Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

Iċ-Ċess laqqagħha m’Għawdex .....u issa trid tlaqqgħu mal-Għawdxin

‘Inħobb Għawdex aktar minn Malta għax  hemm inqas nies, inqas karozzi u aktar kalma’

John Busuttil / 2 t'Ottubru 2016 12:22
Monika Gergelova hi tfajla ta’ 33 sena, oriġinarjament mis-Slovakkja, li għexet l-Ingilterra u llum tgħix Għawdex. Hi tfajla li l-akbar imħabba tagħha hi l-logħba taċ-ċess. Logħba li laqqgħeta m’Għawdex u spiċċat tgħix hawn bil-ħsieb li tkabbar din il-logħba f’din il-gżira.

Monika qaltilna li hi ħabbet din il-logħba minn meta kellha sitt snin, “iz-ziju tiegħi kien għamilli l-biċċiet taċ-ċess tal-injam u ħija kien ġabli sett taċ-ċess manjetiku mir-Russja li konna nilagħbu bih kull nhar ta’ Ħadd ma’ missieri u ħija. Iżda qatt ma kont tajba biżżejjed biex nirbħilhom. Kont ħafna aħjar fid-draughts. Sitt snin ilu mort mal-partner tiegħi f’tournament taċ-ċess u meta bdejt nara lil kulħadd jilgħab iċ-ċess emmint li la setgħu jilagħbuh dawk, stajt nilagħbu jien. Issa ilni erba’ snin nilagħbu b’mod professjonali. Sirt immur nilgħab tournaments u dejjem qed nogħla fil-grad tiegħi fejn ix-xewqa tiegħi hi li nitla sal-grad 200.”

 

Mitluba tgħidilna xi tfisser għaliha din il-logħba, Monika qaltilna li hi sfida li tħallik tikkompeti kontra ħaddieħor billi tuża moħħok u jdejk biex tmexxi l-biċċiet minn fuq il-board. “Togħġobni għax hi logħba li ma tistax tqarraq fiċ-ċess biex tirbaħ. Trid tilgħab kontra moħħok stess.” Monika qaltilna li kemm ilha tilgħab iċ-ċess, għenha biex saret tikkalkula aħjar meta l-matematika qatt ma kienet tħobbha. “Sirt aktar paċenzjuża u nieħu deċiżjonijiet aħjar u ma ngħaġġilx qabel niddeċiedi. Iċ-ċess jgħinek fix-xogħol u fid-deċiżjonijiet li tieħu fil-ħajja. Niftakar li qabel bdejt nilgħab iċ-ċess, lanqas paċenzja noqgħod bilqiegħda ma kelli, ma kontx kapaċi niffoka fit-tul u kont hyperactive. Illum kapaċi nikontrolla n-nervi tiegħi. Iċ-ċess jgħinek ukoll li tkun kapaċi tneħħi kull problema minn moħħok li jkollok, u bħala mara hu diffiċli li tagħmel dan, għax il-mara temozzjona ruħha ħafna u dejjem taħseb fuq ħafna affarijiet iżda ċ-ċess għeni biex ninsa kollox u nidħol f’dinja għalija.”

Din il-logħba kienet li laqqgħetha m’Għawdex. “Kont niġi Malta għat-tournaments ‘open’ kull sena u darba żort Għawdex u ħabbejtu mmens. In-nies, il-pajsaġġ, l-arja friska, il-prodotti agrikoli friski u nħossni aktar sigura. U jien li kont ngħix Londra u esperjenzajt Għawdex, id-differenza kienet enormi għalija. U l-klima li kważi dejjem xemx tħossok aktar pożittiva.” Monika qalet ukoll li d-differenza bejn Malta u Għawdex hi li f’Għawdex hemm aktar trankwillità, inqas nies u inqas karozzi.

Monika llum torganizza tournaments taċ-ċess madwar id-dinja fejn is-sena li għaddiet organizzat l-ewwel wieħed f’Għawdex li se jiġi muri fuq il-BBC fi programm jismu ‘Checkmate’ u din is-sena organizzat ieħor f’Londra. “Ridt norganizza tournaments kif inħobb nilgħab jien: f’kundizzjonijiet tajbin, atmosfera sabiħa, post komdu u li nġib grandmasters li jilagħbu fih b’rigal qawwi. Iċ-ċess mhux futbol, iżda fid-dinja hawn aktar nies jilagħbu ċess milli jilagħbu futbol. L-unika fattur negattiv hu li dan l-isport mhux imbuttat bħal sport ieħor. Biex tilgħab iċ-ċess, ma tużax ħafna attività fiżika iżda hu attiv ħafna għall-moħħ li tista’ titlef ħafna kaloriji tilgħab iċ-ċess. Jekk tqatta’ ħames sigħat tilgħab iċ-ċess, titlef ħafna kaloriji minħabba li tkun iffukat fuq il-logħba u tiekol u tixrob mill-inqas.”

Tlabtha tgħidilna eżatt x’inhu l-programm televiżiv li se jibda jidher fuq il-BBC, ‘Checkmate’ fejn qaltli li l-idea ġietha tliet snin ilu meta bejnha u bejn ruħha qalet, ‘għaliex m’hemmx ċess fuq it-televiżjoni?’ Fis-sittinijiet u s-sebgħinijiet kien hemm programm fuq il-BBC jismu ‘MasterGame’. Il-logħba taċ-ċess hi interessanti li taraha jekk tkun taf ir-regoli u għalhekk iddeċidejt li fil-programm indaħħal nies tekniċi li jfiehmu l-logħba lit-telespetattur. Żidt ukoll l-opinjoni tal-kummentatur li jfiehem x’qed jaħseb il-plejer qabel jagħmel il-mossa li jmiss. Anke jekk tkun taf tilagħbu, hu interessanti li titgħallem kif jaħseb ħaddieħor, speċjalment jekk ikun xi grandmaster. Għalhekk, ‘Checkmate’ hu programm għal kulħadd u mhux għal dawk li jafu jilagħbuh biss.”

Monika organizzat l-ewwel programm f’Għawdex fejn qaltli li kien ferm interessanti li ħafna mill-plejers lanqas kienu jafu jew qatt żaru Malta jew Għawdex. Kien hawn preżenti anke grandmasters fejn ir-rebbieħ ħa €40,000. “Il-plejers iġġennu fuq Għawdex speċjalment ix-xemx, l-ikel u l-irħula Għawdxin u kollha wrew ix-xewqa li jirritornaw f’Għawdex.”

Iż-żagħżugħa Slovakka, adottata f’Għawdex qalet li għandha ħolma li timbotta din il-logħba f’Għawdex bħalma jilagħbuha f’Malta. “Is-snin sittin kienu snin mingħajr kompjuters u mobiles u n-nies kienu jilagħbu aktar ‘board games’ bħaċ-ċess, karti, draughts, dominos eċċ. Il-ġenerazzjoni tal-lum qas taf kif taħseb mingħajr it-tablet u dawn il-‘board games’ jistgħu jgħaqqdu familja sħiħa, u s-sabiħ meta wieħed jirbaħ jew jitlef. Niftakar meta kont nitlef kontra missieri u ħija iżda llum nirbħilhom.”

Monika qed taħdem biex tiftaħ chess club f’Għawdex li fih tintlagħab il-logħba regolari u anke jistgħu jmorru tfal u anke adulti biex jitgħallmu jilagħbuh. “Imbagħad wara li jkun hemm plejers tajbin, nibdew norganizzaw tournaments bejniethom u anke kontra clubs Maltin. U għaliex le, nibdew nikkompetu kontra pajjiżi oħra. Qaluli li fiż-żmien, f’Għajnsielem kien hemm chess club u nixtieq li dan jerġa’ jinfetaħ.”

Monika qalet li jkun tajjeb li ċ-ċess jiġi mgħallem fl-iskejjel għax din il-logħba ttejjeb il-ħiliet tal-kalkoli, kif taħseb b’mod strateġiku u li tkun aktar paċenzjuż.

Mitluba ssemmi d-differenza bejn it-tliet pajjiżi li għexet, jiġifieri l-Islovakkja, Londra u Għawdex, Monika qalet li kull pajjiż għandu s-sabiħ tiegħu, u kull pajjiż hu differenti minn xulxin. “Inħoss in-nuqqas tal-muntanji u l-ħbieb tas-Slovakkja, il-ħwienet, il-kultura u l-ħbieb li għandi f’Londra, iżda lill-Għawdex inħobbu wisq, speċjalment ix-xemx li hi nieqsa ferm f’Londra. F’Għawdex, il-ħajja hi iżjed kalma u tagħtik spazju biex tgħix u mhux dejjem taħdem bla waqfien. Immur l-Ingilterra b’mod regolari għax għandi n-negozju tiegħi hemm u għandi post fejn noqgħod hemm, iżda dejjem ikolli seba’ mitt sena biex nirritorna Għawdex.”

Sadanittant, Monika għadha kif laħqet ftehim biex minn din is-sena, tibda tgħallem iċ-ċess f’On the Move Skola Sport fejn għall-klassijiet tagħha huma anke mistiedna l-adulti u l-ġenituri tat-tfal. It-tagħlim se jsir fil-Gozo Sports Complex nhar ta’ Ġimgħa filgħaxija.

John Busuttil attenda is-Seminarju tal-Arċisqof fil-livell sekondarju. Fl-1978 attenda għal kors tal-Method Study organizzat mill-Malta Institute of Management u ġie ċċertifikat fil-Method Time Study. Fl-1987 attenda b’suċċess għal kors fil-Middle Management organizzat mid-dipartiment tal-Management studies fl-Universita ta’ Malta. Għal erba snin sħaħ, 1994, 2000, 2001 u 2004 kien finalist tal-ġurnalist tas-sena fil-BPC awards u fl-2004 ingħata dan l-unur għal 'significant contribution to Professional Journalism' Producer & Presenter ta' diversi programmi fuq NET TV, SMASH TV, PBS u ONE TV. Ipproduċa u ppreżenta programmi radjufoniċi dwar Vjaġġar u Sport u pparteċipa f'diversi programmi televiżivi u radjufoniċi dwar suġġetti varjati. Għal 43 sena ħadem mal-Media Link. U bħalissa jaħdem mal-MediaToday.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook