Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Il-viżjoni tagħna hi li l-gżejjer Maltin ikunu ċentru ta’ eċċellenza

Intervista esklussiva mal-ILLUM

Frederick Attard / 22 ta' Marzu 2015 09:51
 

Louis Grech huwa d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet tal-Unjoni Ewropea.  Huwa ukoll d-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament tal-Partit Laburista. Sa Marzu 2013 huwa kien wieħed mill-erba' membri tal-Parlament Ewropew li rrappreżentaw lil Malta f'isem il-Partit Laburista, bħala parti mis-Soċjalisti Ewropej, u kien l-iktar wieħed li ġab voti.

Il-ġimgħa l-oħra l-Gvern niedha l-Programmi Operattivi tal-Fondi Ewropej. Fid-diskors tiegħek iddiskrivejt dan il-varar bħala pass importanti għall-pajjiżna. Kemm ser jibbenifika f’fondi pajjiżna u x’inhu l-impatt li mistenni jkollu fuq l-ekonomija tagħna?

Il-varar tal-Operational Programmes tal-fondi Ewropej huwa pass importanti biex il-pajjiż ikun jista’ jkompli jiżviluppa u jagħmel qabża fil-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tiegħu. Dan fil-waqt li ser jgħinuna ukoll biex nilħqu l-miri tal-istrateġija Ewropea 2020.

Il-fondi għad-diżpożizzjoni tagħna huma ta’ €693 miljun fuq medda ta’ seba’ snin.  Però l-Gvern Malti fil-maġġuranza tal-każi jrid iżid magħhom bejn 15-20 fil-mija. Dan ifisser li l-impatt tal-fondi Ewropej hu multiplikat b’madwar €147m oħra u b’hekk l-impatt globali fuq il-pajjiż se jkun nefqa ta’ fuq €850m. 

F’dan kollu Għawdex waħdu ser jibbenifika minn 10 fil-mija ta’ dawn il-fondi msemmija. U biex nagħti idea ta’ x’ifisser dan għal pajjiżna, biżżejjed ngħid li se nkunu qed nippumpjaw daqs 2 fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross kull sena, u dan bla ma wieħed iqis l-attività sekondarja li tirriżulta minn injezzjoni ta’ fondi bħal din.

Jiġifieri globalment il-Gvern ser ikun qiegħed jinjetta mat-€850 miljun fl-ekonomija permezz ta’ dawn il-fondi. X’inhuma l-oġġettivi u liema huma s-setturi li l-Gvern qiegħed iqis ta’ prijorita’ meta niġu biex nutilizzaw dawn il-fondi?

L-oġġettiv ewlieni hu li nistimulaw it-tkabbir u l-investiment sabiex intejjbu l-andament ekonomiku tal-pajjiż, waqt li nikkontribwixxu lejn il-ġid tas-soċjetà.

Meta kont varajt il-proċess tal-programm ta’ fondi għas-snin 2014-2020 f’Mejju li għadda, kont irrimarkajt li l-ħila ta’ Malta li tikkompeti f’dinja globalizzata u tikseb titjib fil-kwalità tal-ħajja tan-nies tagħha jiddependi minn kemm aħna kapaċi nistimulaw it-tkabbir ekonomiku.

L-użu tal-fondi jrid isir b’viżjoni dwar fejn irridu nieħdu lil pajjiżna.  Il-viżjoni tagħna hija li l-gżejjer Maltin ikunu ċentru ta’ eċċellenza u post aħjar fejn igħixu l-Maltin, u mhux għall-ġenerazzjoni preżenti biss iżda għal dawk tal-ġejjieni wkoll.

Il-prijoritajiet li għażilna huma tlieta: waħda li ninkoraġġixxu l-kompetittività permezz tal-innovazzjoni u ambjent favorevoli għan-negozju; it-tieni li niżviluppaw ekonomija li tuża r-riżorsi aħjar u tkun favur l-ambjent; u t-tielet li noħolqu opportunitajiet għal investiment fil-kapital uman, fl-edukazzjoni, fis-saħħa u biex ngħelbu l-esklużjoni soċjali.

Biex naslu għal dan, aħna kkonsultajna mal-Imsieħba Soċjali u mal-Oppożizzjoni dwar kif nutilizzaw il-fondi.  Rajna l-ideat ta’ kulħadd u fejn dawn jorbtu mal-għanijiet kif imniżżla fil-Partnership Agreement li kien maqbul mal-UE fid-29 ta’ Ottubru tas-sena li għaddiet.

Aktar fil-ħarġa tal-ILLUM

 

 

Frederick Attard kien l-editur tal-gazzetta ILLUM bejn Marzu tal-2014 u Ġunju tal-2015. Kien ukoll il-producer ta' programmi televiżivi ta' Mediatoday.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook