Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

Il-Festi t’Għawdex tar-rekords: Il-Fontana bl-isbaħ faċċata u x-Xewkija bl-itwal arblu

“Il-faċċata swietli eluf ta’ ewro u kollox minn buti. Bdejt għaxar snin ilu meta armajt il-gallarija”

John Busuttil / 27 ta' Ġunju 2016 15:31
Anke jekk ġieli jkunu kritikati li jeżaġeraw, jibqa’ fatt li festa mingħajr armar mhi festa xejn. Dan barra l-fatt li l-għaqdiet tal-armar huma mimlija żgħażagħ li jagħżlu li joqogħdu jaħdmu u jsebbħu l-lokalità tagħhom milli jaħlu ħinhom f’xi bar jixorbu inkella b’xi vizzji agħar minn hekk.

Barra l-ġmiel ta’ kif isebbħu l-irħula tagħhom, normalment bl-istil barokk tat-tiżjin tal-festi Maltin, dawn iż-żgħażagħ juru wkoll il-potenzjal tagħhom fit-talenti artistiċi tagħhom li jpaxxu lil dawk dilettanti tal-festa barra l-komunità tal-lokal.

Din is-sena jidher li hemm ‘trend’ ġdida f’Għawdex fejn f’ħafna lokalitajiet, għall-ġimgħa tal-festa qed joħolqu rekord f’xi parti mill-armar tal-festa. Il-ġimgħa li għaddiet, fil-festa tal-Qalb ta’ Ġesu fil-Fontana, membru tal-armar tal-festa, Simon Micallef iddeċieda li jarma d-dar tiegħu bl-isbaħ tiżjin mal-faċċata tad-dar tiegħu.

Fil-fatt nhar is-16 ta’ Ġunju marru tal-Malta Records u ppremjaw lil Simon Micallef bħala rebbieħ ta’ rekord nazzjonali tal-akbar faċċata ta’ dar imżejna għall-festa. Dan ir-rekord kien l-ewwel ta’ din ix-xorta. Il-faċċata hi magħmula minn faldrappa, żewġ bandalori fil-ġnub, żewġ bandalori fuq, l-istatwa tal-qalb ta’ Ġesu fuq ġenb u ‘ark’ fil-ħnejja u arblu ta’ 40 pied bil-bandiera. Ix-xogħol tal-ħjata sar kollu mir-rebbieħ innifsu, bil-pittura, sfumar u żebgħa magħmul minn Josef Camilleri, il-fibre tal-puttini (l-anġli) sar minn Manuel Grech u replika tal-istatwa hi xogħol Paul Aquilina, u indurata minn Reuben Camilleri Cauchi. Il-faċċata kienet wiesgħa 4.83m u għolja 8.96m.  

Din il-gazzetta, tkellmet ma’ Simon u staqsietu kif ġietu din l-idea. “Inħobb ħafna l-armar u minn dejjem xtaqt inżejjen il-faċċata tad-dar. Bdejt għaxar snin ilu meta kont żejjint il-gallarija. Imbagħad żidt il-bandalori. L-ewwel tnejn, u wara tnejn oħra sa dak li hemm illum. U għas-sena d-dieħla, diġà għandi xi ħaġa ġdida f’moħħi li se nżid.”

Mitlub jgħidilna kemm idum jarma l-faċċata tad-dar, Simon qalilna, “indum tliet ijiem narmaha, biex ingawdihom tliet ijiem, il-Ġimgħa, is-Sibt u l-Ħadd.” Allura għaliex jidħol għal daqshekk xogħol? “Is-sodisfazzjon li nħoss li noqgħod inħares lejn it-tiżjin u li bih insebbaħ it-triq, bin-nies tar-raħal jieħdu pjaċir bit-tiżjin, huwa kollox għalija.”

Simon qalilna li dan it-tiżjin jiswieh eluf ta’ ewro u kollox joħroġ minn butu u, “l-uniku sponsor li nsib hu l-ħin li nagħti għax nagħmel ħafna mix-xogħol jien għax kieku ma nistax naffordja eżatt għal kemm jsiwa li kieku rrid kollox min-nies.”

L-arblu tax-Xewkija

Din il-ġimgħa l-poplu tax-Xewkija qiegħed jiċċelebra il-festa ad unur il-patrun San Ġwann Battista. Min jitla’ Għawdex, malli jitla’ Triq l-Imġarr u jħares lejn in-naħa tal-lemin lejn in-Nadur, jilmaħ bandiera kbira tperper fuq għolja bil-kuluri ħomor u sofor li huma l-kuluri tan-Nadur. Dan sa nhar il-Ħamis li għadda kien l-itwal u l-akbar arblu f’Għawdex. Iżda dan ir-rekord ġie miksur mix-Xewkin meta żanżnu l-akbar arblu f'Għawdex. Dan fih 80 pied u hu bla ventijiet. Dan l-arblu tbierek mill-arċipriet fost briju kbir waqt il-marċ magħruf bħala tal-Ħniena. Fattur interessanti hu li għalkemm ix-Xewkin kisru r-rekord tan-Nadurin li ċċelebraw il-festa tlett ijiem wara, jiġifieri fid-29 ta’ Ġunju, il-kuluri tal-bandiera baqgħu l-istess, ħomor u sofor li huma l-kuluri tax-Xewkija.

 

 

 

John Busuttil attenda is-Seminarju tal-Arċisqof fil-livell sekondarju. Fl-1978 attenda għal kors tal-Method Study organizzat mill-Malta Institute of Management u ġie ċċertifikat fil-Method Time Study. Fl-1987 attenda b’suċċess għal kors fil-Middle Management organizzat mid-dipartiment tal-Management studies fl-Universita ta’ Malta. Għal erba snin sħaħ, 1994, 2000, 2001 u 2004 kien finalist tal-ġurnalist tas-sena fil-BPC awards u fl-2004 ingħata dan l-unur għal 'significant contribution to Professional Journalism' Producer & Presenter ta' diversi programmi fuq NET TV, SMASH TV, PBS u ONE TV. Ipproduċa u ppreżenta programmi radjufoniċi dwar Vjaġġar u Sport u pparteċipa f'diversi programmi televiżivi u radjufoniċi dwar suġġetti varjati. Għal 43 sena ħadem mal-Media Link. U bħalissa jaħdem mal-MediaToday.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook