Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

'Għawdex l-ewwel u qabel kollox'

“Flok il-Qorti se ssir Boutique Hotel avolja Monsinjur Gauci ma jaqbilx miegħi”

John Busuttil / 18 ta' Lulju 2016 10:08
Ġimgħa wara l-ftuħ uffiċjali taċ-Ċittadella l-ġdida, kif isejħilha l-Ministru Refalo saret il-laqgħa annwali ta’ ‘Gvern li jisma’’ fejn il-Ministru Refalo kellu ċ-ċans jelenka dak li sar għal Għawdex u li hemm pjanat li jsir.

Quddiemu suppost li jkun hemm il-poplu Għawdxi li jistaqsi xi mistoqsijiet jew iwassal xi lmenti ta’ dak li hemm bżonn isir aktar. Iżda fil-fatt, ħafna minn dawk preżenti li kienu f’ammont sabiħ, kien aktar moħħhom biex ifaħħru x-xogħol tal-Gvern milli jilmentaw. Fattur interessanti u ta’ min jinnotah kien li ma kien hemm ebda membru min-naħa tal-Oppożizzjoni, l-ebda membru parlamentari ħlief l-istess Ministru għal Għawdex u l-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis, l-ebda membru tal-Front favur il-Mina li donnhom sparixxew, l-ebda membru tal-GUG jew xi għaqda oħra taż-żgħażagħ, l-ebda sindku min-naħa tal-partit Nazzjonalista u lanqas l-organizazzjonijiet mhux governattivi ma kienet preżenti.

Jista’ jkun li dawn ma kinux hemm għax ma kellhom l-ebda ilmenti fuq Għawdex, fejn jidher li l-uniċi li ressqu xi lmenti kienu l-Gozo Business Chamber u l-Gozo Tourism Authority, għalkemm urew ukoll li huma kuntenti bir-riżultati li nkisbu f’Għawdex f’kull settur taħt il-Ministru Refalo. Hu fatt li sar ħafna xogħol f’Għawdex u jidher li hemm pjan biex Għawdex jitjieb, “għax qed naħdmu bi pjan u mhux kif kien isir qabel b’‘management by crisis’,” beda d-diskors tiegħu Anton Refalo. Dan kien konfermat mill-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis li waqt intervent tiegħu, qal li fil-qasam turistiku kien hemm rekord assolut meta lil Għawdex żaruh miljun turist u 26 cruise liner fis-sena li qegħdin fiha. Stqarr li “Għawdex mhux qed jieħu l-loqom li jaqgħu minn fuq il-mejda ta’ Malta, iżda t-turisti qed jiġu għal Għawdex li qed jiġi pubbliċizzat għal dak li hu, b’niċeċ differenti minn Malta.”

Iċ-Ċittadella trid tibqa’ ħajja bil-lejl ukoll

Ma setax jonqos li l-ewwel parti tad-diskors jaqa’ fuq il-ġawhra ta’ Għawdex, iċ-Ċittadella li l-Partit Nazzjonalista jiftaħar li kien hu li beda l-proġett u l-Ministru Refalo wieġeb billi qal li dan tlesta f’sentejn u nofs li ilu jmexxi l-ministeru hu. “F’sentejn u nofs ħriġna 23 tender u l-amministrazzjoni ta’ qabel ħarġet tender wieħed li twaqqgħet u aħna lestejnih. Issa rridu li din iċ-Ċittadella nagħtuha l-ħajja, speċjalment bil-lejl u mhux inħalluha kif inhi.” Refalo tkellem dwar il-qorti, fejn il-laqgħa kienet qed issir eżatt taħtu u qal li din se tispiċċa minn hemm.  Fis-26 ta’ dan ix-xahar, fil-fatt, se titressaq l-applikazzjoni għal qorti ġdida quddiem il-MEPA biex tingħata l-approvazzjoni b’erba’ sulari car park taħtu biex il-problema tal-parkeġġ fir-Rabat tittaffa. “Minflok qorti, irridu nagħmluha ‘boutique hotel’ avolja l-Monsinjur Gauci, l-ambaxxatur għal UNESCO ma jaqbilx miegħi,” u waqt li ħares lejn il-monsinjur li kien quddiemu tbissem u kompla jgħid li hu persuna li jiddiskuti ma’ kulħadd u anke jekk ma jaqbilx dejjem ma’ kulħadd, l-interess dejjem ikun għal Għawdex u l-Għawdxin. Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, iċ-Ċitadella żaruha 10,000 persuna u daħlu 6,000 fil-visitors centre. “Iċ-Ċittadella mhux se tibqa’ taħt il-ministeru ta’ Għawdex iżda taħt kumitat li jkun magħmul minn Wirt Għawdex, il-GBC u l-GTA fost l-oħrajn, u l-Gvern.”

Ix-xogħol f’Għawdex u l-Fast Ferry

Il-Ministru Refalo semma li issa se jsir il-mużew interattiv li għalih, ingħataw €5 miljun fondi mill-Ewropa. Tkellem ukoll dwar is-suċċess li sar fix-xogħol f’Għawdex fejn qal li fi tliet snin, żdiedu 1,002 impjieg full time u 192 part time u l-qagħad naqas għal 515-il persuna biss meta fl-aministrazzjoni ta’ qabel iċ-ċifra kienet ta’ 724. Semma wkoll is-suċċess tal-Gozo Channel fejn issa qed tagħmel il-qligħ anke fl-istaġun tax-xitwa, meta mqabbel mat-telf kbir li kien jagħmel sa tliet snin ilu. Il-Ministru Refalo qal li wara li l-Gozo Channel qed taqla’ l-flus, issa se jgħaddi għal fażi tal-‘Fast Ferry’ fejn qal li tlestew l-istudji meta tqabbdu madwar 400 persuna jmorru imqar darba fil-ġimgħa Malta u jevalwaw il-problemi li wieħed jiltaqa’ magħhom. Issa l-istudji qed jiġu evalwati biex isir pjan li minn Għawdex, il-ħaddiema u studenti jitwasslu f’nofs siegħa lejn u minn Tas-Sliema jew il-Port il-Kbir. “Dan għandu jgħin biex nikkumbattu l-problema tal-‘brain drain’.”

Il-Ministru Refalo qal ukoll li l-Gozo Channel tinkwetah biss fejn jidħol il-konsumatur. “Hemm bżonn li l-Gozo Channel tkun aktar ‘customer friendly’. Il-ħaddiema jaħdmu ħafna iżda jridu jkunu aktar orjentati favur il-klijent.”

Is-suċċess qed iġib il-problemi miegħu u aktar proġetti

Dan is-suċċess li kien qed isemmi l-Ministru għal Għawdex qajjem ilment mingħand Joe Grech tal-Gozo Business Chamber li qal li minħabba ż-żieda kbira ta’ turisti lejn Għawdex, l-Għawdxin qed jaffaċċjaw problema li mhux isibu post fuq il-vapur u qed ikollhom jistennew vapur ieħor. Semma wkoll il-każ tal-burdnara li kienu jmorru Sa Maison u dan is-servizz spiċċa minħabba li hemm se ssir yacht Marina, u għalhekk l-ispejjeż tagħhom żdiedu u dan se jirrifletti f’għoli tal-ħajja f’Għawdex. Dan barra l-fatt li n-negozju privat mhux isib nies biex jaħdmu.

Il-Ministru Refalo qal li dawn il-problemi, qed jaħdem fuqhom kollha. “Qed infuru bil-ġid u dan il-ġid qed iġib il-konsegwenzi tiegħu. It-turiżmu żdied bi 58% fejn Għawdex mhux jieħu r-raċanċ ta’ Malta iżda Għawdex hu parti minn Malta. Illum għandek vapuri li ma jifilħux aktar iżda dawk għandna, u dawn qed jaħdmu lejl u nhar u dejjem inżidu l-vjaġġi. Għax Għawdex m’għadux tax-xemx u l-baħar biss, iżda tas-sajf u xitwa. Fl-amministrazzjoni ta’ qabel, għalqu erba’ lukandi. Illum għandna 18-il applikazzjoni quddiem il-MEPA biex jiftħu lukandi ġodda jew għall-estensjoni ta’ dawk preżenti. U dawn iġibu magħhom problemi bħall-indafa u rridu naffrontawhom.”

Dwar il-kwistjoni tal-vjaġġ għal Sa Maison il-ministru qal li hu ltaqa’ mas-sidien ta’ dawn it-trakkijiet u semma li l-akbar problema li għandhom hi fejn il-vapur jista’ jitrakka. “Barra minn hekk, ma nistgħux naħlu vapur għal ġurnata sħiħa minħabba l-ġarr tat-trakkijiet. Dawn apparantement, biex ibaxxu l-prezzijiet jużaw xufier wieħed għat-trakkijiet kollha, u allura biex jitgħabbew it-trakkijiet kollha għandek ħafna ħin. Ippruvajna nikru post il-belt iżda dawn tawna biss nofs siegħa u nitilqu. Din ma kinitx aċċettabbli. Issa qed naħdmu għal arranġament ieħor. L-ewwel li qed inħalluhom jipparkjaw in-naħa ta’ ġewwa taċ-Ċirkewwa, u aħna lesti li anke nipprovdulhom watchman. Qegħdin f’diskussjoni mal-Ministru Cardona li jkunu jistgħu jpoġġu t-trakkijiet il-freeport, inħallsu l-kera u nagħtuhulhom b’xejn. Għandna problema li n-negozjanti Għawdxin ikollhom aktar spejjeż, iżda hawn il-liġi tal-UE li jekk iġġib prodott u tittrasformah f’xi ħaġa oħra, tista’ tagħti sussidju, iżda biex iġġib ix-xogħol u tbigħu minn hawn, ma tistax tagħti sussidju.”

Il-Ministru Refalo tkellem ukoll dwar il-brain drain li qed iħabbat wiċċu miegħu Għawdex. Qal kif irid jinħoloq ambjent importanti għaż-żgħażagħ Għawdxin fejn semma li rnexxielu jġib €18-il miljun fondi mill-Ewropa biex isir ċentru tal-IT flok fejn kien hemm il-fabbrika tal-ħalib fix-Xewkija.

Refalo qal li t-tliet pilastri tal-gżira Għawdxija huma l-gvern, il-knisja u l-NGOs li jaħdmu għal gżira Għawdxija mingħajr ma jitħallsu u mhux dawk reġistrati fejn qal li jixtieq jara kif jista’ jgħinhom għax skont il-liġi, hu ma jistax. Semma wkoll dak li qed isir bħalissa bħad-dar tal-anzjani, li għandha l-ewwel sular lest, u sal-aħħar tas-sena l-bini kollu se jkun lest. Semma wkoll it-toroq li saru bħas-17-il kilometru ta’ tarmac li swew lill-ministeru €8 miljuni, il-pjazza tax-Xagħra li tinsab kważi lesta u miexi anke x-xogħol fuq il-pjazza ta’ Għajnsielem. Semma n-numru ta’ cruise liners li daħlu Għawdex, bl-ammont jilħaq l-10 sa issa, u se jidħlu 16 oħra sa tmiem is-sena. “Għax Għawdex mhux iċ-Ċittadella biss. U meta ħadt il-ministeru f’idejja ħlief t-toroq tal-Ewropa ma sibt xejn. Però ninsab inkwetat mill-ħmieġ u rridu nikkumbattu bl-infurzar tal-liġi lil min l-indafa jaħdem fuqha mill-bieb ’il ġewwa biss. ”

“Nistagħġbu b’Dubrovnik u San Gimignano, iżda Għawdex iħabbatha magħhom” – Zammit Lewis

F’intervent li għamel il-Ministru tat-Turiżmu beda biex qabbel lil San Gimignano u Dubrovnik ma’ Għawdex u ċ-Ċittadella li tħabbatha magħhom. Zammit Lewis qal li kien hemm rekord f’Għawdex li qabżu l-miljun turist. “Għawdex ma jikolx minn dak li jaqa’ minn fuq il-mejda tal-Maltin f’dak li hu turiżmu. Il-prodott turistiku Għawdxi hu differenti minn dak Malti. F’Malta hemm bżonn in-numri għax hemm infrastruttura kbira, f’Għawdex għandek bżonn aktar kwalità. Iż-żgħażagħ Għawdxin issa jridu jibdew iqisu t-turiżmu bħala karriera, għax it-turiżmu mhux li tkun waiter biss. L-istaġjonalità issa tkissret, mela ż-żgħażagħ se jkollhom moħħhom mistrieħ li xogħolhom fit-turiżmu se jkun garantit matul is-sena kollha. Nixtieq insemmi li minn Jannar sa Marzu, f’Għawdex ġew 140,000 turist meta tikkumparahom mal-aħħar sena tal-amministrazzjoni ta’ qabel jiġifieri tal-2012, qbiżniha b’60%.”

Zammit Lewis semma s-suġġett tal-ospitalità fl-iskejjel fejn l-ITS tal-Qala se tintuża’ għall-prattika. Semma li Għawdex qed jiġi reklamat speċifikament għall-wedding tourism, diving tourism u l-medical tourism li mhux l-isptar biss. Semma kif is-settur privat irid jibni akkomodazzjoni għal dawk li se jiġu Għawdex. Il-ministru tat-Turiżmu qal li l-cruise liners li jmorru Għawdex mhux qed jitnaqqru minn Malta iżda qed jiġi milħuq ftehim ma’ aġenti ta’ cruise liners żgħar. “Il-messaġġ tiegħi lejn l-investituri Għawdxin hu biex jibqgħu jinvestu għax Għal Għawdex verament il-kbir għadu ġej.”

Il-Ministru Refalo għalaq is-serata billi wieġeb għall-ilment tal-Gozo Tourism Authority li semmew l-air strip fejn qal li għalissa dik mhix prijorità u għad irid jiġi diskuss x’tip ta’ nies jużaw l-airstrip. Filwaqt li temm jgħid li l-Għawdxin huma ġens kbir, “fejn missirijietna wasslu lil din il-gżira s’hawn u jien qiegħed hawn biex inservi u qiegħed hawn għal ġid ta’ Għawdex kollu. Għax Għawdex jiġi l-ewwel u qabel kollox.”

 

John Busuttil attenda is-Seminarju tal-Arċisqof fil-livell sekondarju. Fl-1978 attenda għal kors tal-Method Study organizzat mill-Malta Institute of Management u ġie ċċertifikat fil-Method Time Study. Fl-1987 attenda b’suċċess għal kors fil-Middle Management organizzat mid-dipartiment tal-Management studies fl-Universita ta’ Malta. Għal erba snin sħaħ, 1994, 2000, 2001 u 2004 kien finalist tal-ġurnalist tas-sena fil-BPC awards u fl-2004 ingħata dan l-unur għal 'significant contribution to Professional Journalism' Producer & Presenter ta' diversi programmi fuq NET TV, SMASH TV, PBS u ONE TV. Ipproduċa u ppreżenta programmi radjufoniċi dwar Vjaġġar u Sport u pparteċipa f'diversi programmi televiżivi u radjufoniċi dwar suġġetti varjati. Għal 43 sena ħadem mal-Media Link. U bħalissa jaħdem mal-MediaToday.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook