Il-Commonwealth għadu relevanti daqskemm kien 50 sena ilu

Din hija sfida li naffaċjaw kuljum u għalhekk il-ħtieġa u l-importanza li nwasslu l-informazzjoni dwar dak li nemmnu fih
Din hija sfida li naffaċjaw kuljum u għalhekk il-ħtieġa u l-importanza li nwasslu l-informazzjoni dwar dak li nemmnu fih

Il-preparazzjonijiet għaċ-CHOGM li se jsir f’Malta f’Novembru li ġej ilhom li bdew sa minn Jannar  2014 u bħalissa hemm taskforce ta 21 impjegat jaħdmu fuq dan l-avveniment li se jsir f’pajjiżna għat-tieni darba. Hemm 53 pajjiż li jiffurmaw il-Commonwealth u ħafna minn dawn il-pajjiżi se jkunu rrappreżentati waqt il-laqgħa taċ-CHOGM f’Malta mill-kapijiet tal-istati rispettivi. Għalkemm hemm numru kbir ta lingwi mitkellma fost it-53 pajjiż, il-lingwa użata waqt iċ-CHOGM hi l-lingwa Ingliża.

Intant, din il-ġimgħa kien hawn Malta d-Deputat Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth, Josephine Ojiambo li tkellmet esklussivament mal-ILLUM dwar il-ħidma tal-Commonwealth u l-preparamenti għall-laqgħa taċ-cHOGM li se ssir f’Malta f’Novembru.

Il-karriera tiegħek tmur lura għal aktar minn 25 sena fil-korp diplomatiku b’diversi karigi inkluż dik ta’ ambaxxatur. X’ġiegħlek taċċetta l-post ta’ deputat segretarju ġenerali tal-Commonwealth minn Jannar li għadda?

Nibda biex ngħidlek li jiena l-ewwelnett iggradwajt bħala tabiba u għandi speċjalizzazzjoni fis-saħħa tan-nisa. L-interess li ħadt f’dan is-settur wassalni sabiex immur pass oltre u nkun kampanjatriċi għad-drittijiet tan-nisa. Ħdimt ma’ ħafna organizzazzjonijiet għal dan il-għan u minn hemm nista’ ngħid li beda l-involviment politiku tiegħi fejn ħadt anke taħriġ intensiv fuq relazzjonijiet diplomatiċi. Illum ix-xogħol li għandi hu wieħed fejn jien qed immexxi grupp ta’ nies li huma involuti f’ħidma kemm politika u non-politika. Niffukaw fuq id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt ta’ stat. Għandi wkoll taħt ir-responsabbilità tiegħi il-qasam tal-kommunikazzjoni, settur li hu importanti ħafna għax-xogħol kollu li jsir fi ħdan il-Commonwealth.Wasalt hawn però wara li ħdimt fi New York bħala Ambaxxatriċi u aktar tard man-Nazzjonijiet Uniti u kien minn hemm li wasalt għal dan ir-rwol li għandi llum.

Ir-rwol li għandek hu marbut ma’ perjodu ta’ żmien speċifiku?

Iva, dan il-post hu marbut ma’ perjodu ta’ tlett snin li jista’ jiġi mġedded bi tlett snin oħra sa massimu ta’ sitt snin. Wara dan il-perjodu tkun f’idejn l-individwu li jara xi jrid jagħmel wara - kemm jekk ikollu xi opportunità f’xi kariga oħra fl-istess Commonwealth, jew inkella jfittex opportunitajiet oħra band’oħra.

Fil-Commonwealth hemm għadd ġmielu ta’ pajjiżi. Temmen li l-Commonwealth għadu rilevanti fis-soċjetà li qed ngħixu fiha llum?

Bħalissa aħna qed niċċelebraw il-ħamsin sena mit-twaqqif tal-Commonwealth fejn għadna kemm ippublikajna l-mission statement tagħna. Qed ngħid dan għax illum għadna rilevanti daqskemm konna 50 sena ilu - fejn il-punti prinċipali huma d-demokrazija, diversità u żvilupp. Qed ngħid dan ukoll għax illum ninsabu f’Malta, pajjiż li hu fiċ-ċentru tad-dinja żviluppata u dik li għadha qed tiżviluppa. F’dan il-pajjiż żgħir tara u tmiss b’idejk id-diversità li hija parti mill-proċess demokratiku tant importanti fil-ħajja. Hemm ukoll is-servizzi soċjali tant bżonnjużi għaċ-ċittadini, l-edukazzjoni, is-saħħa, l-enerġija, ICT u it-toroq. Dawn huma kollha affarijiet essenzjali li kull gvern irid jaħdem fuqhom fl-interess taċ-ċittadini tiegħu. Hu għalhekk li qed ngħid li għadna relevanti bħala Commonwealth - għax dawn huma l-affarijiet li aħna rridu naraw fl-interess tan-nies.

Jidher li kien hemm diffikultà biex jinstab pajjiz biex jospita l-laqgħa li jmiss taċ-CHOGM u għalkemm Malta ospitat din il-laqgħa 10 snin ilu, se terġa’ tospita din il-laqgħa f’Novembru li ġej. Għaliex erġajna Malta?

Peress li ili biss f’dan ir-rwol minn Jannar, ma nistax ngħidlek eżatt x’kienu r-raġunijiet dettaljati għaliex erġajna għażilna l-Malta, però nemmen li l-pajjiż magħżul oriġinarjament ma’ setgħax jakkomoda l-isfida kbira li ġġib magħħa l-organizzazzjoni ta’ laqgħa ta’ din id-dimensjoni. Nista’ però ngħidlek u nitkellem fuq l-opportunitajiet għal Malta. Malta mxiet ’il quddiem bil-bidliet li għamlet u fost dawn hemm it-tkabbir ekonomiku u r-rwol li qed ikollha fil-fora internazzjonali.

Taħseb li Malta allura jista’ jkollha xi rwol speċifiku f’dan iċ-CHOGM u fil-Commonwealth?

Iva Malta għanda rwol speċifiku. Ippermettili ngħidlek aħna kif inħarsu lejn Malta. Apparti l-merħba kaloruża tal-Maltin, aħna nħarsu lejn Malta u l-kultura fid-diversità li wieħed isib f’dan il-pajjiż. Illum li qed nitkellmu dwar il-ħtieġa ta’ diversi riformi fi ħdan il-Commonwealth u kien proprju l-Prim Ministru Malti Joseph Muscat li nsista li fil-laqgħa li ġejja taċ-CHOGM ikunu diskussi t-tibdiliet meħtieġa sabiex il-Commonwealth jsir wieħed aktar rilevanti. Se jkun għalhekk il-Prim Ministru Malti li se jmexxi l-aġenda matul dan iċ-CHOGM u nemmnu li fost oħrajn se jkun hemm żgur ir-riformi meħtieġa.

Ngħidlek ukoll li fuq l-aġenda se jkun hemm ukoll it-tibdil fil-klima. Dan is-suġġett hu rilevanti kemm għal Malta bħala gżira, iżda wkoll għal numru ta’ pajjiżi gżejjer oħra li huma parti mill-Commonwealth. Iżda mhux biss - għax it-tibdil fil-klima jaffettwana lkoll u għalhekk dan is-suġġett se jkun qed jingħata l-importanza li ħaqqu. Se niddiskutu wkoll l-iżvilupp sostenibbli u din se tkun diskussjoni globali li nemmen li se terġa tqajjem l-importanza fuq din it-tema tant importanti. Suġġett ieħor se jkun is-sigurtà globali u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u dan żgur li hu suġġett ta’ interess għall-pajjiżi kollha fid-dinja u mhux biss dawk li jiffurmaw parti mill-Commonwealth u mkien daqs Malta mhu ideali biex niddikutu dan is-suġġett għax qas aħna, bħala Commonwealth m’għandniex l-ebda forza militari. Intenni li fuq l-aġenda se jkun hemm il-ħtiġijiet tal-popli kollha li jiffurmaw il-Commonwealth u partikolarment il-ħtiġijiet taż-żgħażagħ u l-inklużjoni soċjali tagħhom. 

Għandkom aġenda impenjattiva sew . . .

U għad fadal. Irrid insemmi l-immigrazzjoni. L-immigrazzjoni li qed taffettwa wkoll lil Malta. Madwar id-dinja hemm diversi pajjiżi li għaddejjin minn diversi problemi, kemm politiċi u kemm ċivili, li qed iwasslu biex ħafna nies, speċjalment żgħażagħ, qed iħallu pajjiżhom biex isibu futur aħjar. Tajjeb nirrimarka li ftit qabel il-laqgħa taċ-CHOGM, f’Malta se ssir laqgħa għolja oħra, dik tal-EU-Africa Summit fejn matul din il-laqgħa żgur li se jkun hemm ukoll fuq l-aġenda l-immigrazzjoni. B’hekk Malta se tkun qed issemma leħina kemm waqt l-Eu-Africa Summit u kemm waqt il-laqgħa taċ-CHOGM fuq l-immigrazzjoni.

Impressjonanti - imma ppermettili nirrimarkalek li għalkemm hemm din il-ħidma kollha għaddejja, xorta għad hemm nies, li ġejjin minn pajjiżi fi ħdan il-Commonwealth, li qas biss jafu bl-eżistenza tiegħu. X’tikkummenta, speċjalment meta int semmejt aktar kmieni li l-komunikazzjoni taqa taħt ir-responsabbilità tiegħek stess?

Din hija sfida li naffaċċjaw kuljum u għalhekk il-ħtieġa u l-importanza li nwasslu l-informazzjoni dwar dak li qed nagħmlu u dak li nemmnu fih. Nemmen li waħda mir-raġunijiet tista’ tkun li nies ma jagħtux każ ċerta informazzjoni jekk din ma tkunx tinteresshom jew aktar minn hekk, b’xi mod taffettwhom. Is-Segretarjat tiegħi qed jaħdem kemm mal-media tradizzjonali iżda wkoll mal-media soċjali li llum saret aktar aċċessibbli. L-għan tagħna hu li nilħqu firxa aktar wiesgħa ta’ nies, partikolarment żgħażagħ.

Nafu li f’ċerti pajjiżi li jiffurmaw parti mill-istess Commonwealth, in-nies ftit li xejn għandhom opportunità li jsemmgħu leħinhom, forsi anke minħabba xi biża t’oppressjoni politika u għalhekk il-media soċjali jaf tkun il-mezz opportun għalihom. Ħsibtu fuq xi mod kif dawn in-nies jistgħu jagħmlu kuntatt magħkom permezz t’hekk u jsemmgħu leħinhom? 

Napprezza ħafna din id-domanda. Kif taf, se jkun hemm numru kbir ta’ kapijiet ta’ stati waqt il-laqgħa f’Malta u aħna qed ninkoraggixxu lin-nies sabiex jużaw Twitter biex jibgħatu l-kummenti tagħhom waqt il-laqgħat. B’hekk iva, se jkun hemm iċ-ċans li wieħed isemma’ leħnu ferm aktar faċli minn qatt qabel. Nixtieq inżid ukoll li mhux waqt iċ-CHOGM biss li se jsir Malta f’Novembru, l-użu tal-media soċjali qed nużawh regolarment anke meta jkollna laqgħat u seminars importanti oħra matul is-sena. Id-dinja però, mhix kollha mqabbda mal-internet daqstant tajjeb daqs Malta u għalhekk qed inkomplu naraw kif nistgħu ntejbu l-komunikazzjoni tagħna f’żoni fejn l-internet għadu mhux daqshekk disponibbli.

Nafu li kien bl-użu tal-media soċjali li bdiet ir-Rebbiegħa Għarbija, propju fit-Tuneżija - u għalhekk napprezza li qed taħsbu biex tagħtu vuċi lin-nies kommuni għax wara kollox nafu wkoll, li l-kapijiet ta’ stat kollha jitkellmu biss fuq dak li jaqblilhom, speċjalment dawk li ma tantx għandhom rekords tajba fuq drittijiet tal-bniedem . . .

Iva veru li kollox beda bil-media soċjali, iżda hemm ukoll il-qawwa ta dawk li jgħaddu l-messaġġ bejniethom kemm fid-dar, fil-post tax-xogħol u postijiet ta’ rikreazzjoni li jiffrekwentaw. Jien insejhilhom il-kommunità. Il-kommunità li taqsam l-informazzjoni u tiddiskuti u li tista’ finalment ukoll tingħaqad flimkien u forsi wkoll titkellem għad-drittijiet tagħhom.

Finalment, lura għall-organizzazzjoni taċ-CHOGM f’Malta. Kemm inti kuntenta b’dak li qed tara u li sar s’issa?

Sodisfatti immens. Il-ħidma li għaddejja bħalissa hija waħda kbira. Rajna l-postijiet fejn se jkunu qed jiltaqaw il-kapijiet ta’ stat u l-faċilitajiet kollha li se jkunu qed jintużaw waqt il-laqgħat. Iva sodisfatti ħafna. Issa jerġa’ jiġi Malta tim ieħor ta’ nies f’Lulju biex ikomplu jsegwu l-preparamenti imma m’għandix dubju mill-ħiliet ta’ dawk kollha involuti.

More in Intervisti