Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

UMANI: Il-Ħajja ta’ Kuljum: Nisġa ta’ żfin u mużika tribali

  • Jinżel is-siparju fuq l-inawgurazzjoni taċ-Ċittadella

John Busuttil / 5 ta' Settembru 2016 15:55
 

Xahrejn ilu tela’ s-siparju fuq il-proġett ‘spettaklu’ tal-Perla Għawdxija, iċ-Ċittadella. Kien proġett li ntlaqa’ tajjeb minn kulħadd, miż-żewġ partit fejn bdieh wieħed u komplieh l-ieħor, mill-Għawdxin kollha, anke dawk ta’ Santa Marija li raw lil patruna tagħhom ħierġa mill-bieb ġdid taċ-Ċittadella, mill-Maltin kollha li żaruha u anke mit-turisti. Insomma proġett li min ħadem fuqu ħaqqu prosit kbira, mill-kbir saż-żgħir, minn dak li ħolom bih għal dak li ħadem biex tlesta.

Sadanittant, grupp Għawdxi fil-kultura ħa ħsieb li matul it-tliet xhur tas-sajf jinħolqu avvenimenti li jkomplu jsebbħu dan il-proġett. Issa wasal biex jinżel is-siparju fuq l-inawgurazzjoni taċ-Ċittadella li għal min ma jafx, darba kienet Għawdex innifsu u l-uniċi Għawdxin kienu jgħixu fiha. Illum hi l-unika belt kapitali mdawra bis-swar li hi abbandunata, jiġifieri li ma jgħix ħadd fiha.

Yoga għall-inżul ix-xemx

Nhar is-Sibt 10 ta’ Settembru bejn is-6.30 u s-7.30 p.m.

 

Sessjoni ta’ Yoga mill-għalliema famuża tal-Yoga Cinzia di Cioccio. Sessjoni miftuħa għall-pubbliku kollu bla ħlas. Kull min ikun irid jipparteċipa, kulma għandu bżonn hu tapit tal-yoga u xejn iżjed. Qabel is-sessjoni li se ssir fiċ-ċentru kulturali taċ-Ċittadella se jkun hemm seminar qasir u wirja ta’ yoga għall-għalliema kollha tal-Yoga. Dawk kollha li jridu jipparteċipaw għas-seminar u għas-sessjoni tal-Yoga kulma jrid jagħmel li jibbukkja postu billi jċempel 79797144.

 

Kunċert live minn DCapitals fil-foss

Il-Ħadd 11 ta’ Settembru bejn mit-8 sal-11 ta’ bil-lejl

 

Grupp ta’ 19-il mużiċist Għawdxi u Għawdxija li jiffurmaw din il-band li ddoqq diversi stili ta’ mużika llum saru ferm popolari mhux biss f’Għawdex iżda kull fejn idoqqu, fejn id-daqq ferrieħi tagħhom jintogħġob minn kulħadd. Dan il-grupp li jdoqq mużika pop, rock, jazz u swing se jkun akkumpanjat minn kantanti stabbiliti Maltin bħal Ludwig Galea, Nadine Axisa, Fabian Galea u Joelene Samhan u l-kunċert se jkun taħt id-direzzjoni ta’ George Apap.

 

Is-siparju jinżel b’manifestazzjoni stupenda

UMANI

Il-Ġimgħa 16 ta’ Settembru fid-9 p.m.

 

Ma jistax jonqos li l-inawgurazzjoni taċ-Ċittadella ma tagħlaqx bil-kbir, bi spettaklu li fih nisġa ta’ żfin kontemporanju mill-Body Art Dance Group, immexxi minn Angelo Bonello bil-mużika vibranti tat-Tribali. Spettaklu uniku li għandu jpaxxi lil kull min jattendi. Spettaklu li l-poplu Għawdxi u anke dak Malti jista’ jgawdih mingħajr ma jħallas xejn għalih u waqt iż-żfin ikun hemm anke siġġijiet fejn wieħed jista’ jgawdi ż-żfin tal-grupp ta’ Angelo Bonello b’kumdità.

Tkellimna mal-koreagrafu u d-direttur artistiku tal-grupp Body Art Dance Group li qalilna li ż-żfin se jsir minn grupp ta’ tmien żeffiena li iżda jikber għal 20 żeffien/żeffiena waqt li jkunu qed idoqqu t-Tribali. Angelo qalilna li ilu jħejji għal din iż-żifna għal xahrejn u nofs, “fejn se jkun hemm backdrop mill-isbaħ ta’ kanċell fil-foss taċ-Ċittadella. Se jkun hemm wirja ta’ dwal u ħoss mill-aqwa u mhux ta’ min jitlef dan l-ispettaklu mill-aqwa,” qalilna Bonello.

Staqsejnieh eżatt x’inhu s-suġġett ta’ UMANI fejn qalilna li “Umani hi r-ritmu tal-ħajja, u kif aħna l-umani nimxu triqitna f’din id-dinja. Il-ħajja ta’ kuljum bl-inżul u t-tlajja’ li niltaqgħu magħhom. Aħna l-umani ngħixu ħajja individwali iżda fl-istess waqt magħquda ma’ xulxin. Il-ħajja tagħna fiha l-grazzja u l-ġmiel, iżda fl-istess waqt hemm in-negattiv ukoll, l-imperfezzjoni li tiddefinina aktar bħala UMANI.”

L-atmosfera u l-mużika ta’ Tribali kienet faċli li tnissiġha mal-koreografija, “għax għandhom ħoss tan-natura u l-ħoss tat-tnabar jivvibra u jingħaqad mal-ħoss tan-natura nnifisha. Għalhekk il-ħoss ta’ Tribali jikkrea ġibda li jġiegħlek tiżfen għalih. Peter Paul ġie wkoll b’viżjoni qawwija għal dak li qed jistenna għal koreografija ħolistika. Parti ferm diffiċli kienet diska partikolari li tħossha li ma tieqaf qatt, din id-diska tibqa’ sejra u sejra u sejra....b’mumenti li juruk li se tispiċċa u terġa’ taqbad ir-ritmu għal darba, darbtejn u aktar. Sadattant ironikament dan jikkonferma d-disinn tiegħi tal-produzzjoni innifisha ta’ Umani, il-perċezzjoni tiegħi tal-umanità u l-ħajja nnifisha.”

Tlabnih jgħidilna lil min jaħseb li jogħġob dan l-ispettaklu u qalilna li onestament ma jafx, “Żgur li se jkun hemm min se togħġbu mmens, se jkun hemm dawk li jieħdu gost jarawha, dawk li forsi ma jifhmuhiex u dawk li forsi ddejjaqhom ukoll. Iżda preċiżament dan huwa dak li se jagħmel dan l-ispettaklu suċċess. Il-fatt li bħala umani aħna ma nistgħux nikategorizzaw lil bniedem jew nittimbrawh u npoġġuh f’gaġeġ separati kif ikun jixtieqna ħaddieħor. Għalhekk jien miftuħ għal reazzjonijiet differenti. Ma nistenna xejn partikolari mingħand ħadd u fl-istess waqt nippretendi li l-udjenza m’għandhiex tistenna xejn partikolari...għax aħna dak li aħna...UMANI.”

 

John Busuttil attenda is-Seminarju tal-Arċisqof fil-livell sekondarju. Fl-1978 attenda għal kors tal-Method Study organizzat mill-Malta Institute of Management u ġie ċċertifikat fil-Method Time Study. Fl-1987 attenda b’suċċess għal kors fil-Middle Management organizzat mid-dipartiment tal-Management studies fl-Universita ta’ Malta. Għal erba snin sħaħ, 1994, 2000, 2001 u 2004 kien finalist tal-ġurnalist tas-sena fil-BPC awards u fl-2004 ingħata dan l-unur għal 'significant contribution to Professional Journalism' Producer & Presenter ta' diversi programmi fuq NET TV, SMASH TV, PBS u ONE TV. Ipproduċa u ppreżenta programmi radjufoniċi dwar Vjaġġar u Sport u pparteċipa f'diversi programmi televiżivi u radjufoniċi dwar suġġetti varjati. Għal 43 sena ħadem mal-Media Link. U bħalissa jaħdem mal-MediaToday.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook