Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

‘Arrivederċi’ Għawdex sa ma nerġgħu niltaqgħu

John Busuttil se jkun qed jirraporta minn Brussel għal dawn iż-żminijiet tal-Presidenza

John Busuttil / 11 ta' Diċembru 2016 11:14
John Busuttil waqt intervista ma' Leli tal-melħ f'waħda mir-rubriki ta' Għawdex
Għaddew ’il fuq minn tliet snin minn meta ddeċidejt, grazzi għall-edituri tal-ILLUM li nwassal il-leħen tal-Għawdxi fuq dawn il-paġni li kienu ferm popolari mal-Għawdxin. Kull bidu fih it-tmiem jgħidu, u anke din ir-rubrika tintemm illum. Iżda l-waqfa mhux suppost li se tkun dejjiema, iżda nsellem lill-Għawdxin sa ma nerġgħu niltaqgħu.

 

Quddiemi tfaċċat opportunità oħra, sfida ġdida, għax iva biex wieħed jilqa’ sfidi ġodda m’hemmx età. L-isfidi fil-ħajja jintemmu biss meta wieħed jiddeċiedi li jieqaf jiffaċċja sfidi. Personalment għalija, għadu ma wasalx dak il-mument u għalhekk mhux talli se naqsam il-fliegu din id-darba, iżda se mmur lil hinn mill-gżejjer tagħna.

 

Se ntir lejn Brussell fejn tinħema l-politika Ewropea, u fiż-żmien meta Malta jkollha l-presidenza tal-Ewropa, jien se nkun hemm nirrapporta minn Brussell dak li nkun qed nesperjenza u dak li jkun qed jinħema minn wara l-kwinti.

 

Bħalma f’dawn is-snin laqqajtkom ma’ diversi Għawdxin u l-ħajja f’Għawdex, issa se nlaqqagħkom ma’ diversi Maltin u anke Għawdxin li jinsabu Brussell jaħdmu bla waqfien ħalli dawn is-sitt xhur ikunu ta’ suċċess.

 

Għax wieħed għandu jkun jaf li għalkemm quddiem l-iscreens tat-televiżjoni u fil-paġni tal-kull ġurnal u siti jidhru l-Prim Ministru u l-ministri, warajhom hemm tim qawwi ta’ żgħażagħ u anke ftit akbar, ta’ Maltin u Għawdxin li jaħdmu bla heda għal Malta. Hemm mijiet u mijiet li jqattgħu sigħat twal quddiem il-laptops biex kollox jimxi fuq ir-rubini, iżda dawn ftit jew ħadd jafhom.

 

Se nipprova li f’dawn ix-xhur li ġejjin inlaqqagħkom ma’ ħafna minn dawn il-Maltin u nsiru nafu aktar dwar xi tfisser il-presidenza għal Malta. Se nipprova nġibilkom Brussell f’Malta mhux biss politikament iżda anke l-ħajja tal-Maltin fil-belt kapitali Belġjana.

 

Nixtieq ukoll inwassal messaġġ lill-Għawdxin li dan mhux l-addio, iżda biss l-arrivederċi. Jiġifieri se ma nerġgħu niltaqgħu, għalkemm il-kuntatti ma’ Għawdex se jibqgħu u jekk ikun hemm xi nwasslu lill-qarrejja tagħna, se nkomplu nagħmluh, għax matul xahar jew ieħor, naqbeż qabża lejn Malta u Għawdex, speċjalment jekk nimmissjah wisq.

 

Din hi sfida ġdida għalija u bħal kull sfida ġdida ma tkunx taf x’se ssib quddiemek u aktar u aktar ma tafx kemm se tħoss in-nuqqas ta’ dak li tħalli warajk. Jibqa’ fatt li din lest għaliha, u  preparat sa snieni. Issa jirnexxilix jew le, dak iż-żmien biss jista’ jagħtina parir. Se nħoss in-nuqqas mhux biss lil familja u lill-kollegi tiegħi tal-Illum, f’Malta u anke Għawdex, iżda wkoll il-qarrejja tal-paġni tiegħi Għawdxin u mhumiex, u għalhekk irrid li jirnexxili noħloq interess biżżejjed għalikom li tkomplu ssegwu l-kitba tiegħi fuq l-Illum.

 

Bil-ħaqq xorta se nkun insegwi dak li jkun għaddej f’Malta u Għawdex, permezz ta’ Facebook, il-portals tal-aħbarijiet u anke ta’ dawk li jgħadduli xi zekzik jew aħbar.

 

Sadattant ‘arrivederci’ u sa ma nerġgħu niltaqgħu.

 

John Busuttil attenda is-Seminarju tal-Arċisqof fil-livell sekondarju. Fl-1978 attenda għal kors tal-Method Study organizzat mill-Malta Institute of Management u ġie ċċertifikat fil-Method Time Study. Fl-1987 attenda b’suċċess għal kors fil-Middle Management organizzat mid-dipartiment tal-Management studies fl-Universita ta’ Malta. Għal erba snin sħaħ, 1994, 2000, 2001 u 2004 kien finalist tal-ġurnalist tas-sena fil-BPC awards u fl-2004 ingħata dan l-unur għal 'significant contribution to Professional Journalism' Producer & Presenter ta' diversi programmi fuq NET TV, SMASH TV, PBS u ONE TV. Ipproduċa u ppreżenta programmi radjufoniċi dwar Vjaġġar u Sport u pparteċipa f'diversi programmi televiżivi u radjufoniċi dwar suġġetti varjati. Għal 43 sena ħadem mal-Media Link. U bħalissa jaħdem mal-MediaToday.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook