li staqsejtu.

“L-ewwel se nieħdu l-passi kollha ċivili biex infittxu l-Iskanska talli tawna sptar ħażin  u qed jibnielna l-każ l-avukat tar-Repubblika biex iħallsu l-ispejjeż li se nagħmlu huma.Għaddejna wkoll d-dokumenti lill-Pulizija ħalli jittieħdu passi kriminali għax dak li ġara mhux żball, iżda frodi intenzjonati fejn hemm ħafna nies involuti.”

Stasejtu jekk jafx ismijiet li huma involuti jew jekk hemmx eks ministri involuti fejn Chris Fearne bi tbissima qalli li jħalli lill-Pulizija tagħmel xogħolha u toħroġ dak li għandha toħroġ hi.

“Iżda rrid ngħid ukoll li hemm ir-responsabilità politika li trid tinġarr. Għax tiskanta qisu lanqas biss qatt kienu jafu li nbena sptar u kollha jwaħħlu f’xulxin. Ara f’Lulju 2007 l-Partit Nazzjonalista fil-gvern organizza ċelebrazzjonijiet biex jinfetaħ l-isptar li swewlhom €150,000 – u kollha ppuppaw sidirhom għal ftuħ tiegħu.”

“Għalhekk għall-mistoqsija tiegħek hemm tliet tweġibiet – li nieħdu azzjoni kontra Skanska, li l-Pulizija tieħu azzjoni fuq min iffroda, u li aħna bħala Gvern se nibqgħu naħdmu biex min kellu r-responsabilità politika jerfagħha"

Staqsejtu meta u jekk hux se jkun hemm xi tmiem għas-sodod fil-kurituri, li fl-opinjoni tiegħu mhux aċċettabbli, “Writna sptar żgħir, iżda il-pazjenti fil-kurituri jridu jispiċċaw. Qed nibnu binja biswit u sa Novembru li ġej se tkun lesta. Din se tilqa’ 68 sodda u fuq l-istess binja se nibqgħu ngħollu sa ma nlaħħqu 300 sodda. Iżda dan mhux biżżejjed għax għandna bżonn 500 sodda u dawn se nlaħħuqhom billi se nkabbru l-Isptar t’Għawdex, niftħu l-Isptar St Luke’s u nagħmlu rinovar ta’ Karen Grech għax irridu nifhmu li barra l-500 sodda kull sena irridu naħsbu għal żieda oħra ta’ 5%.”

Il-problema ta’ stennija fl-emerġenza ilha ġejja. Il-fatt li ċ-ċentri tas-saħħa ġew abbandunati żgur li m’għenx. Inutli li wieħed ikompli jtenni li ta’ qabilna għamlu l-iżbalji u li writna d-dnubiet ta’ ħaddieħor. Il-fatt hu li issa hemm dan il-gvern u l-poplu jrid li din il-kwistjoni tiġi rimedjata. 

“Kienet inaċċettabli li persuna jdum 14-il siegħa jistenna fl-emerġenza” beda jgħidli Chris Fearne, “Iċ-ċentri tas-saħħa l-aħħar li ġew żviluppati kien fi żmien meta Ċensu Moran kien Ministru tas-Saħħa u għalhekk qed nerġgħu nagħtu r-ruħ lil dawn iċ-ċentri b’x-rays, plaster rooms, ECG u anke testijiettal-warferina u diversi servizzi oħra biex mhux kulħadd imur Mater Dei.”

“Irranġajna l-fatt li meta tmur emerġenza jitolbuk mal-ewwel x’għandek bżonn u mhux tistenna sitt sigħat qabel jistaqsuk x’għandek u jibagħtuk post ieħor. Għamilna klinika ħdejn l-emerġenza għal affarijiet żgħar fejn jarak tabib tal-familja,ħalli ma toqgħodx tistenna wara kull emerġenza ta’ prijorità li tidħol u tinqeda f’siegħa.”

“Introduċejna is-C Track billi kull pazjent jingħata ma’ idejh speċi ta’ brazzuletta li kull tabib li jarah jittrekkjah u jkun jaf fejn qiegħed u kemm ilu jistenna. It-tobba issa kollha bit-tablets, li kultant ħin tibda ddoqq jekk ikun hemm xi pazjent li ilu jistenna, u t-tablet stess turih fejn qiegħed. Irduppjajna l-cubicles fejn għandna iżjed tobba u nurses. 95% tal-każi qed jinqdew aktar malajr u l-massimu tal-ħin niżel għal 4 sigħat. Din hi l-istorja ta’ suċċess fil-każ ta’ stennija fl-emerġenza.”

Staqsjetu għaliex dawn l-affarijiet ma sarux qabel? “It-tobba konna ilna nafu u bejnietna matul is-snin konna ngħiduhom. Issa li ġara kien dak li kont ili nilmenta fuqu stajt nattwah għax qiegħed f’idejja.”

Bdejna niddiskutu dwar il-viżjoni tiegħu u tal-gvern għal futur tas-settur tas-saħħa f’Malta u Għawdex. Staqsejtu wkoll għaliex se jirduppjaw is-sodod fl-Isptar t’Għawdex u fejn se jitpoġġew, “Għawdex se jsir hub mediku. Sptar ta’ 450 sodda, ċentru ta’ saħħa ġdid, skola ta’ BARTS u ċentru tar-riċerka. L-isptar se jaqa’ kollu u jinbena mill-ġdid, iżda se jaqa’b’fażijiet. Is-sodod żejda jintużaw minn barranin li jiġu Għawdex u li jħallsu talli jieħu servizzi mediċi. Dan jiżgura li s-servizzi għall-Maltin u Għawdxin jibqgħu b’xejn.

“Malta u Għawdex se jsiru ċentru ta’ Mediċina. Bl-aqwa kwalità possibbli li se tibqa’ b’xejn għall- Maltin. Iżda l-ispiża se togħla u għalhekk se naħdmu mal-privat u se naħdmu fuq turiżmu mediku. Aħna viċin l-Afrika u fl-istess ħin Ewropej, fejn irnexxielna nġibu lil BARTS, kif ukoll l-università medika famuża Taljana La Sapienza u Johnson & Johnson fi Smart City. Nies mill-medju orjent ikunu jistgħu jiġu Malta għas-servizzi mediċi u jħallsu għalihom.

“Biex nerġgħu nibnu u nirranġaw l-Isptar t’Għawdex, St Luke’s, Karen Grech u l-bqija għandna bżonn €200 miljun u l-Gvern Malti mhux se joħroġ ċenteżmu. Ħriġna sejħa u diġà applikaw 3 konsorzji biex jibnu dan kollu. Aħna se nixtru s-servizzi mingħandhom billi huma jieħdu l-flus tas-sodod li jbiegħu lil barranin u aħna ngawdu mis-servizz ta’ kwalita ogħla u mit-turiżmu li jġib miegħu il-pazjent li jiġi jikkura Malta u anke l-familjari tal-professuri, studenti, tobba u nurses li jgħixu Malta u Għawdex.

“U mhux qed insemmi l-1,200 impjieg ġdid li joħloq is-settur tas-saħħa, tobba, infermiera, membri tas-sigurtà, inġiniera, fil-kċina u l-bqija.”

“Dan barra wieħed mill-aqwa sptarijiet fid-dinja tal-ortopedija u sports medicine li se jinbena fi Smart City li waħdu se joħloq 500 impjieg”

U l-infermiera minfejn se ġġib għax hawn nuqqas tagħhom, “se ssir skola tal-infermiera fil-campus tal-MCAST u ’l quddiem meta jiġi rranġat St Luke’s se jkun hemm skola tal-infermiera hemm.”

Dan l-aħħar issemma’ li l-Isptar Boffa se jiżvojtja wara l-bini tal-isptar tal-onkoloġija. Issemma’ wkoll li floku se tinbena lukanda. “Kulħadd qed jinsa li fl-isptar Boffa hemm id-dipartiment tad-dermatoloġija u dan sa ma jinbena St Luke’s irid jibqa’ hemm. Għalhekk malli l-pazjenti kollha tal-kanċer jitilqu minn Boffa dan se jintuża biex fih inpoġġu 50 sodda oħra temporanjament. Dwar jekk wara tinbeniex lukanda jew le, dak jarah il-gvern dakinhar.”

Dwar jekk hux se jintuża l-isptar St Philip’s, Chris Fearne ma dehrx wisq entużjast għax qal li dan jista’ jagħti biss lis-settur tas-saħħa 70 sodda, “jista’ jkun parti mill-kullana li qed noħolqu iżda ma jsolvix il-problema.”

Viżjoni mill-aqwa, Chris Fearne jidher li miexi fit-triq it-tajba u qabad ir-rotta minn dak li qalli. Iżda dan kollu waqa’ mis-sema? Ħadd qabel ma kellu dawn il-viżjonijiet? 

“It-tobba ilna snin twal ngħiduhom dawn l-affarijiet iżda dejjem waqgħu fuq widnejn torox. Issa qed immexxi jien u dak li ridt qed nagħmlu, b’hekk għidtlek li qed inkun entużjastkull filgħodu biex naħdem għal dak li dejjem xtaqna li jinbidel.”

“In-Nazzjonalisti jirridikolawna meta nsemmu li kellna road map u dan kollu li semmejtlek ma waqax mis-sema, iżda kien kollu mħejji meta konna qed inħejju r-road map fis-settur tas-saħħa. Kollox kien ippjanat. M’għadekx tisma’ fuq pilloli out of stock, l-istennija naqset fejn qabel kont tistenna sentejn biex tagħmel MRI - illum f’ġimgħatejn tagħmilha għax qed nħaddmuha lejl u nhar. Il-ġimgħa d-dieħla għandna laqgħat mal-assoċjazzjoni tas-Coelics dwar il-vouchers.”

U l-pilloli li jaslu d-dar għal meta? “Wasalna u fix-xhur li ġejjin s-sitema li l-pilloli jitwasslulek id-dar tibda taħdem.”

Sellimtlu, ħadtlu għenba mill-qoffa li jżomm mimlija frott u awgurajtlu aktar suċċess fis-settur tas-saħħa.

 

John Busuttil attenda is-Seminarju tal-Arċisqof fil-livell sekondarju. Fl-1978 attenda għal kors tal-Method Study organizzat mill-Malta Institute of Management u ġie ċċertifikat fil-Method Time Study. Fl-1987 attenda b’suċċess għal kors fil-Middle Management organizzat mid-dipartiment tal-Management studies fl-Universita ta’ Malta. Għal erba snin sħaħ, 1994, 2000, 2001 u 2004 kien finalist tal-ġurnalist tas-sena fil-BPC awards u fl-2004 ingħata dan l-unur għal 'significant contribution to Professional Journalism' Producer & Presenter ta' diversi programmi fuq NET TV, SMASH TV, PBS u ONE TV. Ipproduċa u ppreżenta programmi radjufoniċi dwar Vjaġġar u Sport u pparteċipa f'diversi programmi televiżivi u radjufoniċi dwar suġġetti varjati. Għal 43 sena ħadem mal-Media Link. U bħalissa jaħdem mal-MediaToday.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook