Il-Labour għadu jiddomina f’Għawdex

Refalo l-iġgant politiku....Said postu garantit fil-Parlament

Wara snin twal, l-Għawdxin dawru l-pinnur tagħhom lejn il-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni u jidher li din ix-xejra għadha b’saħħitha f’Għawdex, anke jekk forsi l-Partit Nazzjonalista qed jipprova jagħti stampa differenti.

Il-fatt li l-Ministru għal Għawdex Anton Refalo, igawdi fiduċja kbira, mhux biss mil-Laburisti iżda anke minn votanti tiegħu personali li jagħtuh il-vot u jkomplu fuq kandidati tal-PN, juri li l-avukat tal-fatti aktar mill-paroli, kien u għadu l-aktar personalità politika b’saħħitha f’Għawdex.

Refalo huwa popolari anke jekk il-kompetizzjoni fil-kamp Laburista hi mill-aktar qawwija. Fil-fatt, għandek ‘heavyweights’ bħal Justyne Caruana, Franco Mercieca, Joe Cordina u Clint Camilleri, minbarra li tħabbat il-bibien hemm ukoll l-avukat Josianne Cutajar, tfajla żagħżugħa ta’ 26 sena min-Nadur, li hi ċ-chairperson tan-Nisa Laburisti f’Għawdex u kunsilliera laburista fin-Nadur.

Justyne Caruana anke jekk is-segretarjat tagħha hu f’Malta, xorta tibqa’ popolari f’Għawdex anke jekk ftit tista’ taqdi Għawdxin, tant li qed taħdem ħafna fejn jidħlu anzjani u persuni b’diżabbiltà f’Għawdex. Mhux xi sigriet li Refalo ma tantx tinżillu għasel li Justyne tidħollu fl-għalqa u lanqas hu sigriet li bejn Justyne u Anton ma tantx hemm amor qed ifur.

Franco jgawdi l-appoġġ tal-iswitchers...imma jżid voti?

Franco Mercieca mhux mistenni li jżid voti minħabba l-fatt li hu kien reħa minn idu s-segretarjat parlamentari u b’hekk in-nies tiegħu ma tantx ġew moqdija. Iżda l-fatt li Mercieca hu wieħed mill-aqwa oftamolġisti f’Malta u huma ħafna mijiet li jaqdi bil-professjoni tiegħu, għandu jgħinu li jżomm postu fil-Parlament. Dan minbarra li Franco Mercieca jgawdi l-fiduċja tal-iswitchers, minħabba li hu magħruf bħala persuna aktar politikament moħħha miftuħ u li jemmen fil-meritokrazija. Refalo, anke jekk għandu rispett miż-żewġ naħat, xorta jagħżel lin-nies tiegħu u lil dawk li jagħtuh is-sostenn, fejn jidħlu promozzjonijiet f’Għawdex.

Franco Mercieca  qed jittama li jekk iżomm is-siġġu fl-elezzjoni li jmiss, jista’ wkoll jirbaħ is-siġġu Ministerjali f’Għawdex.

Clint jista’ ma joħroġx

Clint Camilleri ma rebaħx siġġu fil-Parlament Ewropew bi żbrixx. Huwa wkoll ħabib kbir ta’ Refalo, tant li ħafna jaħsbu li l-perit Camilleri jista’ jagħżel li ma jikkontestax l-elezzjoni li jmiss biex ma jtellifx miċ-ċansijiet ta’ Refalo, għalkemm jekk jaħdem id f’id ma’ Refalo, jista’ jkun li jirbaħ siġġu mill-wirt tiegħu hekk kif jidher li l-Ministru mhux se jitlef wisq mill-kważi 5,000 vot li kien ġab fl-aħħar elezzjoni. Barra minn hekk, Clint Camilleri ma jistax jerġa’ jħares lejn l-Unjoni Ewropea fl-elezzjoni li jmiss għax din id-darba m’hemmx l-element tal-kaċċa li tant rebbaħlu voti.

Joe Cordina. Is-sorpriża Laburista?

Joe Cordina, li fl-aħħar elezzjoni għażel li ma jikkontestax wara li l-PN ipprova jimplikah fil-famuż skandlu taż-żejt għadu ma ħabbarx b’mod uffiċjali, li se jikkontesta l-elezzjoni. Iżda sorsi qalu lill-ILLUM li dan se jikkontesta u “żgur li Cordina jista’ jkun is-sorpriża Laburista wara s-suċċess li kellu fil-finanzi tal-Partit u tal-Gozo Channel.” Barra minn hekk Cordina hu wieħed mill-kandidati favoriti ta’ Joseph Muscat.

Il-Partit Nazzjonalista: Lil Said jew tħobbu jew le 

L-uniku ‘heavyweight’ f’Għawdex tal-Partit Nazzjonalista bħalissa hu Chris Said, li bla dubju għandu postu garantit fil-Parlament, anke wara l-elezzjoni li ġejja. F’Għawdex, Chris Said igawdi minn popolarità maqsuma. In-Nazzjonalisti, lil Said jew iħobbuh jew ma jniżżluhx, iżda xorta għandu biżżejjed segwaċi biex iżid il-voti mill-aħħar elezzjoni, speċjalment minn dawk in-Nazzjonalisti li mhux qed jaraw wisq sugu mill-kandidati l-ġodda. S'issa Said igawdi wkoll mill-maġġoranza tal-voti Maltin li huma reġistrati f'Għawdex. Iżda jekk joħroġ Simon Busuttil fuq Għawdex dawn għand min se jmorru?

Giovanna tibqa’ popolari minkejja kollox

Il-Partit Nazzjonalista għadu ma rebaħx il-fiduċja tal-Għawdxin anke għall-fatt li taħt Refalo, Għawdex far bil-ġid, u n-negozjanti, sidien ta’ ristoranti u proprjetajiet, faru bix-xogħol. Barra minn hekk, il-PN ma jistax isib sostitut għall-‘imperatriċi’ Għawdxija, Giovanna Debono li anke jekk żewġha għaddej minn każ fil-Qorti b’akkużi ta’ frodi ta’ finanzi pubbliċi, xorta l-Għawdxin (anke dawk Laburisti) ma jarawx li saru affarijiet daqshekk kbar kontra Għawdex. Skont kif jitkellmu l-Għawdxin, żewġha kien jaqdi lil kulħadd, anke Laburisti u għalhekk għadha popolari. Huwa għalhekk forsi li l-Partit Nazzjonalista għadu qed jiġri wara bint Debono biex tieħu post ommha.

Is-Sindku Rabti, Samuel Azzopardi, kien l-aktar favorit li jieħu t-tieni siġġu Għawdxi billi kien mistenni li jieħu l-voti kollha ta’ Frederick Azzopardi, hekk kif għandu parentela miegħu u voti li ħalliet warajha Giovanna. Iżda dan għadu ma tax il-kelma uffiċjali tiegħu li se jikkontesta u bħalissa mhux qed jgħix f’Għawdex full time.

Ryan dar id-djar kollha t’Għawdex, imma ...

Ryan Mercieca hu żagħżugħ li qed jidher f’kull festa u f’kull raħal. Diġà kważi dar d-djar kollha f’Għawdex iżda jibqa’ fatt li dan għadu mhux fdat wisq mill-votanti kollha Nazzjonalisti għax ħafna jgħidu li dan ġej mill-kamp Laburista u allura jeħtieġ li jkun hemm attenzjoni. Barra minn hekk, Ryan Mercieca qed jaħdem għall-voti ta’ Giovanna Debono u ma tantx jara mill-istess lenti ta’ Chris Said.

Kevin Cutajar li hu avukat u kunsillier nieqes mid-dawl kien viċin fl-aħħar elezzjoni, iżda l-fatt li ma jgħix Għawdex jista’ jtellfu l-voti, anke jekk hu Kunsillier tax-Xagħra. Hemm ukoll l-avukat Joseph Attard li hu Kunsillier ix-Xagħra li hu popolari aktar fil-lokalità tiegħu milli madwar Għawdex. U kunsilliera oħra hi Maria Portelli li skont il-kwartieri tal-PN hi żagħżugħa li qed taħdem iżda għada m’għamlet l-ebda impatt f’Għawdex s’issa.

Il-fatt li l-PN f’Għawdex reġa’ ġie taħt idejn Euchar Mizzi b’ibnu, Edward li huwa saħansitra s-segretarju tal-Kap tal-PN Simon Busuttil u ibnu l-ieħor Kevin (li kien PA ma' Simon meta kien MEP u llum fl-amministrazzjoni ta' Therese Comodini Cachia. Dan ifisser ukoll li l-PN f’Għawdex reġa’ qed jitmexxa mill-istess persuna li kien imexxi l-partit qabel it-telfa elettorali kolossali tal-2013 u reġa’ ħa r-riedni wara li kien twarrab minn Chris Said meta kien segretarju Parlamentari, għax Għawdex hu sigriet ieħor magħruf li Chris Said u Euchar Mizzi mhumiex l-akbar ħbieb.

Din l-analiżi turi biċ-ċar li l-Labour hu aktar ingranat u Refalo għadu l-ġgant politiku ta’ Għawdex.

More in G?awdex