Iż-żgħir u l-batut fuq l-aġenda Ewropea

Mario Farrugia Borg għandu 43 sena u minn Ħal Qormi
Mario Farrugia Borg għandu 43 sena u minn Ħal Qormi

Fit-tieni sular ta’ Kastilja, ftit passi ’l bogħod mill-uffiċċju tal-Prim Ministru niltaqa’ ma’ Mario Farrugia Borg, kandidat Laburista għall-Parlament Ewropew u wieħed mis-segretarji ta’ Joseph Muscat. 

Madwar mejda mimlija karti u lmenti minn nies li qed jitolbu intervent mill-Prim Ministru, Farrugia Borg jgħid li l-Gvern ma nesiex l-inġustizzji li saru matul is-snin imma kien hemm prioritajiet nazzjonali oħra fosthom it-traħħis tad-dawl u l-ilma. 

Il-kandidat Laburista mhux meqjus bħala wieħed mill-favoriti li jkun elett fi Brussell, imma dan ma jaqtagħlux qalbu biex ikompli jaħdem sal-aħħar u jikkonvinċi l-votanti jivvutaw għalih u għall-partit.

X’kien li ħajrek tikkontesta għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew?

Kien il-Prim Ministru li talabni nikkontesta u nammetti li sa dak il-mument ma kinitx tgħaddili minn rasi. Kont ħdimt il-kampanja elettorali mill-kwartieri u qatt ma ddejjaqt li naħdem minn ġewwa. Meta bagħat għalija l-Prim Ministru spjegali għalfejn xtaqni u wara din id-diskussjoni, ħassejt li kienet okkażjoni biex nimbotta temi li jolqtu liż-żgħir u lil batut mhux biss fuq l-aġenda tal-politika lokali iżda wkoll fuq dik Ewropea.

X’taħseb li ra fik il-Prim Ministru? Għalfejn ried il-kandidatura tiegħek?

Naħseb aħjar issaqsi lilu. Imma li naħdem fis-segretarjat tiegħu tfisser li ngawdi l-fiduċja tiegħu għax kieku miniex hawn. Kien ukoll pass naturali wara li għent fil-kampanja u dħalt fis-segretarjat. Imma jekk ikolli ngħid, naħseb li fehem li għandi lealtà assoluta lejh u lejn il-partit Laburista…

Il-lealtà assoluta lejn il-partiti kienet diskussa ħafna fl-aħħar snin b’mod speċjali fl-aħħar sena tal-amministrazzjoni Gonzi; kemm għadha rilevanti l-lealtà lejn il-partit illum il-ġurnata?

Importanti ħafna, jekk m’intix lest li tkun leali lejn il-partit allura għandek tikkontesta bħala indipendenti. Partit iġib l-isem miegħu, huwa grupp ta’ nies bl-istess ideat avolja ma jfissirx li kulħadd se jaqbel dejjem. Imma jekk tħoss li l-partit m’għandux l-istess prinċipji tiegħek mela warrab. Fuq kollox, l-interess nazzjonali għandu dejjem jiġi l-ewwel.

…kif għamilt int mill-PN għall-PL?

Jien ma qlibtx mil-lum għal għada. Vera għamilt żmien meta mmilitajt fil-partit Nazzjonalista fit-tmeninijiet u d-disgħinijiet… imma għamilt ukoll għaxar snin wieqaf mill-politika. F’dak iż-żmien wieqaf kont inħoss x’jiġbidni biex nerġa’ mmur lura fil-partit Laburista, fuq kollox kont imrobbi minn nanniet Mintoffjani ħorox. Imma ma kontx konvint. Kien meta ħa t-tmexxija Joseph Muscat li bdejt inħoss din ix-xewqa titqawwa. Inqabbel dak li ġrali mal-parabbola tal-iben il-ħali, dak l-iben li telaq mid-dar għax ħaseb li se jkun aħjar x’imkien ieħor iżda kien żbaljat. Soċjalist u xellugi bqajt dejjem.

“Qed nieħu l-kandidatura bħala avventura, qed naħdem daqslikieku kont favorit imma qed inżomm saqajja mal-art” James J. Piscopo

Il-kandidatura għall-Parlament Ewropew hu d-debutt politiku tiegħek. Ma taħsibx li bdejt bl-iebes mal-ewwel?

Iva, minn dejjem kont ngħid li għal kandidat żewġ distretti huma ħafna aħseb u ara għalina li nikkontestaw it-tlettax li huma. Imma mhux waħdi bid-debutt, hemm kandidati oħra li qatt ma kkontestaw elezzjoni. 

Hi xi ħaġa massiva biex taħdem tlettax-il distrett, umanament mhux possibli li tiltaqa ma’ kulħadd. Xi kultant issaqsi kif ħa jirnexxielek tiltaqa’ mal-akbar ammont ta’ votanti filwaqt li taċċetta l-limiti tiegħek. 

Mario Farrugia Borg x’għandu differenti minn kandidati oħra? 

L-ewwel nett jien parti minn tim b’kandidati validissimi. Jekk issaqsini fuqiex nemmen jien ngħidlek fuq il-kuntatt man-nies. Il-politiku postu biex jisma’, jifhem, u jipprova jgħin lin-nies. Politiku li tikbirlu rasu u jinqata’ man-nies għandu jinqata’ wkoll mill-politika. 

Tħoss li Muscat uża l-kandidatura tiegħek biex jattira faxxa partikolari tas-soċjetà?

Kull kandidat se jattira faxex partikolari tas-soċjetà, però kull kandidat jaf li ma jistax jibbaża fuq settur wieħed biss. Kull kandidat jaf li jrid jipprova jieħu voti minn faxex oħra.

Xi jkun riżultat pożittiv għalik f’din l-elezzjoni?

Qed nieħu l-kandidatura bħala avventura, qed naħdem daqslikieku kont favorit imma qed inżomm saqajja mal-art. Mhux qed nagħmel għanijiet ta’ nkunx elett jew le, jew ammont ta’ voti. Imma ovvjament nagħmel li nista’ biex nikseb l-aħjar rizultat possibli kemm għalija u kemm għall-ġid tal-partit. 

Kemm taħseb se jkun fattur importanti fl-elezzjonijiet dawk il-Laburisti li qed jheddu li jastjenu għax għadhom mhux moqdija wara 25 sena?

Bla dubju kull vot hu importanti. Imma kif qal l-Erbgħa li għadda l-Prim Ministru, l-ewwel bdejna nindirizzaw temi li jolqtu l-mases, bħal kontijiet tad-dawl u ilma. Imbagħad ħdimna għal minoranzi li jaffettwaw faxex kbar fis-soċjetà, bħall-unjoni ċivili. Issa nindirizzaw it-temi li jolqtu l-individwi. 

25 sena ta’ gvern Nazzjonalista tfisser ħafna nies imweġġgħin għax kienu ddiskriminati sempliċiment għax Laburisti. F’25 sena dawn tilfu ħafna. Kulħadd irid jifhem li kulma ilna fil-gvern sena u xahrejn u rridu l-ħin biex insolvu dawn l-inġustizzji. Però l-prestazzjoni tal-gvern kienet waħda brillanti u min ma jivvutax minħabba hekk irid jifhem li jkun qed jobżoq għas-sema biex jiġi f’wiċċu. 

Ma taħsibx li sfortunatament dan juri li l-politika Maltija għadha mtappna bil-klijenteliżmu?

Malta żgħira u kulħadd jaf lil xulxin, hi parti mill-kultura tagħna li jekk ħdimt għal xi ħadd tistenna li dan jgħinek meta tkun fil-bżonn. Ma nara xejn ħażin fiha sakemm dak li qed titlob hu ġust u jista’ jingħatalek. 

X’idejqek l-aktar fil-politika Maltija?

Meta bniedem jheddek bil-vot anke meta ma jkollux raġun. Trid tieħu paċenzja u tipprova tfehmu anke jekk ma jkollux raġun.

B’mod ġenerali taħseb li l-Maltin huma tolleranti lejn il-minoritajiet f’pajjiżna sew jekk huma abbażi ta’ reliġjon kif ukoll ta’ nazzjonalità?

Il-Maltin huma tolleranti, imma meta jħossu li b’xi mod jistgħu ikunu mhedda ma tantx jibqgħu. Eżempju ejja nieħdu l-immigrazzjoni illegali. Fil-karità dejjem konna nkunu minn tal-ewwel li nibgħatu l-flus l-Afrika għal missjoni imma meta bdew jiġu influss kbir ta’ Afrikani bdiet tidher li m’aħniex komdi għax għandna l-limiti tagħna. 

Lejn il-minoranzi l-Maltin huma tolleranti, kif jixhed lejn il-komunità LGBTI bl-unjoni ċivili u nemmen ukoll lejn il-minorità tal-kaċċaturi u nassaba jekk ikun hemm referendum… 

“Kien il-Prim Ministru li talabni nikkontesta u nammetti li sa dak il-mument ma kinitx tgħaddili minn rasi” - Farrugia Borg
“Kien il-Prim Ministru li talabni nikkontesta u nammetti li sa dak il-mument ma kinitx tgħaddili minn rasi” - Farrugia Borg

…Jiġifieri taqbel mal-kaċċa u l-insib?

Jekk il-kaċċa u l-insib isir skont kif stipulat mil-liġi iva, naqbel. 

B’mod kontroversjali inti tippreferi tuża t-terminu immigrazzjoni illegali flok irregolari. Apparti d-diskors legali għax żgur mhux se naqblu jekk għandux ikun irregolari jew illegali, ma taħsibx li kliem bħal dan jirrifletti kemm hu diffiċli l-integrazzjoni ma’ dawn il-persuni?

Aħna favur l-integrazzjoni imma din possibbli biss jekk ikollok numri sostenibbli. F’Ħal Balzan l-integrazzjoni kienet possibli b’100 immigrant u komunità żgħira, imma l-Marsa ma kellekx l-istess stampa trankwilla. Huma n-numri li jagħmlu d-differenza, u għalhekk qed ninsistu għal ‘burden sharing’ u ftehim ieħor ta’ ripatrijazzjoni. 

Is-sajf li għadda l-gvern kien qed hedded li juża l-pushbacks u jibgħat lura dgħajjes b’immigranti lura minn fejn ġew. Qbilt ma’ din il-pożizzjoni? 

M’għidniex li ħa nużaw il-pushback; Il-Prim Ministru kien qal biss li kien qed jikkonsidra l-għażliet kollha, anke li jiżdiedu sodod fl-isptarijiet jekk ikun hemm il-bżonn għal dawn l-immigranti. Sadanittant infakkar li kien biss gvern Nazzjonalista ta’ Fenech Adami li għamel pushback u bagħat immigranti lura għat-tortura jekk mhux ukoll għal qatla tagħhom.

Il-pożizzjoni tiegħi hi li jekk persuna hija intitolata għall-protezzjoni umanitarja, tingħatalha u merħba biha. Imma fl-istess ħin, min kellu l-applikazzjoni miċħuda u ma jikkwalifikax għall-protezzjoni postu mhux hawn. Kif għamilna bil-ftehim riċenti man-Niġerja, dawn il-persuni għandhom jintbagħtu lura u nassiguraw li jkunu integrati fis-soċjetà lura f’pajjiżhom. Kull pajjiż hekk jagħmel, ma narax għalfejn għandna nkunu l-eċċezzjoni. 

X’taħseb li għandhom ikunu l-prioritajiet ta’ MEP Laburista li jitla’ Brussell ghal dawn il-ħames snin?

MEP Malti dejjem irid jara li jġib l-interess nazzjonali l-ewwel u qabel kollox. Qas tgħaddili minn rasi li nħammeġ isem Malta u niġġieled fil-Parlament Ewropew biex isem Malta jibqa’ f’reżoluzzjoni biex tiġi kkritikata mill-pajjiżi l-oħra. Dan mhux xogħol fl-interess tal-Maltin u l-Għawdxin. 

Jiena nidħaq meta nisma’ lil Simon Busuttil jgħid li n-Nazzjonalisti jaġixxu għall-interess nazzjonali, għax fil-kwistjoni taċ-ċittadinanza ħlief l-interess partiġġjan ma ġabux. Riedu jagħmlu ħsara politika għax jafu li jekk il-programm taċ-ċittadinanza jikseb suċċess kien ħa jġib investiment sostanzjali fil-kaxxi ta’ Malta u konsegwentament il-poplu jappoġġja aktar lil partit Laburista. 

X’tirrispondi għal min hu xettiku li Malta verament jista’ jkollha leħen fil-Parlament Ewropew minħabba li qegħdin 6 MEPs biss?

Fil-Parlament Ewropew m’hemm l-ebda pajjiż li għandu l-maġġoranza, m’hemmx pajjiż li għandu nofs l-MEPs tiegħu. Kulħadd bħalna qiegħed fil-minoranza u b’hekk jinħtieġ il-kompromess. Ghalhekk jgħodd li jkollok MEPs influwenti fil-lobbying, biex jikkonvinċu MEPs minn pajjiżi oħra u jivvutaw favur dak li jaqbel lil Malta.

More in Intervisti