Fl-aħjar interess tat-tfal

Helen D’Amato ġiet appuntata bħala Kummisarju tat-Tfal f’Mejju 2010 għall-perjodu ta’ tliet snin. Dan il-perjodu skada sena ilu iżda kienet ġiet mitluba biex tibqa’ f’din il-kariga sakemm tkun avżata mod ieħor. Mistoqsija jekk hijiex interessata li żżomm il-kariga f’każ li din tkun offruta lilha formalment, Helen D’Amato wieġbet li lesta taċċetta terminu ieħor.

Wara karriera politka fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, fejn anke kont Segretarju Parlamentari responsabbli mill-kura tal-anzjani, fl-20 ta’ Mejju 2010 int ġejt appuntanta Kummissarju tat-Tfal. Kif tħares lejn dawn l-erba’ snin li għaddew?
Il-passat tiegħi laqqani u ħdimt mat-tfal. Kienet ħidma ntensiva flimkien mat-tim enużjast li għandi. Sibna ħafna appoġġ minn diversi entitajiet kif ukoll minn Ministeri u entitajiet privati. Kull fejn hemm it-tfal jew jidħlu t-tfal dejjem ħdimna fl-aħjar interess tagħhom. Ħdimna fuq suġġetti differenti bħall-edukazzjoni, is-saħħa, l-isports, il-ħin liberu, sigurtà fit-toroq, l-użu tal-internet, id-drittijiet tat-tfal, tfassil ta’ standards, għamilna studji fuq it-tfulija u ħafna u ħafna affarijiet oħra. Naturlment ikollna ħafna laqgħat ma’ tfal u ġenituri sabiex nisimgħu dak kollu li jkun fl-interess tat-tfal.

Fl-ewwel diskors tiegħek wara l-ħatra bħala Kummisarju, inti tkellimt dwar erba’ pilastri importanti bħala l-linji gwida tiegħek. L-ewwel, il-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal. X’ġara matul dawn l-erba’ snin f’dan ir-rigward?
Jien nista’ ngħid li komplejt il-ħidma tal-predeċċestriċi ta’ qabli biex nippromovu d-drittijiet tat-tfal. Komplejna f’dak li nemmu, jiġifieri li l-ewwel champions għat-tfal għandhom ikunu l-ġenituri, magħhom jiżdiedu l-għalliema u dawk kollha li jaħdmu mat-tfal kif ukoll il-leġislatur biex jagħmel it-tibdiliet li hemm bżonn fl-interess tat-tfal. Għamilna numru t’attivitajiet bħalma huma korsijiet magħrufa bħala Rights for You li saru kemm Malta kif ukoll f’Għawdex u li għalihom kien hemm parteċipazzjoni qawwija ħafna. Ħriġna wkoll il-konvenzjoni tad-drittijiet tat-tfal b’mod stampat li hu attraenti u li jinftiehem mit-tfal. Il-Konvenzjoni hija għall-adulti u allura bilfors ridna li nippreżentawha b’mod li tasal għand it-tfal u li jifhmuha. Ipparteċipajna fit-tfassil tal-ewwel Draft Children’s Policy li kienet ħarġet għall-konsultazzjoni fl-2011/12. Erġajna wkoll ipparteċipajna dan l-aħħar meta kien qed isir proċess ieħor dwar din il-policy. Il-lista ma tispiċċax.

It-tieni pilastru gwida kien il-prevenzjoni tal-abbuż tat-tfal. Fejn wasalt fuq dan il-punt?
Nibda billi nsemmi l-Kiko u l-Id. Din hija kampanja maħruġa mill-Kunsill tal-Ewropa dwar l-abbuż sesswali fuq it-tfal. Sentejn ilu ħadna l-inizjattiva li naqilbu għall-Malti l-istorja ta’ Kiko u l-Id u konna id-9 lingwa li għamilna dan. L-istorja fiha wkoll gwida għall-ġenituri dwar kif għandhom jitkellmu fuq dan is-suġġett mat-tfal tagħhom. Sentejn ilu qassamnih lit-tfal kollha li kienu kinder 2 u year 1 u din is-sena erġajna għamilna print out oħra.
Saru wkoll numru ta’ videos kontra l-abbuż fuq it-tfal, positive parenting u l- . Ħafna mix-xogħol sar b’kollaborazzjoni mal-istudenti tal-Art & Design ta l-MCAST li kif tista’ tara għamlu xogħol fenomenali u m’għandix kliem biex nirringrazzjahom.
Għamilna wkoll l-Internet Safety u BeSmartonline fejn kontinwament inżuru l-iskejjel u ċentri fejn jiltaqgħu t-tfal. Filwaqt li aħna nemmnu li l-Internet huwa l-aktar ħaġa sabiħa li qed nesperjenzaw bħalissa aħna konxji wkoll li dan iġib miegħu diversi sfidi. Ħriġna għalhekk tip sheets dwar Facebook u Ask.fm u issa qed nistennew li jiġi pprintjat ieħor fuq Snapchat.
Għamilna seminars fosthom dwar positive parenting mal-aġenzija Sedqa u ieħor li kien immirat għall-ġurnalisti. Dakinhar ġibna lill-Ricardo Pires mill-UNICEF dwar kif għandhom jidhru t-tfal fuq il-mezzi tax-xandir. Komplejna nisħqu li s-swat fuq it-tfal għandu jkun għall-kollox abolit u llum bi pjaċir ngħidu li l-kunċett ta’ reasonable chastisement ġie abolit mil-liġi tagħna. Rajna l-age of criminal responsibility togħla.
Rajna wkoll matul dawn l-erba’ snin liġijiet ġodda u oħrajn imsaħħa kontra min jabbuża mit-tfal. Il-ħidma ma tiqafx.

It-tielet, il-parteċipazzjoni tat-tfal fis-soċjetà.
Dan ukoll huwa qasam li ppruvajna naħdmu ħafna dwaru. Regolarment niltaqgħu mat-tfal u mal-Youth Panel tagħna dwar diversi issues u inizjattivi li nkunu qed nieħdu. Eżempji prattiċi nista’ nsemmi li qabel ma sar il-ktieb My Rights, iddiskutejna ma’ numru ta’ tfal fi skejjel differenti dwar il-kontenut u l-istil tal-ktieb. Regolarment niddiskutu maż-żgħażagħ dwar il-materjal u l-programmi li rridu nsegwu fejn tidħol is-sigurtà fuq l-internet.
Bħalissa wkoll għaddejjin bi proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-Youth Manifesto li qed jiġi mħejji mill-Kummissjoni Ewropea permezz tal-Kummissarju Krooes dwar Better Internet . Jekk wieħed jidħol fil-paġna ta’ Malta jara d-diversi kummenti li qed iħallu t-tfal Maltin.
Għamilna konsultazzjoni mat-tfal dwar iċ-Children’s Policy. Ipparteċipajna u ffaċilitajna biex isir video dwar Children on the Move mill-ENOC fejn ipparteċipaw żewġ minuri mhux akkumpanjati. Qed nagħmluha wkoll possibbli għal numru ta’ tfal li jipparteċipaw u jsemmu leħenhom f’fora barra minn Malta. Għamilna ftit xogħol mhux ħażin.

F’dan ix-xogħol kollu li qed tagħmlu kif tinkludu lil-tfal b’diżabilità?
Għalina t-tfal b’diżablità huma nklużi ugwalment mat-tfal l-oħra f’kulma nagħmlu għax nemmnu f’inklużjoni totali. Għalhekk ma nagħmlu ebda referenza speċifika għal tfal b’dizabiltà għax għalina huma tfal bħall-oħrajn kollha. F’kull kors jew attività li nagħmlu dejjem ikun hemm tfal bi bżonnijiet varji imma għalina hija normali li nagħmlu l-mezzi kollha tagħna possibbli biex kulħadd ikun ittrattat ugwalment.

Ir-raba’ pilastu tiegħek kien li jkun hemm is-servizzi neċessarji għat-tfal biex anke jkunu evitati problemi. Wasalna?
Jiena qatt ma ngħid li wasalt għax il-mument li tgħidha tidba sejra lura. Irridu nkomplu naħdmu biex inkomplu nsaħħu s-servizzi għat-tfal u l-familja. Irridu dejjem inkunu kemm jista’ jkun pro-attivi biex nilħqu mal-isfidi tal-lum u ta’ għada. Bħalissa qegħdin nipproġettaw li jsiru żewġ studji – wieħed propju dwar il-fostering u l-ieħor dwar x’servizzi hemm bżonn għal dawk it-tfal li jkunu se joħorġu minn out of home care biex ikollhom dawk l-abbiltajiet ta’ kuljum li huma neċessarji biex ikampaw fil-komunità, biex isibu u biex iżommu x-xogħol.

Inti kont għidt ukoll li l-aqwa ħaġa li nistgħu nagħtu lit-tfal hija familja stabbli. Minn dak iż-żmien daħal id-divorzju f’pajjiżna u komplew jiżdiedu s-separazzjonijiet. Kif qed jintlaqtu t-tfal f’dawn iċ-ċirkostanzi?
Din hija xi ħaġa li aħna nemmnu bis-sħiħ. Dan l-uffiċċju dejjem qal li kemm jekk isir annulament, separazzjoni jew divorzju – dan b’xi mod jew ieħor se jħalli effett fuq it-tfal. L-effetti fuq it-tfal jkunu influwenzati mhux biss minħabba l-bidla kbira li tkun ser isseħħ f’ħajjithom imma wkoll bil-mod kif il-ġenituri tagħhom se jgħixu din il-bidla. Aħna nappellaw lill-ġenituri li jkunu xi jkunu ċ-ċirkostanzi li jwasslu għal din id-deċiżjoni li jkunu qed jieħdu, jridu jiftakru li t-tfal għandhom bżonn tal-ġenituri tagħhom sew jekk joqogħdu taħt saqaf wieħed u sew jekk le. Nappellawlhom li fir-rabja li jista’ jkollhom ma jużawx lit-tfal bħala mezz għall-iżvog tar-rabja tagħhom u lanqas jużawhom bħala ballun bejniethom biex iweġġgħu lil xulxin – għax fil-verità ma jkunux biss qed iweġġgħu lil xulxin imma jkunu qed iweġġgħu lil uliedhom stess li suppost qed jipproteġu.

Xahrejn ilu daħal ukoll iż-żwieġ ċivili bejn koppji tal-istess sess inkluż id-dritt tal-adozzjoni. Fid-dibattitu li sar fil-ġimgħat ta’ qabel daħlet il-liġi, ftit li xejn rajna jew smajna l-veduti tiegħek dwar l-adozzjoni tat-tfal minn dawn il-koppji.
Dan l-uffiċċju ta l-veduti tiegħu permezz ta’ kummenti lill-istampa. Jiena personalment ipparteċipajt fi programm tar-radju dwar dan is-suġġett. U jien ukoll personalment u fuq inizjattiva tiegħi pparteċipajt waqt is-seduti tal-Kumitat tal-Abbozzi tal-Liġi fejn kien hemm diskussjoni miftuħa qabel ma’ dan l-abbozz daħal fis-seħħ. Jien tlabt li nagħti l-veduti ta’ dan l-uffiċċju u dawn il-veduti tista’ tarahom fid-dokumenti tal-parlament u anke tismagħhom online. Dawn is-seduti kienu wkoll qed jiġu covered mill-istampa.

F’Novembru li għadda l-uffiċju tiegħek qassam noti ta’ informazzjoni għall-użu responsabbli ta’ Facebook u Ask.fm lil kull student/a ta’ Malta u Għawdex li j/tinsab fit-3 u fir-4 sena tal-iskola sekondarja. Kif intlaqgħet din l-inizjattiva?
Din l-inizjattiva nlaqgħet tajjeb ħafna. It-tfal illum huma Digital Natives u għalhekk l-istudenti sabuhom utli. L-għalliema sabuhom utli wkoll għax anke kien hemm skejjel li talbuna nagħtuhom aktar kopji. Fil-fatt bħalissa qed nistennew li tasal mingħand l-istampatur tip sheet oħra dwar Snapchat u li wkoll eventwalment ser inqassmuha fl-iskejjel kollha. Bħalissa qed nagħmlu xi ħaġa wkoll dwar Cyber Bullying għall-għalliema u dan qed nagħmluh ukoll mal-Unjoni tal-għalliema.

Fl-20 ta’ Novembru jiġi ċċelebrat madwar id-dinja il-Jum Dinji tat-Tfal. Bdejtu tippjanaw xi ħaġa?
Għal dawn l-aħħar erba’ snin aħna ċċelebrajna dan il-Jum b’modi diversi. Għal din is-sena diġà bdejna nagħmlu brainstorming intern dwar x’attivitajiet ser nagħmlu biex ninvolvu kemm jista’ jkun it-tfal u kif ukoll kif nistgħu ninvolvu wkoll l-adulti li jieħdu ħsiebhom.

More in Intervisti