Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Il-viżjoni tagħna hi li l-Gżejjer Maltin ikunu ċentru ta’ eċċellenza

L-oġġettiv ewlieni tagħna hu li nistimulaw it-tkabbir u l-investiment

Frederick Attard / 27 ta' Marzu 2015 11:23
Louis Grech huwa d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet tal-Unjoni Ewropea.  Huwa wkoll id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament tal-Partit Laburista. Sa Marzu 2013 huwa kien wieħed mill-erba’ membri tal-Parlament Ewropew li rrappreżentaw lil Malta f’isem il-Partit Laburista, bħala parti mis-Soċjalisti Ewropej, u kien l-iktar wieħed li ġab voti. 

 

Il-ġimgħa l-oħra l-Gvern nieda l-programmi operattivi tal-Fondi Ewropej. Fid-diskors tiegħek iddiskrivejt dan il-varar bħala pass importanti għal pajjiżna. Kemm ser jibbenifika f’fondi pajjiżna u x’inhu l-impatt li mistenni jkollu fuq l-ekonomija tagħna? 

Il-varar tal-programmi operattivi tal-fondi Ewropej huwa pass importanti biex il-pajjiż ikun jista’ jkompli jiżviluppa u jagħmel qabża fil-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tiegħu. Dan filwaqt li ser jgħinuna wkoll biex nilħqu l-miri tal-Istrateġija Ewropea 2020.

Il-fondi għad-dispożizzjoni tagħna huma ta’ €693miljun fuq medda ta’ seba’ snin.  Però l-Gvern Malti fil-maġġoranza tal-każi jrid iżid magħhom bejn 15-20%. Dan ifisser li l-impatt tal-fondi Ewropej hu multiplikat b’madwar €147 miljun oħra u b’hekk l-impatt globali fuq il-pajjiż se jkun nefqa ta’ fuq €850 miljun.  

F’dan kollu Għawdex waħdu ser jibbenifika minn 10 fil-mija ta’ dawn il-fondi msemmija. U biex nagħti idea ta’ x’ifisser dan għal pajjiżna, biżżejjed ngħid li se nkunu qed nippumpjaw daqs 2% tal-Prodott Domestiku Gross kull sena, u dan bla ma wieħed iqis l-attività sekondarja li tirriżulta minn injezzjoni ta’ fondi bħal din.

Jiġifieri globalment il-Gvern ser ikun qiegħed jinjetta mat-€850 miljun fl-ekonomija permezz ta’ dawn il-fondi. X’inhuma l-oġġettivi u liema huma s-setturi li l-Gvern qiegħed iqis ta’ prijorità meta niġu biex nutilizzaw dawn il-fondi?

L-oġġettiv ewlieni hu li nistimulaw it-tkabbir u l-investiment sabiex intejbu l-andament ekonomiku tal-pajjiż, waqt li nikkontribwixxu lejn il-ġid tas-soċjetà.

Meta kont varajt il-proċess tal-programm ta’ fondi għas-snin 2014-2020 f’Mejju li għadda, kont irrimarkajt li l-ħila ta’ Malta li tikkompeti f’dinja globalizzata u tikseb titjib fil-kwalità tal-ħajja tan-nies tagħha jiddependi minn kemm aħna kapaċi nistimulaw it-tkabbir ekonomiku.

L-użu tal-fondi jrid isir b’viżjoni dwar fejn irridu nieħdu lil pajjiżna.  Il-viżjoni tagħna hija li l-gżejjer Maltin ikunu ċentru ta’ eċċellenza u post aħjar fejn jgħixu l-Maltin, u mhux għall-ġenerazzjoni preżenti biss iżda għal dawk tal-ġejjieni wkoll.

Il-prijoritajiet li għażilna huma tlieta: waħda li ninkoraġġixxu l-kompetittività permezz tal-innovazzjoni u ambjent favorevoli għan-negozju; it-tieni li niżviluppaw ekonomija li tuża r-riżorsi aħjar u tkun favur l-ambjent; u t-tielet li noħolqu opportunitajiet għal investiment fil-kapital uman, fl-edukazzjoni, fis-saħħa u biex ngħelbu l-esklużjoni soċjali.

Biex naslu għal dan, aħna kkonsultajna mal-imsieħba soċjali u mal-Oppożizzjoni dwar kif nutilizzaw il-fondi.  Rajna l-ideat ta’ kulħadd u fejn dawn jorbtu mal-għanijiet kif imniżżla fil-Partnership Agreement li kien maqbul mal-UE fid-29 ta’ Ottubru tas-sena li għaddiet.

Semmejt il-kompetittività, ir-riżorż uman, l-ambjent u l-aspett soċjali - però tista telabora aktar kif ser jitqassmu u jkunu utilizzati dawn il-fondi? 

Il-maġġoranza tal-fondi jintefqu taħt il-Fond Reġjonali Ewropew għall-Iżvilupp, bl-għan li jikber l-iżvilupp reġjonali tal-pajjiż billi jkun hemm tkabbir ekonomiku u aktar impjiegi.  Hawnhekk għandna madwar €369.4 miljun, li flimkien mal-kontribuzzjoni nazzjonali, jitilgħu għal €461.7 miljun.  Eżempji tipiċi tal-użu ta’ fondi f’dan il-programm huma €72 miljun għall-Università u l-industrija privata biex nistimulaw ir-riċerka u l-innovazzjoni, €53 miljun għall-SMEs, €57 miljun għall-ekonomija low-carbon, u €38 miljun għall-ICT.

"“Il-Gvern kommess li fis-snin li ġejjin iniedi diversi skemi għas-settur privat bil-għan li ntejbu l-kompetittività ta’ Malta. L-intrapriżi żgħar ukoll mistennija jgawdu minn dawn il-fondi”"
It-tieni fond huwa dak tal-Koeżjoni, fejn għandna x’nonfqu €217.7 miljun li jiżdiedu għal €256.2 miljun.  Dan il-programm huwa maħsub għal stati membri li d-Dħul Gross Nazzjonali per capita tagħhom huwa inqas minn 90% tal-medja Ewropea. Il-proġetti li wieħed jista’ jagħmel huma dawk li jikkontribwixxu lejn ambjent aħjar u titjib fl-infrastruttura ta’ trasport.   Eżempji tipiċi tal-użu ta’ fondi f’dan il-programm huma l-proġetti ambjentali fil-qasam tal-iskart u tal-ilma kif ukoll proġetti ta’ toroq arterjali li jaqgħu fin-netwerk TEN-T.

Imbagħad hemm it-tielet fond, dak Soċjali Ewropew, li huwa maħsub biex jgħin lin-nies itejbu l-ħiliet tagħhom, jiffaċilità l-integrazzjoni tagħhom fis-suq  tax-xogħol, jikkombatti l-esklużjoni soċjali u l-faqar, u jagħmel l-amministrazzjoni pubblika aktar effettiva. Eżempju tipiku tal-użu ta’ fondi f’dan il-programm huma d-diversi skemi għall-industrija u individwi bħall-Employment Aid Programme u t-Training Aid Framework u scholarships fost ħafna oħrajn. Hawnhekk se jkollna fondi Ewropej li jammontaw għal €105.9 miljun li jitilgħu għal €132.4 miljun.  

Il-fondi qegħdin hemm u disponibbli imma waħda mill-kritika li kienet issir lil gvern preċedenti kienet li l-fondi ma kinux qed jiġu utilizzati kollha b’riskju li jintilfu. Quddiem dan kollu, l-Gvern x’għamel u kif ser jiżgura li din is-sitwazzjoni ma tirrepetix ruħha?

Huwa minnu li taħt il-programm preċedenti ta’ bejn l-2007-2013 kien hemm riskju serju li jintilfu miljuni ta’ fondi. U l-ewwel prijorità tagħna hekk kif ħadna l-Gvern kienet dik li nindirizzaw din il-problema. S’issa ma ntilef l-ebda ċenteżmu, u dan grazzi għal sforz kbir minn kulħadd u għaliex konna flessibbli biex minflok proġetti li ma kinux jidhru li se jsiru, insibu oħrajn li setgħu jsiru aktar malajr.

Fejn jirrigwarda l-programm il-ġdid, l-istrateġija tagħna hi li nibdew nużaw il-fondi kemm jista’ jkun malajr. Malta kienet fost tal-ewwel li kkonkludiet l-Partnership Agreement mal-Kummissjoni, u qiegħda fost tal-ewwel ukoll biex nibdew il-proċess ta’ ftuħ tal-applikazzjonijiet.

Sa Marzu 2013 Louis Grech kien wieħed mill-erba’ membri tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Laburista
L-ewwel ħaġa li għamilna kienet li ħloqna Segretarjat Parlamentari li l-għan ewlieni tiegħu hu li jamministra dawn il-programmi u jiżgura li nieħdu l-akbar benefiċċju minnhom.  Is-Segretarju Parlamentari Dr. Ian Borg fil-Ministeru tiegħi għandu l-istrutturi meħtieġa biex nevitaw dewmien żejjed u, fejn jinqalgħu ċirkustanzi kuntrarji – kif dejjem jista’ jiġri, partikularment fuq proġetti infrastrutturali, insibu s-soluzzjonijiet fil-waqt.

Issa li varajna l-programmi, nistgħu nitolbu applikazzjonijiet mingħand il-partijiet interessati li jużaw il-fondi konċernati.  Issa jmiss li l-awtorità amministrattiva, li hija l-PPCD, toħroġ sejħa għall-applikazzjonijiet sabiex jinbeda l-proċess tal-għażla tal-proġetti.  Dawn ikunu pproċessati mill-Kumitat tal-Għażla tal-Proġetti skont il-kriterji tal-programmi differenti, biex aħna niżguraw li jkunu skont il-prijoritajiet nazzjonali hekk kif maqbula mal-Kummissjoni Ewropea fil-programm. Hekk kif il-Kumitat itemm l-proċess tal-għażla, ir-riżultat jitħabbar lill-applikanti u b’hekk tkun tista’ tibda l-fażi tal-implimentazzjoni.

Qed insemmu investiment kbir fl-ekonomija tagħna, iżda dan kif ser jissarraf f’ħolqien t’impjiegi ġodda u kif ser ngħinu lin-negozji u l-industrija biex ikomplu jikbru?

Il-Gvern jagħti importanza kbira lill-impjiegi peress li r-riżors ewleni ta’ Malta hu l-ħaddiema tagħha. Aħna ma rridux li jkollna qgħad għoli bħal m’għandhom diversi pajjiżi sħabna fl-UE.  

U dan jispjega għaliex qed nagħtu importanza partikulari lill-Fond Soċjali Ewropew, li l-għan tiegħu hu li jikkontribwixxi lejn il-ħolqien ta’ opportunitajiet aħjar għall-impjiegi. Bl-interventi taħt dan il-fond, inkunu nistgħu nżidu l-impjiegi, partikolarment għaż-żgħażagħ, ninvestu fl-edukazzjoni u snajja, nippromwovu l-inklużjoni soċjali, u ntejbu l-amministrazzjoni pubblika.  Dan kollu jtejjeb l-għixien taċ-ċittadini.

Effett ieħor ta’ dawn l-interventi jkun li jiffaċilità r-riformi strutturali li rridu nagħmlu biex intejbu l-kompetittività tas-suq tax-xogħol Malti.  Dawn, imbagħad, ikunu kumplimentari għall-programmi taħt il-politika ta’ koeżjoni, fejn irridu nħajru aktar riċerka u innovazzjoni, nħeġġu l-intraprenditorjat, u nersqu aktar lejn ekonomija low-carbon. Interventi bħal pereżempju scholarships, taħriġ għal persuni li diġa’ qegħdin fis-suq tax-xogħol kif ukoll skemi biex jintegraw persuni vulnerabbli fil-qasam tax-xogħol li jistgħu jiġu ffinanzjati minn dan il-fond, jikkontribwixxu għal xogħol ta’ kwalità aħjar.

Il-Gvern kommess li fis-snin li ġejjin iniedi diversi skemi għas-settur privat bil-għan li ntejbu l-kompetittività ta’ Malta. L-intrapriżi żgħar ukoll mistennija jgawdu minn dawn l-fondi.  F’dan ir-rigward, il-Gvern diġà nieda l-SME Initiative li huwa programm ta’ €15 miljun speċifikament għall-intrapriżi żgħar u medji. Mhux biss, l-Operational Programme I hemm prijorità speċifika għall-SMEs fejn hemm allokat aktar minn €50 miljun.  Dan mhux kollox.  Fil-fatt l-SMEs jistgħu jibbenifikaw b’mod wiesa’ mid-diversi skemi  ko-finanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali kif ukoll mill-Fond Soċjali Ewropew li ser ikunu mnedija fix-xhur li ġejjin.

Finalment, dawn il-fondi kif ser jiġu infilzati fil-programm ta’ ħidma li għandu dan il-Gvern? 

Ħafna mill-proposti tal-Manifest Elettorali jinvolvu proġetti u inizjattivi kemm mill-Gvern Ċentrali, kif ukoll minn entitajiet jew awtoritajiet tal-Gvern, Kunsilli Lokali, is-settur privat jew NGOs, li jeħtieġu fondi kbar.  

Il-mod ta’ kif ser nużaw dawn il-fondi tirrifletti l-prijoritajiet tagħna għal pajjiżna. Ser ngħinu n-negozji jikbru, ser noħolqu aktar opportunitajiet t’impjiegi, ser ninvestu fis-saħħa, l-ambjent u l-edukazzjoni t’uliedna u fuq kollox ser niżguraw li ħadd ma jaqa’ lura. 

Żgur li b’permezz tal-użu ta’ dawn il-fondi l-Gvern ser ikun qiegħed jidħol għal ħafna minn dawn il-proġetti u l-inizjattivi biex nagħmlu differenza kbira fin-nazzjon kollu u fost iċ-ċittadini kollha Maltin u Għawdxin.

Frederick Attard kien l-editur tal-gazzetta ILLUM bejn Marzu tal-2014 u Ġunju tal-2015. Kien ukoll il-producer ta' programmi televiżivi ta' Mediatoday.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook