"Il-Gvern qed juża l-korruzzjoni bħala arma politika"

“Nibqa’ nagħmel pressjoni biex inkunu dak li wegħedna” - Marlene Farrugia

"Il-Gvern qed juża l-korruzzjoni bħala arma politika"

Iltqajt ma’ Marlene Farrugia f’lukanda Għajn Tuffieħa fejn kienet qed tqatta’ jumejn ma’ żewġha Godfrey. Kif waslet qaltli biex niskużaha għax ma kinitx impittra bħalma jkunu ħafna politiċi meta jiġu quddiem xi kamera.

Marlene Farrugia li hi magħrufa għal karattru u politika liberali tagħha li tgħidha kif tħossha tkellmet mal-ILLUM, dwar kif taħsibha dwar il-governanza Laburista s’issa, dwar il-meritokrazija jew aħjar in-nuqqas tagħha, dwar il-falliment fl-enerġija nadifa, dwar il-futur tagħha fil-politika u anke dwar il-futur ta’ żewġha Godfrey.

Ordnajna kafè u poġġejna nitkellmu dwar l-istorja politika tagħna t-tnejn, fejn ħareġ il-fatt li hi bint il-mibki Joe tal-Blieq miż-Zurrieq trabbiet tiġri wara Mintoff, safrattant l-ewwel vot tagħha fl-1987 tagħtu lin-Nazzjonalisti. 

Donnu li għal Marlene l-fatt li partit ikun fl-oppożizzjoni jiġbidha u meta dan jirbaħ il-gvern tispiċċa topponilu. Meta staqsejtha dwar dan il-fatt id-deputat ta’ bla kantunieri weġbitni, “Meta jkollok gvern li jkollok fiduċja fih, ikollok tama li jsarraf dak li jkun wiegħed. Anke jekk gvern ikun għamel ħafna tajjeb ma jfissirx li ma jkunx hemm lok li tagħraf fejn ikun qed jiżviluppa nuqqasijiet. It-tajjeb ma jiġġustifikax il-ħażin li nistgħu ngħixu mingħajru. Għalhekk ikun min ikun fil-gvern mhux se nagħti appoġġ tiegħi lil min ikun qed jitbiegħed mill-wegħda. Min ma jkunx qed jattwa dak li wiegħed, hu dover tiegħi li nsemma leħni u nesiġi li jispjega għaliex.” Marlene qalet li hi dejjem kienet hekk u dejjem wasslet l-ilmenti tagħha lil min kellha twassalhom anke meta kienet tifforma parti mill-partit Nazzjonalista, iżda llum tidher aktar għax tuża l-mezzi soċjali. “Iżda wieħed irid jifhem li jien mhux kontra l-Gvern iżda nikkritika biex il-Gvern jissaħħaħ.”

Suġġett li ma setax ma jissemmix hi l-enerġija li skont l-istess Marlene f’dawn l-aħħar snin kien fattur qawwi li waqqa’ l-gvernijiet, sew dak ta’ Alfred Sant u sew ta’ Gonzi. Marlene li sa qabel l-elezzjoni kienet il-kelliema tal-Enemalta u Waterservices qalet li hi saret taf bl-enerġija nadifa li kien qed iwiegħed il-moviment Laburista mal-poplu kollu, mill-mezzi tax-xandir għax l-idea kienet ta’ Konrad Mizzi. ‘Kien bagħat għalija Joseph Muscat u qalli x’naħseb dwarha u jien dment weġibtu, ‘Too good to be true’ iżda fdajt fih.” Kompliet tgħidli li l-iżball kien li jekk ħasbu li se tinbena f’sentejn imisshom qalu tliet snin għax fil-bini qatt ma jinżamm ‘deadline’, “lanqas meta tirranġa kamra tal-banju ma jinżamm deadline aħseb u ara power station.”

Marlene Farrugia kienet ikkonċernata ħafna li jekk ir-road map tal-enerġija tfalli jsiru mistoqsijiet għal kull road map oħra li għandu l-gvern. Meta bħas-soltu Marlene saret taf li l-power station mhux se titlesta kif kien imwiegħed mill-ġurnali, kellmet lil Joseph Muscat u talbitu jkun ċar mal-poplu u staqsietu, “meta se titnaddaf l-arja?” Mistoqsija li ma weġibiliex.

“L-attività politika tiegħi se tissokta... u forsi anke żżid taħt forom oħra”

Marlene kienet ħadmet ħafna favur l-Ewropa fejn anke kienet tagħmel parti mill-partit Nazzjonalista. Iżda mbagħad ingħaqdet mat-tim ta’ Alfred Sant biex tikkontesta l-elezzjoni tal-2008. Dan il-fatt inħoss li ftit jagħmel sens li tingħaqad mal-persuna li tant ħadem kontra l-Ewropa li min-naħa tagħha tant ħadmet favur tagħha. “Jien mort ma’ Alfred sant meta kien aċċetta l-politika barranija li żżommna membri sħaħ fl-Unjoni Ewropea. Sant kien kontra s-sħubija sħiħa dak iż-żmien u mhux kontra l-Unjoni Ewropea.”

Qabel l-elezzjoni f’filmat tal-ONE Productions Marlene kienet ikkritikat is-saħħa taħt gvern Nazzjonalista. Sadattant dan id-dipartiment ingħata lil żewġha malli l-Labour beda jiggverna. Ftit wara tneħħa minn Ministru tas-Saħħa. Falla żewġha jew falla l-gvern Laburista wkoll fis-saħħa?

“Inħoss li għandu jintefa’ dawl qawwi fuq ir-road map (jew in-nuqqas tagħha) li għandu l-gvern dwar is-settur tas-saħħa. Għalfejn neħħa lil Godfrey minn ministru jafha hu biss. Li nista’ ngħid hu li fil-ftit li dam ministru prova jindirizza l-problemi mill-qiegħ u mhux jagħmel soluzzjonijiet kosmetiċi li jistgħu jiswew is-sostenibbilità ta’ dan is-settur.

Ħafna huma tal-fehma li Marlene tat injezzjoni lil kritika tagħha lil gvern meta ma ħallihiex iżjed parti mill-ministeru tas-saħħa flimkien ma’ żewġha. Id-deputat li kienet tagħmel parti miż-żewġ partiti ma qablitx ma’ dan, fejn tenniet li hi trabbiet man-nies fit-triq, tħossha deputat tan-nies u dejjem ikkritikat dak li ma qablitx miegħu.

Qalet ukoll li Joseph Muscat malli tela’ fil-gvern kien talabha tagħżel bejn żewġha u hi min tippreferi li jkollu ministeru għax ma setax jpoġġi fil-kabinett lit-tnejn li huma. “Jien ċedejt il-kabinett għax emmint li Godfrey kien maqtugħ għal ministeru tas-saħħa għax jekk ried xi ħadd onest u tal-kastig, jiġifieri jaħdem bla waqfien, Godfrey kien il-persuna adatta. Iżda l-għażla tfajtha f’idejh.”

Wara li għażel il-kabinett il-prim ministru l-ġdid bagħat għal kull deputat elett u qalet li lilha kien nesiha. Urietni l-email li bagħtet lil Kurt Farrugia dwar dan fejn weġibha li kien insiha bi żvista. Fil-fatt kien bagħat għaliha wara u l-prim ministru taha l-approvazzjoni biex tgħin fuq bażi volontarja fil-ministeru tas-saħħa, “però ma tani l-ebda brief jew xi uffiċċjalità.”

Meta dehret fl-ewwel laqgħa tal-ministru tas-saħħa mal-unjins qam pandemonju sħiħa fil-mezzi tax-xandir, speċjalment dik Nazzjonalista. Hawn Marlene tefgħet dubju kbir li kienu min-naħa tal-gvern li ma riduhiex hemm, “mhux mill-mezzi tax-xandir tal-PN biss iżda anke min-naħa tal-gvern.”

Il-parlamentari li ma temminx fil-partiġġjaniżmu qalet ukoll li hi konvinta li Joseph Muscat jemmen bis-sħiħ fil-meritokrazija, trasparenza, ġustizzja soċjali u drittijiet ċivili, iżda qalet li bħalissa fil-moviment hemm żewġ vuċijiet. “Hemm vuċijiet li jemmnu u vvutaw għal Malta Tagħna Lkoll, u hemm vuċijiet li ma jimpurtahomx mill-poplu u mill-wegħdiet, “iżda jimpurtahom biss milli javvanzaw huma u ta’ madwarhom”

Tlabt lil Marlene taqbilx li dan it-tfigħ ta’ tajn dwar korruzzjoni hux qed isir biex jintrebħu argumenti politiċi biss u tieqaf hemm. Dehret li qablet miegħi, “Mhux stil ta’ politika ġdid li wegħedna lil poplu li niġġustifikaw in-nuqqasijiet tagħna b’nuqqasijiet ta’ ħaddieħor. In-nies ivvutaw biex ibiddlu l-governanza għal waħda nadifa u trasparenti u mhux biex ibiddlu l-isem tal-gvern.

Sadattant qalet li jidher ċar li l-gvern qed juża l-għajta tal-korruzzjoni bħala arma politika milli bħala dak il-ħażin li jimmina l-qafas tas-soċjetà. “Biex ir-regoli tal-Liġi (rule of law) tirrenja f’dan il-pajjiż il-gvern irid juri li kapaċi jmexxi billi jipprattika dak li hu tajjeb u ġust u mhux b’dak li hu konvenjenti biex jassiguraw il-poter. Fl-immedjat il-poplu jeħtieġ nuruh li l-ġustizzja ssir ma kulħadd indaqs.

“S’issa qed naraw tfiegħ ta’ tajn iżda rari tiġi sostanzjata u ssir ġustizzja. Wieħed allura jistaqsi dan il-gvern hu kontinwazzjoni tal-gvern ta’ qabel b’isem u wċuħ differenti? Il-poplu jistenna bil-ħerqa li jkollu risposta li sserraħlu rasu għal din id-domanda.”

Wara li daqet liż-żewġ partiti prinċipali, Marlene Farrugia ddeċidiet li ma terġax tikkontesta elezzjoni oħra mal-partiti eżistenti għalkemm mill-ħarsa tagħha u ta’ żewġha deher li jekk xi darba jkun hemm partit ieħor li jappellalha din id-deċiżjoni tista’ tinbidel. “Il-politika partiġġjana ma tappellalix. Id-deċiżjoni tiegħi hi għax ma rridx nagħti saħħa iżjed lil politika partiġġjana bil-preżenza tiegħi bħala kandidat mal-ebda partit li hemm sa issa. Din id-darba erġajt ikkontestajt għax emmint fl-ideal tal-moviment, li ttamajt u għadni nittama li jgħaqqad dan il-pajjiż.”

“Dan il-gvern hu kontinwazzjoni tal-gvern ta’ qabel b’isem u wċuħ differenti?”

Meta mitluba tgħid jekk l-attività politika tagħha tintemmx tliet snin oħra, b’daħka sarkastika wieġbet, “L-attività politika tiegħi se tissokta... u forsi anke żżid taħt forom oħra.”

Konna wasalna lejn tmiem l-intervista u ngħaqad magħna Godfrey b’dik it-tbissima simpatika fejn deher ferm aktar trankwill minn meta niftakru ministru. Poġġa ħdejna u qagħad jismagħna bil-kwiet.

Meta staqsejtha jekk tivvutax lil Godfrey fl-elezzjoni li jmiss bi tbissima qaltli, “il-vot hu personali u sigriet.” Però fl-istess nifs tefgħet dubji jekk Godfrey hux se jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni li jmiss meta qaltli, “Konvinta li Godfrey mhux se jitlobni l-vot jekk ma jkunx f’entità politika li jemmen fiha hu.” Fejn kompliet tgħid li sew Godfrey kif ukoll hi għandhom l-istess ħsibijiet komuni kif iħarsu lejn il-politika, “jekk joħroġ Godfrey nibqa’ nagħtih l-appoġġ morali għax nemmen fih bħala persuna onesta u integra.”

Hawn Godfrey deher li qabel ma’ martu u wrejtu bil-ħsieb li ma jdumx ma jkun wieħed mill-personalitajiet li jispiċċa fuq dawn il-paġni.

More in Intervisti