“L-irtokk fuq it-tfal ma jeżistix” – Federica Falzon

“Is-suċċess qatt m’għandu jibdel lil ħadd”

Din is-sena żgur li se tkun sena li f’moħħ Federica Falzon se tibqa’ waħda indimentikabbli hekk kif fl-età ta ħdax-il sena, Federica kisbet suċċess inkredibbli kemm f’pajjiżna kif ukoll fl-Italja wara li pparteċipat fil-programm Ti Lascio Una Canzone. 

F’intervista esklussiva ma’ ILLUM, hi titkellem dwar il-ħolm, il-passjoni u kif il-mużika u l-ispettaklu sar jagħmel parti sostanzjali minn ħajjitha. 

Federica titkellem dwar l-esperjenza mar-RAI u kif dawn jinsistu li ma jintuża ebda rtokk fuq it-tfal, anqas meta kellha ponta żgħira ma riedu jgħattuhiela. Tirrakkonta kif hi u l-ġenituri tagħha marru u ġew l-Italja għal tlettax-il ġimgħa konsekuttiva u dwar l-eċitament li kellha meta kantat fuq il-Fosos mat-tenur Malti Joseph Calleja.

Ma jonqosx li titkellem ukoll dwar il-Junior Eurovision Song Contest li se jsir f’Malta f’Novembru li ġej.

Tifla ta’ ħdax-il sena li qed tikseb suċċess inkredibbli f’pajjiżna u barra minn xtutna titkellem dwar il-ħolm, il-passjoni u kif il-mużika saret tagħmel parti sostanzjali minn ħajjitha. 

 llum kulħadd jaf min int. Imma kemm ilek li bdejt il-karriera tal-kant?

Il-bidu tal-karriera tal-kant tiegħi tmur lura għal sentejn u nofs ilu, iżda l-istil ma kienx dak klassiku li ħafna jafuni bih illum il-ġurnata, għaliex qabel kont inkanta l-country

Kif skoprejt li l-linja tiegħek hija l-opera u mhux xi stil ieħor?

Skoprejt il-linja vera tiegħi meta bdejt nattendi La Voix Academy. Mal-ewwel nota li kantajt fi ħdan l-akkademja, Gillian Attard, l-għalliema tal-kant tiegħi, kienet taf li l-istil tiegħi kien wieħed klassiku, ta’ sopran.

Bla dubju ta’ xejn, Ti Lascio Una Canzone, wasslek għal suċċess li ħafna kantanti oħra Maltin joħolmu biss dwaru. Kif inbidlet ħajtek issa li kull fejn tmur kulħadd jgħarfek u kulħadd irid ikellmek?

L-apprezzament tal-pubbliku huwa suċċess fih innifsu iżda fil-verità, nieħu gost naqsam it-talent tiegħi ma’ ħaddieħor, speċjalment tfal ta’ età żgħira li jiena nista’ nispira. Fl-aħħar mill-aħħar, jiena l-istess Federica għadni u mhux beħsiebni ninbidel. 

Nimmaġina li l-programm kien wieħed impenjattiv ħafna għalik u għall-familja tiegħek, kif kienet ġimgħa tipika għalikom waqt is-sensiela tal-programm?

Iva, konna nitilgħu Ruma, kull nhar ta’ Ħamis. Appena naslu, immorru l-lukanda, inqiegħdu l-bagalji u dritt għall-istudjos tar-RAI biex nibdew il-provi, il-Ġimgħa iktar provi, u anke s-Sibt qabel jibda l-programm. Konna naslu lura Malta l-Ħadd bil-lejl u t-Tnejn, jiena lura għall-iskola u l-ġenituri tiegħi, lura għax-xogħol. Dakinhar stess filgħaxija, konna nirċievu konferma li rridu nitilgħu dik il-ġimgħa. It-Tlieta mbagħad kont nirċievi d-diski li ridt nitgħallimhom sal-Ħamis u nkomplu r-rutina fejn il-Ħamis filgħodu nerġgħu mmorru Ruma. Domna sejrin hekk għal 13-il ġimgħa. 

Spjega ftit x’kien jiġri wara l-kwinti qabel jibda l-programm...

Ngħid il-verità, kien ikun hemm dak id-daqsxejn eċitament, imma lilna t-tfal kienu jaqsmuna fuq iż-żewġ naħat sabiex inżommu idejn xulxin u nawguraw ir-risq lil xulxin qabel nibdew. 

Xi ħaġa li ntlaqgħet tajjeb mat-telespettaturi kienet li l-produtturi żammewlek id-dehra adattata għall-età tiegħek fejn apparti l-ħwejjeġ, ma rajniekx liebsa żraben bi tkaken għoljin jew ħafna rtokk... 

Iva. L-irtokk fuq it-tfal ma jeżistix, u hekk għandu jkun. Lanqas meta kelli ponta ma riedu jgħattuhieli. Huma dejjem riedu jżommu d-dehra naturali tagħna.

Kif tiddeskrivi lil Vincenzo Carni?

Vincenzo huwa kantant bravissimu, u nzertaw li l-vuċijiet tagħna qablu tajjeb flimkien. Ħafna nies qalulna kemm-il darba li l-vuċijiet tagħna jemozzjonawhom u dan huwa vot ta’ fiduċja fina u fit-talenti tagħna.

“F’Calabria n-nies bdew iwaqqfu l-karozza biex ikellmuni u jieħdu r-ritratti miegħi”

U l-kantanti l-oħra li kien hemm miegħek?

Għalkemm kelli żvantaġġ minħabba li ma neċċellax fil-lingwa Taljana, kien irnexxieli nikkomunika u anke għamilt ħbieb ma’ ħafna minnhom.

X’tgħidilna fuq Antonella Clerici?

Antonella Clerici hija mara simpatika, preżentattriċi brava ta’ ċertu klassi u maħbuba mill-poplu Taljan.

Matul il-programm kont esprimejt ix-xewqa tiegħek li xi darba tkanta ma’ Joseph Calleja, xewqa li issa saret realtà. Kif ħassejtek fuq il-Fosos tkanta miegħu? Xi tħoss meta tara dik il-folla ta’ ħutek Maltin li ġew jaraw it-talenti tiegħek?

WOW! Kienet esperjenza indimentikabbli. Kultant, lanqas nista’ nemmen li rnexxieli naqta’ xewqti. L-emozzjoni li laqtitni tul il-kunċert kienet waħda li mhux ħa nħoss kuljum. Il-fatt li kont qiegħda nkanta mat-tenur Joseph Calleja, persuna daqshekk famuża, kienet wisq tal-ġenn. Nixtieq verament nirringazzja lit-tenur tal-opportunità li tani, waħda li żgur ħa tibqa’ stampata f’moħħi u f’qalbi. 

Taħseb li għad terġa’ tingħaqad miegħu f’xi kunċert ieħor?

Min jaf!? Jekk tinqala’ opportunità oħra, żgur li nidħol għaliha, u nagħmel l-almu tiegħi sabiex noffri pjaċir lill-folla ta’ quddiemi.

X’tikkummenta dwar il-pajjiż ġar tagħna l-Italja? X’relazzjoni għandek mal-Italja? Tħobbu l-pajjiż? Il-lingwa?

L-Italja, pajjiż fejn il-lirika hija maħbuba immens. Inħoss li jiena ġejt milqugħa, tant u tant li ħabbewni daqs waħda minnhom. Dan ħassejtu speċjalment meta f’Ġunju li għadda mort f’Isola Capo Rizzuto ġewwa Calabria u n-nies bdew iwaqqfu l-karozza sabiex ikellmuni u jieħdu r-ritratti miegħi.

Nafu li ħafna kantanti Maltin ikollhom ix-xewqa li jirrappreżentaw lil pajjiżhom fil-Eurovision tal-kbar, x’inhi x-xewqa tiegħek?

Jien inħobb nimxi pass pass. Il-konċentrazzjoni tiegħi bħalissa hija totalment fuq il-Junior Eurovision Song Contest, wara li ngħata l-unur li nirrappreżenta lil pajjiżi. Imbagħad ’il quddiem naraw x’opportunitajiet ikun hemm jistennewni fil-futur.

X’qed jiġi mhejji għall-Junior Eurovision? Id-diska li se tkanta fil-Junior Eurovision, fiex waslet? Min qed jieħu ħsiebha?

Iva, bħalissa l-preparamenti fuq id-diska li jien se ninterpreta għaddejjin ġmielhom. Il-pinna u l-kompożizzjoni tad-diska qegħdin jieħdu ħsiebhom Gillian Attard, Matthew Mercieca (Muxu) u Elton Zarb.

Kif qed tlaħħaq mal-ħajja privata tiegħek u dawn l-impenji? Issib appoġġ mill-iskola? Kif ħaduha sħabek tal-klassi? Issib ħin għall-istudju?

Inkun qiegħda nigdeb jekk ngħid li ħajti ma nbidlitx f’dawn l-aħħar xhur għaliex anke l-aktar ħaġa sempliċi, pereżempju logħob ma’ sħabi, sar ġlieda mal-ħin. Mill-iskola sibt appoġġ kbir, speċjalment mis-Sur Bonnici, l-għalliem tas-sitt sena primarja kif ukoll Ms Cauchi, il-Kap tal-Iskola u s-Sur Fenech, il-President tal-Kunsill tal-Iskola. Ta’ dan nirringrazzjahom minn qalbi u se nimmisjahom ferm issa li se nibda skola ġdida. Sħabi tal-klassi ferħu ħafna għalija filwaqt li komplew jittrattawni l-istess, kif għandu jkun. Nibqa’ nisħaq li s-suċċess qatt m’għandu jibdel lil ħadd.

Sibt min prova jagħmillek il-ħsara? Kien hemm min ġieli prova jaqtagħlek qalbek mill-kant? Għaddejt minn xi tip ta’ bullying fil-passat? Jew forsi rċivejt xi kummenti negattivi kemm ilek li ksibt din il-popolarità?

Dawn l-affarijiet issibhom dejjem anke fil-ħajja normali. Imbagħad irid jkun il-karattru tiegħek. Kien hemm numru ta’ individwi li riedu jagħmluli l-ħsara iżda meta nħares lura, ngħid lili nnifsi li kull esperjenza li għaddejt minnha servietni ta’ tagħlima. Sibt diversi individwi fosthom għalliema u ħbieb li semgħu l-problemi tiegħi u b’hekk kienu ta’ għajnuna. Inħeġġeġ lil dawk li għaddejjin minn xi forma ta’ bullying sabiex jitkellmu ma’ dawk qrib tagħhom u jfittxu l-għajnuna.

U dwar dawk li jappoġġjawk, lil min tixtieq tirringrazzja?

Uuuu lista twila li ma tispiċċa qatt, fosthom: l-għalliema tiegħi Gillian Attard u l-familja tagħha, il-maniġer tiegħi Marc Calleja Bayliss f’isem Ironic PR & Artist Management, il-ġenituri, Iris u David, ħija Ferdinand li din is-sena għexna ’l bogħod minnu minħabba l-impenji tiegħi fl-Italja, in-nanniet, speċjalment in-nannu Johnny li jieħu paċenzja kbira bija, zijiet u kuġini, it-tfal, l-għalliema u l-ġenituri ta’ La Voix Academy, il-kap, l-istaff kollu u t-tfal tal-iskola ta’ Ħal Safi, in-nies ta’ Ħal Safi, l-Imqabba u Ħal Luqa, kif ukoll il-Maltin u l-Għawdxin kollha. Grazzi wkoll l-isponsors tiegħi talli jappoġġjawni. U nies oħra li jgħinuni minn qalbhom mingħajr ma jistennew l-ebda ringrazzjament pubbliku.

Messaġġ lil dawk it-tfal tamparek li jaspiraw li xi darba jiksbu suċċess fil-passjoni tagħhom bħalma qed tagħmel int

Taqtgħux qalbkom, tiqfux toħolmu, aħdmu u llum jew għada taslu.

More in Intervisti