Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

Tagħna lkoll kienet biss ċajta - Chris Said

"F’sena u nofs ħadd ma ttella’ l-qorti dwar l-iskandlu taż-żejt"

John Busuttil / 5 ta' Novembru 2014 18:22
Mort niltaqa’ ma’ Chris Said fl-uffiċċju tiegħu fil-kwartieri tal-PN. Ikolli nammetti li wara nuqqas ta’ madwar sena u nofs minn dan l-uffiċċju kien hemm arja differenti. L-aħħar li kont f’dan l-uffiċċju kien hemm arja ta’ diżappunt u problemi kbar minħabba l-qagħda prekarja li kien jinsab fih il-Partit Nazzjonalista dakinhar. Dil-ġimgħa l-atmosfera kienet waħda ta’ tajba u pożittiva.

Wara li ġie aċċertat mill-fotografu li se jġibu tajjeb anke jekk ma kienx preparat biex jieħu ritratti (politiku hu) Chris Said bit-tbissima tas-soltu ntasab quddiemi u beda jwieġeb għal mirtillata ta’ mistoqsijiet li kont lestejt għalih.

Is-Segretarju Ġenerali tal-PN bħal dejjem kien preparat sa snienu għal dak kollu li ridt inkun naf mingħandu fejn ma wera l-ebda eżitazzjoni biex iwieġeb.

“Fallejna għax ma bqajniex viċin in-nies. Konna ħadna lin-nies b’ovvji. Ridna nħabbtu wiċċna mal-kriżi mondjali finanzjarja u tajniha aktar importanza milli naraw in-nies x’qed iħossu u konna mehdijin bil-kunflitt intern. Dan kollu wassal għat-telfa kbira li ħadna” beda jgħid Said.

Dwar jekk it-tiġbid li baqa’ jġebbed Gonzi fil-gvern kienx ukoll il-kaġun ta’ aktar nies li telqu lil partit Nazzjonalista, is-Segretarju Ġenerali qal, “’The writing was on the wall’ li konna se nitilfu. Għalkemm inħoss li l-partit ma kienx ħaqqu daqshekk telfa kbira. Ir-riżultat tefagħna fil-qiegħ u issa l-uniku triq li għandna quddiemna hi li nitilgħu ’l fuq.

Jibqa’ fatt li wara dik it-telfa waslet l-akbar telfa elettorali mill-Indipendenza ’l hawn, dik tal-MEPs, “Dik l-elezzjoni ġiet kmieni wisq. Ma konniex għadna sibna saqajna u konna għadna qed naħdmu x’se jsiru biex nindirizzaw l-aspirazzjonijiet tan-nies.”

Sadattant Chris Said ammetta li aktar milli l-Labour rebaħ l-elezzjoni kienu n-Nazzjonalisti li tilfuha. “Il-Laburist hu aktar hard core minn Nazzjonalist. Iżda jidher li l-mentalità ta’ kif jivvota l-Malti inbidlet. Illum hemm aktar nies li jivvutaw lil dak il-partit li jilħaq l-aspirazzjonijiet tagħhom u dawn li nsejħulhom floaters qed jikbru minn elezzjoni għal oħra.”

Mitlub jgħidli jekk hux qed jaħdmu biex jiġbru n-nagħaġ mitlufa, Said qal li “rridu niftħu l-bieb beraħ ħalli dawk in-Nazzjonalisti mill-għeruq li tlifna jerġgħu jħossuhom komdi. Hemm minnhom li qatt mhu se jiġu lura.

 “Però ta’ min isemmi li hemm Laburisti ġenwini, kanvassers ta’ ministri u tesserati Laburisti li huma diżillużi kif qed imexxi l-gvern li ħadmu għalih huma, li qed jingħaqdu magħna. Irridu nibnu partit li nappellaw għal dawk in-Nazzjonalisti li tlifna u għal dawk il-Laburisti li jibdew jemmnu fina li nistgħu mmexxu aħjar.”

Chris Said ma qabilx ma’ dak li qalet Marlene Farrugia f’intervista ma’ din il-gazzetta li l-gvern bidel l-isem biss u qed imexxi bħal ta’ qabel. “Il-PN kien jiggverna b’mod differenti, aħna dejjem poġġejna l-interessi nazzjonali fuq quddiem għalkemm wettaqna żbalji li ħallasna għalihom. Il-gvern Laburista jpoġġi l-interessi tan-nies tal-qalba fuq quddiem.”

Hawnhekk ma tantx qbilt miegħu għax kull Malti kien jaf li l-Partit Nazzjonalista kien imsemmi għal ħbieb tal-ħbieb li kellu matul l-amministrazzjoni tiegħu, “dak kien slogan li ħarġu bih il-Labour u damu ħames snin itambru fuqu meta huma ħarġu slogan ta’ Malta Tagħna Lkoll li spiċċa bħala ċ-ċajta ta’ din l-amministrazzjoni.

“Issa dwar il-ħbieb tal-ħbieb ma naqbilx miegħek għax konna kritikati minn Nazzjonalisti li ħallejna wisq Laburisti f’pożizzjonijiet għoljin u li kienu kompetenti fejn ħafna minnhom lagħbuna.” Tlabtu jagħtini xi eżempji u weġibni li fil-MEPA persuni li fiż-żmien in-Nazzjonalisti kienu rrifjutaw ċerti permessi, illum l-istess nies qed japprovaw l-istess permessi. “Issa jekk dawn qed jobdu xi ordnijiet minn fuq qed jiżbaljaw għax hemm min irriżenja għax indaħlulu bħalma kien il-kummissarju tal-artijiet.”

Dwar l-indħil politiku tkellimna dwar l-Air Malta fejn il-PN qed jikkritika lil gvern preżenti dwar it-telf fl-Air Malta meta dan beda fi żmien l-amministrazzjoni Nazzjonalista. “L-Air Malta nixtieqha tispjegali kif kienet għaddejja minn ristruttrar fejn aħna naqqasna n-nies u tlifna anke voti minħabba dan u din l-amministrazzjoni impjegat 300 persuna ġdida. Bħala segretarju tal-kumpannija ġie ngaġġat Andre Borg li hu iben il-kandidat Laburista Reno Borg meta fi żmienna l-post ta’ segretarju kien jagħmlu wieħed diġà impjegat mal-Air Malta. Imbagħad inwaħħlu fil-Libja li morna ħażin.”

Tkellimna dwar il-korruzzjoni fejn is-segretarju Ġenerali ammetta li teżisti “għax sakemm hemm il-bniedem hemm l-abbużi.”

Chris Said qal li smajna ħafna għajjat ta’ korruzzjoni u s’issa ma tressaq ħadd fil-qorti, “kien biss il-gvern Nazzjonalista li ressaq il-qorti l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż meta tressaq il-Prim Imħallef u żewġ imħallfin oħra u nstabu ħatja. Anke fil-passat konna aħna li ressaqna lill-eks Ministru Lorry Sant, il-qorti.

“Nistaqsi kemm smajna għajjat dwar korruzzjoni f’Mater Dei, x’sar minn dak kollu li għadda lil pulizija. U dwar il-kwistjoni taż-żejt l-uniċi li tressqu l-qorti kienu dawk li ressaqna fi żmienna, issa f’sena u nofs ħadd ma ttella’ l-qorti dwar l-iskandlu taż-żejt. Għaliex? Anke dwar il-konkos, kif ma ttella’ l-ebda kuntrattur il-qorti, għax żgur li dan ma kienx tort ta’ xi ministru. U jekk il-konkos tal-pilastri hu inferjuri kif il-gvern qed iħalli n-nies taħthom u jissogra ħajjithom? Dawn qed jitfgħu t-tajn biex xi ħaġa teħel u diffiċli biex tnaddfu iżda min jitfa’ t-tajn qed jibqa’ għaddej. Il-PL issa qed jindara kif isib dahru mal-ħajt jitfa’ t-tajn.”

Said kompla fuq l-isptar fejn semma l-iffullar tas-sodod. Hu qal li fi żmien in-Nazzjonalisti l-anzjani kienu jaqgħu taħt is-saħħa, issa jaqgħu taħt ministeri differenti. “Hemm 120 sodda meħudin minn anzjani għar-rijabitazzjoni u ma npoġġuhomx fi djar tal-anzjani għax dawn qed jiġu mimlija min-nies tal-qalba u nħallu l-isptar bin-nuqqas ta’ sodod.

Ma stajtx nħalli barra s-suġġett tal-enerġija fejn Chris Said tbissem mill-ewwel u qalli, “suġġett mimli gideb. Power station se tinbena fi żmien sentejn, tinqaleb għal diesel mill-ewwel, BWSC fabbrika tal-kanċer, imbagħad l-prim ministru jibgħat rapport lil kummissjoni Ewropea li l-arja tjiebet għax hemm il-BWSC. Dan juri li ma kellux għalfejn jibni żewġ power stations meta l-interconnector kien biżżejjed għax issa se jkollu ħafna iżjed enerġija milli għandna bżonn. Dan għamlu għax laħaq ikkommetta ruħu maċ-Ċiniżi.”

Il-partit il-ġdid Nazzjonalista falla fl-Unjoni Ċivili. Issa dwar ewtanasja u abort jekk tinqala diskussjoni x’se jagħmel, “Aħna niddiskutu kollox iżda aħna għandna pożizzjoni ċara favur il-ħajja u ma naċċettaw xejn li jtemm il-ħajja.”

Telfa ta’ elezzjoni ġenerali, telfa fl-elezzjonijiet Ewropej, issa fl-elezzjonijiet tal-kunsilli x’qed jistenna l-PN? “Il-kunsilli lokali huma differenti mill-elezzjonijiet l-oħra. Hemm persentaġġ ta’ nies jivvutaw skont il-bżonn tal-lokalità milli bħala partit. Għalhekk aħna xogħolna hu li nippreżentaw l-aħjar ideat u l-aħjar kandidati.”

Ma’ kulmin titkellem jgħidlek li dan il-gvern għandu fil-gvern għaxar snin żgur. Hawn Chris Said qal li din jismagħha hu wkoll, “iżda hemm nies li diġà bdew joqomsu għax dan il-gvern ma żammx mal-wegħdiet kollha li għamel. Fadallu tliet snin u nofs biex iwettaq dak li wiegħed u mbagħad irid jagħti rendikont. Ma nistax nipprevedu x’se jiġri l-elezzjoni li jmiss. Aħna mhux se noqogħdu nistennew lil gvern ifalli iżda rridu nibnu programm u inizjattivi ġodda biex immorru quddiem l-elettorat. Irridu programm mibni min-nies u mill-fora li qed noħolqu u mhux programm tal-Kap.

“Nara differenza kbira bejn illum u sena u nofs ilu. Dakinhar konna fil-qiegħ u nħossu li bdejna telgħin. Issa rridu nżommu dan il-momentum biex naqbżu lil partit Laburista.”

Ma stajtx nagħmel intervista ma’ Chris Said u ma nitkellmux fuq Għawdex u l-mod kif il-PN tilef Għawdex fejn dak il-ħin żamm qalbu u qalli, “dik l-akbar weġgħa ta’ qalbi. Sa dalgħodu kont fuq il-vapur u waqt li ħarist lejn il-port tal-Imġarr stajt nara ż-Żewwieqa, il-yacht marina, il-vapuri u t-toroq, kollox sar taħt in-Nazzjonalisti u tlifna Għawdex. Għamilna tant u tlifna l-kuntatt man-nies u tlifna kollox.”

Chris Said qal li f’sena u nofs ma sar xejn ħlief wegħdiet fiergħa, “Ir-road map ta’ Għawdex hu bbażat fuq tnejn, xogħol u aċċessibilità. Nistaqsi fejnha l-‘fast ferry’? Din kienet wegħda prinċipali tal-gvern Laburista. Dan l-aħħar staqsejt lil ministru dwarha u ħarab mill-mistoqsija u nħoss li qed jaħbu xi ħaġa li din mhux se ssir għax jekk issir tfalli l-Gozo Channel. Iżda dan kienu jafuh qabel mela għalfejn wegħduha lill-poplu Għawdxi?

Tkellem ukoll dwar ix-xogħol li skont Chris Said l-unika ħaġa li saret kienet l-iskema ‘Greener & Cleaner’. “Fiha tħaddmu 166 persuna li ġew imwiegħda xogħol fiss mal-gvern iżda minnhom disgħa biss sabu xogħol. Daħku bihom ukoll.”

“Issa qed jissemmew l-fixed link u l-cruise liner terminal. Nistennew u naraw” temm Said fuq Għawdex.

Mistoqsi dwar il-fatt li Eddie Fenech Adami attenda għall-ewwel diskors ta’ Wenzu Mintoff bħala mħallef meta l-PN kienu ħarġu speċi ta’ bojkott, is-Segretarju Ġenerali ma qabilx miegħi, “aħna għandna rispett lejn l-istituzzjonijiet. Qatt m’għamilna bojkott fuq l-għażla ta’ Wenzu Mintoff. Aħna biss tkellimna li ma naqblux mal-għażla. Illum Wenzu Mintoff hu imħallef u m’għandniex dubju li se jipprova jaqdi dmirijietu bl-aħjar abilitajiet tiegħu. Il-Prim Ministru kien wiegħed sistema ġdida kif jintgħażlu l-imħallfin u anke kodiċi ta’ etika tal-ministri u qalulna li dan lest iżda s’issa għadu ma rax id-dawl.”

Mistoqsi dwar kif iħares lejn il-gvern Laburista wara sena u nofs Chris Said ġab l-eżempju ta’ “pakkett imgeżwer f’karta sabiħa li llum qdiemet u qed joħroġ eżatt x’kien fih il-pakkett.

“Lejlet l-elezzjoni ħafna wegħdiet sbieħ, reklami mill-isbaħ li swewlu miljuni ta’ ewro b’messaġġ mill-isbaħ. Illum ħiereġ eżattament x’isarraf. Se nkomplu naraw żelqa wara żelqa iżda aħna mhux qed nistennew iż-żelqiet tal-PL iżda se nkomplu nagħmlu bidliet fil-partit b’ideat ġodda, politika mġedda li finalment twassal biex il-poplu jerġa’ jagħtina l-fiduċja.”

Il-fatt li l-partit hu nieqes minn uċuħ żgħażagħ f’kull attività li qed jorganizzaw kif jaraha s-segretarju Ġenerali? “Irridu noħorġu b’għajta li jifhmuna ż-żgħażagħ bi slogan ‘cool and smart to vote PN’. S’issa l-messaġġ għadu ma wasalx maż-żgħażagħ. Irridu ngħafsu fuq l-ambjent għax iż-żgħażagħ jinteressahom l-istudju u l-ambjent. U bħalissa qed isir sfreġju ambjentali b’bini bl-addoċċ. Għax hemm għaġla sfrenata biex jitwettqu ċertu wegħdi ta’ qabel l-elezzjoni.”

Spiċċajna billi fejn il-bieb staqsejtu jekk bħala Segretarju Ġenerali hux suppost ifittex kandidati tajbin għal Għawdex li jistgħu jkunu ta’ kompetizzjoni għalih għall-elezzjoni ġenerali. Said wieġeb bla tlaqliq, “nassigurak li se jkollna l-aqwa tim f’Għawdex u se nħabbru kandidati oħra dalwaqt. Jinteressani l-partit. Anke meta kont sindku kont infittex nies oħra bħala kandidati.”

John Busuttil attenda is-Seminarju tal-Arċisqof fil-livell sekondarju. Fl-1978 attenda għal kors tal-Method Study organizzat mill-Malta Institute of Management u ġie ċċertifikat fil-Method Time Study. Fl-1987 attenda b’suċċess għal kors fil-Middle Management organizzat mid-dipartiment tal-Management studies fl-Universita ta’ Malta. Għal erba snin sħaħ, 1994, 2000, 2001 u 2004 kien finalist tal-ġurnalist tas-sena fil-BPC awards u fl-2004 ingħata dan l-unur għal 'significant contribution to Professional Journalism' Producer & Presenter ta' diversi programmi fuq NET TV, SMASH TV, PBS u ONE TV. Ipproduċa u ppreżenta programmi radjufoniċi dwar Vjaġġar u Sport u pparteċipa f'diversi programmi televiżivi u radjufoniċi dwar suġġetti varjati. Għal 43 sena ħadem mal-Media Link. U bħalissa jaħdem mal-MediaToday.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook