“Assenti mill-Parlament però preżenti u rilevanti fir-riformi’’

Intervista esklussiva ma' Franco Debono

Franco Debono hu avukat fil-ligi kriminali u kostituzzjonali mwieled Ħal-Għaxaq, ġuvni u għandu 41 sena. Ta’ 33 sena gie elett fil-parlament f'isem il-Partit Nazzjonalista. Fil-preżent president tal-Kummissjoni tal-liġijiet, konsulent tal-Prim Ministru dwar ir-riforma tal-ġustizzja u Chairperson tal-kumitat għall-għarfien tal-kostituzzjoni, fejn ġie magħżul biex imexxi l-Konvenzjoni Kostituzzjonali.

 

Iltqajt ma’ Franco Debono fl-uffiċċju tiegħu l-Belt u dik li suppost kellha toħdilna siegħa spiċċajna nitkellmu u niddiskutu fuq kollox għal sagħtejn u nofs sħaħ. Ikolli nammetti li Franco hu persuna mill-aktar interessanti, persuna għani b’intelliġenza kbira u b’filosofija intensa, u mhux politiku biss.

 

Sirt naf Franco minn diversi aspetti; aspett politiku, aspett uman, aspett filosofiku, spiritwali u anke l-aspett tiegħu bħala persuna li għandu delizzju li naħseb ftit jafu bih - t-trobbija tal-kanarini. Staqsejtu jekk hux nassab ukoll jew kaċċatur u bid-daħka qalli, “le jien inrabbi kanarini glosters li huma domestiċi u peress li ma jgħixux fis-selvaġġ ma tistax tonsob għalihom. Pero kont għamilt proposta f'dan il-kuntest fil-Parlament biex il-Barbaġann jerġa' jiġi ntrodott fis-selvaġġ u nemmen li dan l-proġett għad jitwettaq.”

 

Fattur interessanti u kurjuż hu li l-ġurnata tad-9 ta’ Marzu hi sinonima wisq miegħu. Twieled fid-9 ta’ Marzu 1974; fid-9 ta’ Marzu 2000 ħa l-warrant ta’ avukat; fid-9 ta’ Marzu 2008 (l-għada tal-votazzjoni) kienet il-ġurnata li gie dikjarat elett fil-Parlament; u fid-9 ta’ Marzu 2013 sehhet bidla fl-amministrazzjoni tal-pajjiz b'telfa kbira ghal PN li kienet tirrifletti tista tgħid fedelment il-kritika li kien qed jagħmel Franco fl-aħħar sena tal-leġislatura minħabba riformi li ma ġewx implimentati.

 

“Li kieku l-Partit Nazzjonalista implimenta l-proposti li saru fl-aħħar legiżlatura u li qed jitwettqu llum, probabbli kien jevita ħafna mill-maltemp li sfortunatament għadda minnu’’

Qabel bdejna l-intervista bażata fuq il-politika, riforma tal-ġustizzja u riforma kostituzzjonali tani ktejjeb li kien ippubblika fl-2012, ktejjeb bl-isem ta’ ‘Almond Blossoms’ – A Haiku Collection li fih mal-mitt haiku u essay filosofiku qasir b'daħla ta' Fr Peter Seracino Inglott. Haiku fil-fatt hi poeżija Ġappuniża bażata fuq tliet frażi li ma jistax ikollhom aktar minn 17-il kelma (5-7-5). Huma speċi ta’ ħsibijiet profondi dwar l-eżistenza u hawn joħroġ il-moħħ filosofiku ta’ Franco li jkolli nammetti li x’ħin jibda jitkellem dwar ġustizzja u liġijiet ma jieqaf qatt u li kelli nikteb dak kollu li qalli u dak kollu li bgħatli permezz tal-e-mail kont nispiċċa nimla l-ILLUM sal-aħħar tas-sena.

 

Ma ridtx nitkellem ma’ Franco Debono dwar x’ġara eżatt fil-passat mal-Partit Nazzjonalista, għax dak jafu kulħadd, tkellem dwaru kulħadd u ma nafx kemm il-programm televiżiv sar dwaru, minkejja li forsi qed tingħata illum aktar importanza lil dak li kien jgħid fil-parlament. Iżda nitkellem miegħu dwar dak li qed jagħmel fil-ġurnata tal-lum anke jekk bejnietna tkellimna dwar x’ġara u x’naħsbu li għandu jsir fil-partit li t-tnejn li aħna konna nħaddnu, iżda dak se nżommu għalija għalissa għax mhux is-suġġett tal-intervista.

 

Fil-fatt meta staqsejtu jekk jistenniex xi forma ta’ apoloġija mill-Partit Nazzjonalista  bi trankwillita kbira weġibni, “Inħalli l-istorja tkompli tgħaddi l-ġudizzju tagħha kif diġa bdiet tgħaddi. Jien inħares 'l quddiem. Nemmen li ħadd mhu perfett u  kulħadd jitgħallem mill-iżbalji tiegħu. Riċentament kemm Simon u kemm Joseph irrikonoxxew pubblikament li kellhom ireġġgħu l-arloġġ lura ċerti deċiżjonijiet jeħduhom differenti.  Jien għandi għal qalbi ħafna l-ġid tal-pajjiż.”

 

Interessanti wkoll li nzerta li t-teżi biex laħaq avukat kienet dwar 'The Constitutional Implications of Party Organisation and Party Finance' (1999), li tittratta l-istess suġġetti li tant tkellem dwarhom fil parlament - r-rwol ta' deputat, l-istruttura interna tal-partiti u fuq kollox liġi dwar il-finanzjament tal-partiti li aktar min għaxar snin wara li kitibha, issa ghaddejja mill-Parlament.

 

Naħseb kulħadd jiftakar b’dik il-famuża Form 2C tas-sekondarja  San Alwiġi li kisbet notorjeta bl-issue taċ-ċertifikat!   Imma qisha xorta kienet destinata li tissemma b'mod jew ieħor – minnha ħarġu  l-Prim Ministru Joseph Muscat, il-ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis u Franco Debono d-deputat li ħoloq rivoluzzjoni fil-Parlament waqt li mbotta ir-riformi tal-ġustizzja! Inkomplu!

 

Fis-16 ta’ Mejju 2012 Franco Debono fil-parlament kien qal hekk, ''Sur President, ejja nemendaw il-Kostituzzjoni. Nixtieq ngħix f’pajjiż fejn ikun hawn aktar rispett lejn il-Kostituzzjoni u fejn ikun hawn aktar għarfien tal-Kostituzzjoni. Jekk tmur hemm barra u tistaqsi lin-nies x’inhi l-Kostituzzjoni ħafna minnhom lanqas jgħidulek. Ossessjoni bil-partiti għandna! Nixtieq ngħix f’pajjiż fejn il-Kostituzzjoni hija aktar rispettata bħala parti mill-identità nazzjonali tagħna. Nixtieq ngħix f’pajjiż fejn dan il-Parlament ikollu aktar dinjità u d-dinjità ma tiġix biss bil-bini tal-Parlament! Jien naqbel mal-bini ta’ Parlament. Għaliex le? Però jien nemmen li waqt li qed nibnu Parlament għandna nkunu qed nemendaw ukoll l-istanding orders u nippreparaw liġi għall-awtonomija tal-Parlament.''

Tliet snin eżatt wara Debono nħatar bħala chairperson għall-għarfien tal-Kostituzzjoni mill-istess partit li dak iż-żmien kien fl-oppożizzjoni fejn illum qed jiggverna minn dak il-Parlament li nbena ġdid. “L-issue tiegħi qatt ma kienet l-amministrazzjoni tal-partit iżda l-proposti li għamilt fejn xtaqt nara riforma fil-liġi, ġustizzja u kostituzzjoni. Li nista ngħid hu li kieku ġew implimentati dak iż-żmien kien igawdi l-PN u l-poplu u jien qatt ma kont nivvota kontra l-PN.”

 

Staqsejtu għaliex il-Partit ma kienx taha kasu dak iz-żmien li kien qed jipproponi mijiet ta' proposti fil-ġustizja, fil-finanzjament tal-partiti, proposti għal titjib fis-south partikolarment B'Bugia u Mxlokk, l-lokalitijiet li minnhom ġie elett u qalli '' Nahseb dik d-domanda trid issir lil partit jew lil xi individwi fil-partit dak iż-żmien. ir-riformi li kont qed nipproponi mhux biss kulħadd jaqbel magħhom b'mod ġenerali iżda kienu kompletament konformi mal-kredu politiku tal-partit. Kieku ġew implimentati kienu jkunu ta' benefiġġju għal partit.''

 

Hawnhekk Franco reġa qabadli fuq il-ktejjeb  tal-Haiku fejn qalli li dawk il-5 sigħat ta’ diskors  fil-parlament fejn kien spjega dettaljatament ir-riforma fil-gustizzja jistghu jingħasru f’poeżija ta’ 8 kelmiet miktuba minnu stess u li kien semma' fil-bidu tal-istess diskors Parlamentari li turi li biex jintlaħaq bilanċ fil-ġustizzja trid  tikkalibra t-tensjoni fil-keffa tal-miżien:-

-justice-

tension in the strings

balancing the scales

 

Minn naqra ta’ ktejjeb tal-haiku għall-ktieb oħxon tal-ġustizzja - Franco ħareġ ktieb oħxon ta 644 paġna li jinkludi l-proposti kollha għar-riforma tal-ġustizzja - il-laqghat tal-Kumitat Parlamentari  ta Konsolidazzjoni tal-Liġijiet li kien jippresjedi.

 

“Il-mozzjoni privata u dawn l-laqgħat jifformaw l-qalba tar-riforma kollha li ġiet konfermata sentejn wara mir-Rapport Bonello. Dan hu ta' sodisfazzjon għalija li persuni hekk distinti kkonfermaw l-analiżi li kont għamilt bir-riżorsi limitati ta' backbencher. Dokumenti preżentati u proposti ġew meħuda lock, stock and barrel u inklużi fir-Rapport Bonello u nieħu gost li l-PN illum qed jivvota u jikontribwixxi fid-diskussjoni dwar dawn il-proposti. Bħalma qed jikontribwixxu għal-liġi tal-finanzjarjament tal-partiti li għaddejja bħalissa fil-parlament fi spirtu ta' koperazzjoni fejn jien involut direttament fiha u nassisti lil Ministru Owen Bonnici u nattendi l-kumitat tal-abbozzi ta' liġijiet.”

 

Ma stajtx ma nistaqsihx jekk jimmisjax il-fatt li mhux membru parlamentari, “nimmissjah iva l-parlament, ghax l-politika qeghda fija u passjonat dwarha kif jaf kulħadd,  iżda assigurajt ruħi li għidt dak li kelli ngħid meta kont fil-parlament, u li kieku qiegħed illum fil-Parlament m'għandix xi nżid mal-proposti li kont ghamilt. Assenti mill-Parlament pero' preżenti u rilevanti fir-riformi peress illi r-riformi tal-ġustizzja, l-liġi tal-finanzjament tal-partiti u riforma kostituzzjonali illum huma fiċ-ċentru tad-dibattitu politiku.”

 

Tkellem miegħi dwar proposti li għamel tliet snin ilu u llum kollha jinsabu jaħdmu bħal Union tal-pulizija, il-qorti tad-droga, it-television fil-parlament u l-avukat għall-arrestat u ruxxmata proposti ohra li wiehed jista facilment jara mid-diskorsi tal-Parlament. Iżda l-aktar li jinsab kuntent hu li fl-aħħar dak li tant kien ilu jħambaq seħħ li s-seduti Parlamentari ikunu mxandra fuq t-televizjoni. “Jien dak ridtu ħalli dawk id-deputati li jaħdmu fil-Parlament jghax għandom messaġġ x'iwasslu u proposti x'jimbuttaw ikunu jistgħu jaħdmu u l-Parlament jinghata d-dinjita li tixraqlu u l-poplu jkun jista janalizza u jevalwa meta tigi elezzjoni. L-poplu jista jsegwi dibattiti li jinteressawh dwar dak li jibdlilhom l-mod kif jgħixu fil-pajjiż. Kieku kien hemm it-televiżjoni fil-leġislatura li għaddiet l-poplu seta jisma l-proposti ta’ riformi li kienu jsiru. Darba kont rrimarkajt li sfortunatament kellna demokrazija zoppa - parlament jaħdem bir-radju u qrati jaħdmu bil-casette tapes.”

 

Fil-fatt hawnhekk fakkart lil Franco kien hemm min jaqbad miegħu fuq hmerijiet bħal xi flokk tal-Polo inkella xi ċertifikat tal-eżami meta kien hemm ħafna aktar x’wieħed jomgħod fuq dak li kien qed isir u li joħroġ ċar mid-diskorsi Parlamentari. Min-naħa tiegħi staqsejtu wkoll jekk it-televiżjoni jistax jitrasmetti dibattiti, illetikar u insulti li jistgħu jwaqqgħu l-livell tal-Parlment mal-poplu kollu, “it-televiżjoni hu bhal  ħabel li bih tista ssalva inkella bih tista titgħallaq. Iżda dak id-deputat li jaħdem se jidher żgur. Il-poplu jara li ghandu jara, tajjeb jew hazin imbagħad jagħrbel, jixtarr u jiddeċiedi, imma għallinqas jista' jara, tajjeb jew ħażin!”

 

Franco filwaqt li beda jxejjer il-ktieb l-oħxon quddiemi qalli, “ir-riforma ma bdietx la fil-mozzjoni tiegħi u lanqas fil-Kumitat ta' Konsolidazzjoni li kont nippresjedi u lanqas fir-Rapport Bonello, iżda twieldet fil-kuritur u fl-awli tal-qorti u hija monument ħaj ghal dawk il-vittmi li batew ksur ta drittijiet minħabba difetti u nuqqasijiet fis-sistema li r-riforma hija maħsuba sabiex tirrimedja. Tajjeb nilleġislaw għall-futur iżda ma ninsewx nagħmlu ġustizzja ma dawk li batew.''

 

Qalli li hu qatt ma qabel li l-ġustizzja u l-intern għandhom ikunu taħt dekasteru wieħed  u spjega kif jhoss li din kienet waħda mill-akbar problemi fis-settur. Spjega wkoll illi flimkien mal-introduzzjoni tad-dritt tal-avukat lil persuni arrestati, li hu wkoll imbotta, jħoss li dawn kienu l-akbar żewġ bidliet fis-settur fl-aħħar snin. illum din s-separazzjoni bejn l-ministeri tifforma parti mis-sistema tagħna, wara li Jospeh Muscat qasam l-istess ministeri ftit xhur wara l-elezzjoni.

 

Kien wasal il-ħin għal riforma tal-kostituzzjoni, il-poplu Malti kemm hu familjari, kemm hu midhla u kemm jaf  il-kostituzzjoni xi tfisser, ''stħajjel persuna dilettanta tal-futbol, issegwi b'passjoni izda mhix familjari mar-regoli tal-logħba. Allura team A jgħid offside, team B jgħid le. Dan kif se jiddeċiedi? Anke jekk se jibqa jżomm mat-team tiegħu xorta hu essenzjali jkun jaf ir-regoli sew, għax inkella jkun qed jidħaq bih innifsu. Bl-istess mod, hu importanti li l-poplu jkun familjari mal-istituzzjonijiet, mar-regoli tal-logħba politika, l-funzjoni tal-parlament, c-checks and balances bejn Parlament, gvern u qrati u d-differenza ta' bejniethom.

 

''Wahda mill-akbar riformi li issa jeħtieg f'dan il-pajjiż hija li l-istituzzjonijiet jieħdu centre stage. Il-partiti mezz sabiex pajjiż ikollu istituzzjonijiet b'saħħithom peress li kienu bla regolamentazzjoni kważi xejn l-partiti usurpaw ħafna mill-ispazju li suppost għandom jokkupaw l-istituzzjonijiet u din l-bidla hija l-isfida tagħna bħala poplu fis-snin li ġejjin u dan id-dibattitu kostituzzjonali għalekk hu kruċjali''

 

“Għalhekk se ssir kampanja intensiva għall-għarfien tal-kostituzzjoni mal-poplu fejn anke se nagħmlu website informattiva, maħsub li nibagħtu verżjoni mqassra tal-Kostituzzjoni f'kull dar kif ukoll verżjoni għat-tfal biex nseddqu din l-imħabba u għarfien lejn l-Kostituzzjoni bhal wieħed mill-elementi prinċipali ta' identita nazzjonali minn eta tenera. Qed nieħdu gost naħdmu bħala team, diġa ltqajna mal-President u mal-iSpeaker li għoġbitom l-idea u offrew s-sostenn tagħhom kollu.''

 

“Irridu naslu fi stat li deputat tal-gvern jista jikkritika l-gvern meta ma jaqbilx miegħu u ma taqax id-dinja. Il-Parlament mhux talli m'għandux ikun rubber stamp tal-gvern izda huwa l-watchdog tal-poplu, jgħasses lil-gvern fil-perjodi bejn elezzjoni u ohra.”

 

Ovvjament in ġenerali deputat jivvota mal-partit li f’ismu jkun ġie elett pero ''. . . . Hemm differenza bejn delegat tal-partit u rappreżentant tal-poplu li jkun elett f'isem partit politiku. Jien dejjem ngħid li deputat jirrappreżenta lill-poplu fi ħdan partit, f’isem partit, pero ultimament jirrappreżenta lill-poplu. L-element rappreżentattiv tad-deputat jiżboq kull element ieħor. . . . .'' din kont għidtha f’Ġunju tal-2012, qabel dan fit-tezi tiegħi fl-1999 u nibqa nsostniha llum u rridu naħdmu  biex il-parlament malti jiehu din d-direzzjoni u jaħdem fuq dawn il-binarji konsistenti mal-ispirtu tal-kostituzzjoni, tal-mudell Westminister, u in sintonija ma dak li jiġri fil-Parlamenti kollha madwar d-dinja.”

 

Fil-fatt Franco kwotali mit-Telgraph tal-11 ta Mejju 2015, ftit granet wara l-ahhar elezzjoni fir-Renju unit ''. . . . U dan il-parlament fl-aħħar 5 snin membri tal-gvern ivvutaw kontra l-linja tal-partit tagħhom aktar minn terz (35%). Kien hemm 110 okkażżjoni fejn seba u aktar membri parlamentari konservattivi ivvutaw kontra l-gvern tagħhom. Minn dawn l-aktar seba ribelli fl-aħħar parlament, kollha reġgħu ġew eletti mill-poplu fl-aħħar elezzjoni.''

 

Franco Debono qal li fir-riforma tal-kostituzzjoni hemm ħafna x’isir iżda wahda mill-bidliet centrali hija r-riforma tal-ġustizzja bil-pilastri tal-kostituzzjoni jibqgħu l-Parlament, il-Gvern u l-qrati. “Krucjali tinbidel l-mod kif jinħatru l-ġudikanti u bidliet oħra inklużi fil-mozzjoni privata u fil-Kumitat Parlamentari ta' Konsolidazzjoni mill-2010 sal-2012 konfermati sussegwentement mir-Rapport BonelloH (2013).

 

Qabel tlaqt waqaft u staqsejtu l-mistoqsija li ma setax jaħrab minnha – Franco se jerġa joħroġ għall-elezzjoni? “Kieku nkun intervistat xi darba u din il-mistoqsija ma toħroġx,” qalli Franco bid-daħka filwaqt li ħares il-fuq bħal beda jaħseb x’se jwieġeb eżatt, “M'ilux xi hadd qalli allura jekk l-proposti tiegħek għaddejjin mill-Parlament int kif mhux qiegħed fil-parlament? Nistqarr tħoss għafsa ta' qalb pero għidtlu li  kulma kelli ngħid għidtu fil-parlament u l-importanti li issa r-riformi qed isiru għal ġid tal-poplu.  Biss pero' ta’ 41 sena ma nista neskludi xejn ovvjament. Jien għand għal qalbi ħafna l-ġid tal-pajjiż u nikkontribwixxi b'kull mod li nigi msejjah li nagħmel dan. Pero bħalissa apparti naħdem fuq dawn r-riformi, qed nsib ħin ukoll għal ħafna affarijiet li qabel ma kellix cans minħabba l-politika.''

 

Fi triqitna insejna ftit il-politika u bdejna nikellmu dwar il-filosofija dwar essay filosofiku qasir, b'introduzzjoni ta' Fr Peter Serracino Inglott, li kiteb f’dan il-ktejjeb ‘Almond Blossoms” li nagħtikom parir takkwistawh għax interesantissimu u jistimulalek l-ħsieb, The Helix. Beda jispjegali li Helix hi forma spiral li Franco jħoss għanda seħer partikolari  għax kemm fuq liver mikro d-DNA hija forma ta helix, kif ukoll fuq livell universali l-Milky Way għandha l-istess forma spirali. “Ftakar din Buż, li l-istint bażiku tal-bniedem hu li joħroġ il-barra minnu nnifsu,” Jidher li dawnn huma ż-żewġ temi ċentrali fl-essay filosofiku fil-ktejjeb 'ALMOND BLOSSOMS', li huma fjuri bojod ħelwin tas-siġra tal-lewż.

 

Sellimtlu u stedinni li mmorru nieklu ikla tajba b’tazza inbid Franċiż li huwa dak favorit tieghu

More in Intervisti