Mifrux fuq medda ta’ 20,000 metru kwadru ta’ art u animat b’aktar minn 150 attur

It-tmien edizzjoni ta’ Bethlehem f’Għajnsielem 2016

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo niedew it-tmien edizzjoni ta’ Bethlehem f’Għajnsielem.

Għal sena oħra, Għajnsielem se jilqa’ eluf ta’ viżitaturi sew lokali kif ukoll barranin li jagħżlu lil Għawdex fiż-żmien festiv. L-edizzjoni ta’ din is-sena se tkompli ssaħħaħ l-esperjenza unika tal-Milied. Għal sena oħra, il-Ministeru għal Għawdex ra li l-attività Bethlehem f’Għajnsielem għandha tkompli ssir bil-kontribut tal-kunsill lokali, tal-parroċċa u tal-għaqdiet kollha ta’ Għajnsielem sabiex bħal kull sena tkun suċċess bi presepju mifrux fuq medda ta’ 20,000 metru kwadru ta’ art u animat b’aktar minn 150 attur.

Għal din l-edizzjoni, Għawdex se joffri programm interessanti u varjat għal kull età, mill-kbar saż-żgħar.

Il-Ministru Refalo qal li Bethlehem f’Għajnsielem daħal sew fil-kalendarju tal-Milied u qed jattira Maltin kif ukoll turisti lejn Għawdex, filwaqt li jkun ta’ reklam barra minn xtutna. Din l-attività, li kompliet tikber minn sena għall-oħra, dejjem toffri attrazzjonijiet ġodda kull sena. Il-Ministru qal li din is-sena Bethlehem f’Għajnsielem se titfaħ il-bibien nhar il-Ħadd 11 ta’ Diċembru mill-Prim Ministru Joseph Muscat.

Il-Ministru u s-Segretarju Parlamentari ntwerew il-post fejn ġie spjegat li din is-sena, minflok inbnew kmamar u strutturi ġodda bħalma sar f’edizzjonijiet preċedenti, l-enfasi hi aktar fuq il-kwalità tal-esperjenza li toffri Bethlehem f’Għajnsielem. Barra minn hekk se jiżdiedu numru ta’ attivitajiet waqt il-ħin tal-ftuħ u aktar attività f’Chambray li se tinbidel f’fortizza Rumana. Se tiżdied ukoll l-attività tas-snajja’ Maltin u se jkun hemm sessjonijiet ta’ qari għat-tfal iż-żgħar.

Din is-sena sar titjib ukoll fl-aċċessibilità tal-passaġġi li jagħtu minn Triq l-Imġarr għal Ta’ Passi permezz tat-twessigħ tal-passaġġi.

Il-Ministru Anton Refalo rringrazzja lil kull min, għal sena oħra, ta sehmu biex Bethlehem f’Għajnsielem tkun suċċess, filwaqt li ħeġġeġ lill-pubbliku biex jattendi għad-diversi attivitajiet li se jkunu organizzati. Bethlehem f’Għajnsielem se tkun okkażjoni sabiħa għal kull min iżur Għawdex f’dan iż-żmien tas-sena.

“Il-komunitajiet jagħmlu s-soċjetà. Komunità tgħaqqadna u tagħtina identità. Għalhekk, aħna nemmnu f’komunitajiet b’saħħithom; li ninvestu fil-komunitajiet biex dejjem narawhom jissaħħu”, qal Stefan Buontempo. Hu kompla jgħid li hi karatteristika partikolari tal-gżejjer tagħna li kważi f’kull villaġġ issib teatru, iżda l-komunità tmur lil hinn mill-konfini ta’ spazju u toħroġ fil-pjazez biex tfakkar u tgħix it-tradizzjonijiet reliġjużi li huma parti mill-identità tagħna. Naraw ħafna turisti li jiġu biex jesperjenzaw dawn it-tradizzjonijiet tant rikki, u hu fl-interess tagħna li nagħtu iktar importanza lit-turiżmu reliġjuż anke bl-għajnuna tal-kunsilli lokali. Is-Segretarju Parlamentari rringrazzja lil-lokalità ta’ Għajnsielem u kunsilli lokali oħra li qed jieħdu l-inizjattiva biex ikomplu jsaħħu l-komunitajiet fi żmien il-Milied.

More in G?awdex