Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

“Magħhom imma mhux tagħhom”

Lino Bianco, perit u bħalissa Ambaxxatur ta’ Malta għall-Bulgarija u r-Rumanija. Jinsisti fit-twemmin tiegħu fuq il-verità u l-korrettezza u li x-xemx titla’ għal kulħadd l-istess

Frederick Attard / 18 ta' Mejju 2014 17:21
Lino Bianco - Ambaxxatur ta' Malta fir-Rumanija u l-Bulgarija
Lino Bianco, waqt il-kampanja elettorali għall-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt li ġej
Kif tiddeskrivi lilek innifsek fi ftit kliem?
Jiena persuna li nemmen fl-umanità sħiħa u li jiena parti minn din is-sistema li fiha hemm jien, int u diversi nies oħra. Hemm kreaturi oħra kif ukoll in-natura u l-ambjent. Kulħadd għandu t-talent tiegħu kif ukoll in-niċċa tiegħu. Finalment ix-xemx titla’ għal kullħadd. Dak hu l-mod kif jien inħares lejn il-ħajja.

Għal ħafna nies, int wiċċ ġdid fix-xena politika. Kemm ilek attiv politikament u għaliex mal-Partit Laburista?
Kien Dr Alfred Sant li ressaqni lejn il-Partit Laburista. Dan għamlu billi involvieni ħafna bejn l-1996 u l-1998. Kien jaf li politikament jien kelli opinjoni differenti però dejjem ħallieni naħdem. Minn dak iż-żmien, kont mitlub inressaq diversi pariri u opinjonijiet professjonali. Personalment, jien dħalt fil-politika biex inbiddilha u mhux biex il-politika tibdilni. Lest li nevolvi imma mhux li ninbidel. Rigward għaliex il-Partit Laburista, jkolli ngħid li l-Partit Nazzjonalista llum mhux il-Partit Nazzjonalista li naf jien. Illum inħossni aktar komdu mal-valuri li jippreżenta l-Partit Laburista u nħoss ċerta armonija bejn dak li nemmen jien u l-manifest tal-Partit Laburista.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat jgħid dwarek: “Waħda mill-affarijiet li togħġobni f’Lino Bianco, hija s-serjetà, serjetà ta’ bniedem li jidħol għal biċċa xogħol b’umiltà u sinċerità, mingħajr pretensjonijiet.” Għaliex jiddeskrivik b’dan il-mod?
Onestament aħjar issaqsi lilu biex jirrispondiha. Jiena personalment dejjem nara kull problema bħala sfida u dejjem nindirizza l-verità. Nemmen li jekk il-verità mhijiex ovvja, tista’ tippruvaha. Dawn in-nies ilhom jafuni għal iktar minn sittax-il sena u jafu l-korrettezza li jien nimxi biha. Ħdimna fuq diversi proġetti flimkien fosthom il-każ tar-Ramla, il-każ ta’ Sant’Antnin, il-Pjan għan-Nofsinhar ta’ Malta u bosta oħrajn. Il-verità u l-korretezza huma prinċipji li jien inħaddan f’kollox.

Is-slogan tiegħek f’din il-kampanja elettorali għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew jgħid: ‘Magħhom, mhux Tagħhom’ għaliex għażilt dan is-slogan?
Aħna dħalna fl-Unjoni Ewropea bl-idea li nirranġaw oqsma fejn waħedna konna nemmnu li m’aħniex tajbin. Nista’ nsemmi eżempji bħal ma hu l-Ambjent. Dħalna bħala impotenti bl-isperanza li l-Unjoni Ewropea se tkun qisha l-għalliema li tikkoreġina. Din kienet l-attitudni tagħna. Rajt u esperjenzajt nies li hawn Malta huma nies b’arroganza li tkessħek u li meta jkunu fl-Ewropa jidħlu f’qoxorthom. Ejja nieħdu l-kaċċa bħala eżempju. Jien favur l-għasafar, imma kien hemm bżonn li mmorru nitqatlu quddiem l-Unjoni Ewropea biex insibu soluzzjoni? M’aħniex kapaċi niddeċiedu bejnietna? Inħoss li aħna għadna ma fhimniex il-proċess ta’ kif inhi magħmula u ffurmata l-Unjoni Ewropea. L-Unjoni Ewropea hi għaqda ta’ stati differenti u l-kunċett Ewropew li jgħaqqad dan kollu hu unità fid-diversità. Din id-diversità tagħmel l-Unjoni Ewropea bħala xi ħaġa unika. Madwar il-mejda tal-Unjoni Ewropea, aħna stat daqs kull stat ieħor. Aħna stat kbir bħal kull stat ieħor u għandna l-identità tagħna. Il-kobor tal-istat ma jitkejjilx bil-qies imma bir-ruħ. Allura aħna daqshom imma mhux tagħhom u kull inferjorità minn naħa tagħna trid titneħħa.

Riċentement iddeskrivejt lil Malta bħala pajjiż fqir fejn jidħlu riżorsi naturali imma sinjur fl-umanità tiegħu. Għidt ukoll li kull wieħed u waħda minna huwa imprezzabbli.
Jiena nemmen fid-dinjità umana assoluta. Kull kreatura hija unika. Qegħdin f’sitwazzjoni dinamika l-ħin kollu. Ngħixu f’dan il-pajjiż żgħir fejn kważi kulħadd jiġi minn xulxin. Missirijietna ħadmu bla heda biex aħna qegħdin hawn illum. Aħna pajjiż sinjur ħdejn pajjiżi oħra. F’dan il-pajjiż żgħir tagħna ma tmutx bil-ġuħ, anqas qattus, aħseb u ara n-nies. Fi żmien missirijietna l-insularità tagħna kienet aktar akuta milli hi llum. Imma inkredibbli kif huma rnexxillhom jgħelbu dan kollu bil-bżulija u l-għaraq ta’ ġbinhom. Il-filosofija ta’ missirijietna kienet, “ħabib fis-suq, aħjar minn skud fis-senduq.” Dak hu propju xi jfisser networking u grazzi għal missirijietna llum għadna ngawdu dan il-pajjiż sabiħ li ngħixu fih.

L-Unjoni Ewropea tħeġġeġ studenti żgħażagħ sabiex jiksbu esperjenzi ta’ xogħol u taħriġ mingħajr ħlas f’forma ta’ Internships madwar l-Ewropa kollha. Int però tikkritika dawn l-esperjenzi bħala inaċċetabbli, għaliex?
Jien ma naqbilx mal-mistoqsija tiegħek. Minn fejn tista’ tikkwotahieli li tgħid mingħajr ħlas? Sibili fid-data tal-Unjoni Ewropea. Jien argumentajt din il-prattika fl-Unjoni Ewropea. Sewwa li lill-uliedna għax iridu jitgħallmu u jaħdmu ngħasruhom billi neħdulhom xogħolhom mingħajr ħlas? Jew li ntuhom xi ħlas miżeru ta’ €1.25 fis-siegħa? Dawn huma żgħażagħ li l-għan tagħhom hu li jikkumplimentaw ix-xogħol waqt li jitgħallmu u mhux biex ngħasruhom. Ara meta jkunu Brussell fuq xi internship dawn jitħallsu. Allura għaliex m’għandhomx jitħallsu f’kull post ieħor? Għaliex student li qed jieħu l-formazzjoni, eżempju miegħi, m’għandix inħallsu? Mhux xogħol ukoll qed jagħmel? Jien ħriġt b’żewġ soluzzjonijiet. Waħda minnhom hi li dawn jieħdu l-paga minima. It-tieni soluzzjoni hi li hemm 80 biljun għar-riċerka. Għax ma naqbdux 10 jew 20 fil-mija minnhom u nagħtuhom liż-żgħażagħ sabiex ninċentivawhom u ntuhom dinjità? Li nħaddmu studenti bla ma jitħallsu hu abbuż u forma oħra ta’ skjavitù. Dan jien argumentajtu ma’ Johannes Swoboda li hu l-President tas-Soċjal Demokratiċi li spiċċa tani raġun.

Bħala perit x’ifisser għalik l-Ambjent fuq din il-gżira żgħira li ngħixu fiha u li hi maħnuqa mill-iżvilupp urban?
Daħħalt ħafna kunċetti f’din il-mistoqsija, ħa nipprova nissimplifika. L-ambjent u l-iżvilupp imorru flimkien. Il-problema hija l-ispekulazzjoni. Ma tistax titkellem fuq ambjent bla ma titkellem fuq żvilupp. Fi gżira żgħira bħal ma hi Malta rridu nżommu quddiem għajnejna li dan huwa l-ġid komuni tagħna. Għalhekk irridu nżommu f’moħhna ġenerazzjonijiet futuri. Dari kien hemm ħafna żvilupp meta kkomparat mal-lum imma l-iżvilupp ta’ dari kien żvilupp kwalitattiv. Illum ma nipproduċux arkitettura. Illum nipproduċu biss bini. Uħud mill-postijiet li nibnu llum huma agħar minn gaġeġ.

L-aħbar tal-ħatra tiegħek bħala Ambaxxatur għar-Rumanija u l-Bulgarija tħabbret biss permezz ta’ ritratt maħruġ mid-dipartiment tal-informazzjoni ġimagħtejn ilu. Jidher iżda li int kien ilek li ġejt maħtur f’din il-kariga ferm qabel. X’ġara eżattament? Insew iħabbruk?
Jien ġejt ippreżentat bil-kredenzjali mill-President George Abela fi Frar. In-nies li semmewha dik jista’ jkun li għamluha mhux għax insew iħabbruni imma biex jagħtuni gambetta. Forsi biex jagħtu x’jifhem li jien mhux interessat fil-kandidatura għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, li mhux il-każ. Bħala membru parlamentari Ewropew, int tkun ambaxxatur għal Malta u jien diġà qiegħed ambaxxatur għal żewġ pajjiżi li huma fl-Unjoni Ewropea. Apparti li jien ukoll nagħti diversi pariri lill-pajjiżi oħra. Dik hija r-realtà. Meta nbidlet l-amministrazzjoni tal-gvern kien kellimni l-Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella, li għandi rispett kbir lejh. Jien mal-Bulgarija għandi relazzjoni tajba ħafna u għamilt id-dottorat hemm kif ukoll ngħallem hemm bħala visiting lecturer. Jien għandi anke l-firma ta’ Perit biex niffirma pjanti ġol-Bulgarija. Il-Ministru kien kellimni kemm għall-Bulgarija kif ukoll għar-Rumanija minħabba li dawn iż-żewg pajjiżi jitqiesu flimkien f’ħafna oqsma. Jiġifieri, jien ili li ġejt appuntat Ambaxxatur imma l-istqarrija tal-istampa qatt ma ħarġet. Il-preżentazzjoni tal-kredenzjali ssir meta l-Kap tal-Istat jagħtik id-data sabiex issir il-preżentazzjoni ċerimonjali. Ġeneralment dawn jgħaqqdu numru ta’ pajjiżi flimkien kif ġara fil-każ tiegħi fejn il-President tar-Rumanija għaqqad seba’ pajjiżi f’salt biex issir ċerimonja waħda. Ġimgħa qabel saret iċ-ċerimonja fir-Rumanija, jien irċevejt il-kredenzjali mingħand l-Eċċellenza Tagħha l-President Marie Louise Coleiro Preca sabiex inkun nista’ ngħaddihom lill-President Rumen. F’dawn il-kredenzali jkun hemm protokol fejn il-President Rumen jintalab jirtira l-ambaxxatur ta’ qabli u jaċċetta lili bħala l-ambaxxatur il-ġdid għal pajjiżu. Issa, bħala Ambaxxatur għal Bulgarija u r-Rumanija, jien non-resident, li tfisser li jien naħdem minn Malta. Illum bit-teknoloġija tal-informatika, li jien nemmen fiha u nużaha l-ħin kollu, kollox jista’ jsir fil-ħin u mingħajr ħafna skariġġ.

Jum il-votazzjoni jinsab magħna. Kif qed tħares lejn dan il-jum fejn il-poplu jista’ jbidillek ħajtek?
Għalija jien din hija vokazzjoni. Kont naf għalxiex dieħel u jekk inkun elett se jkolli nirriżenja minn ħafna affarijiet però ma narahiex li se tbidilli ħajti. Jien se nibqa’ l-istess Lino li jien illum.

Imma l-fatt li trid tqatta’ ħafna ħin barra l-pajjiż ma tbiddillekx ħajtek?
Hold your horses. Jekk nitla’ jien se naħdem b’mod differenti. Hemm il-kostrezzjonijiet li hemm bżonn isiru Brussell minħabba li jridu jittieħdu l-voti. Però jien mhux se ninsa li l-vot ta’ nhar is-Sibt huwa vot tal-Maltin u ta’ pajjiżi. Għalhekk, jekk inkun elett, se jkolli tliet uffiċċji għas-spejjeż tiegħi u l-unika talba li se nagħmel hi biex ningħata xahar ċans sakemm inkun nista’ nibda nuri x-xogħol u l-ħidma tiegħi. Fejn għandi bżonn se mmur Brussell imma llum għandna t-teknoloġija u nista’ naħdem minn diversi postijiet, inkluż minn Malta stess. Jekk il-poplu jagħtini l-fiduċja tiegħu se nkun nista’ nxammar il-kmiem biex mill-kliem ngħaddu għall-fatti.

 

Frederick Attard kien l-editur tal-gazzetta ILLUM bejn Marzu tal-2014 u Ġunju tal-2015. Kien ukoll il-producer ta' programmi televiżivi ta' Mediatoday.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook