'L-Isqof x'ried iġibhom l-Iraqqini.. għax ma tefax bomba fid-dgħajsa u għarraqhom'

"Dan qalu raġel minn Kumitat tal-Festa f'Għawdex, imbagħad nagħmlu l-festi f'ġieħ il-qaddisin' - L-Isqof Mario Grech

L-Isqof joffri l=ħobż ta' Sant Antin fil-festa fit-13 ta' Ġunju
L-Isqof joffri l=ħobż ta' Sant Antin fil-festa fit-13 ta' Ġunju

L-Isqof Grech waqt l-omelija tal-festa ta' Sant Antnin ta' Padova kellu kliem iebes lejn dawk li għandhom qalbhom u l-ponn iebes għal dawk fil-faqar jew għal dawk li huma fil-bżonn.

"Hemm dawk li għandhom il-ponn ta’ jdejhom magħluq u kapaċi jdawru wiċċhom meta jiġu wiċċ imb wiċċ mal-foqra. Jien sikwit nimbotta lill-Kappillani biex fil-baġit tal-festi patrunali jagħmlu riserva mqar żgħira li tmur għall-karità parrokkjali. Il-Kappillani jgħiduli li huma jagħmlu karità imma bil-moħbi, għax id-dilettanti tal-festa jonfru meta jisimgħu bil-karità! Dan l-aħħar kappillan qalli li kien f’kumitat tal-festa u ppropona li din is-sena l-kumitat jagħmel offerta żgħira b’risq dawk l-adolexxenti mill-Iraq li f’inqas minn ħmistax oħra ser nilqgħu fostna. Il-Kappillan qalli li qabeż wieħed mill-kumitat u qallu: “L-Isqof x’ried iġibhom lil dawn… għax ma tefax bomba fid-dgħajsa u għarraqhom f’nofs ta’ baħar!”. Imbagħad nagħmlu l-festi f’ġieħ il-qaddisin! Ħwejjeġ bħal dawn inikktuni ħafna, għax dan ifisser li xi wħud għandhom Vanġelu differenti minn dak ta’ Ġesù Kristu.

 "il-Papa Franġisku jgħid li l-foqra huma “il-laħam magħkus ta’ Kristu” u li meta ngħinuhom aħna nkunu “immissu l-laħam ta’ Kristu” 

"Meta Sant’Antnin wasal Padova sab li kien hemm ħafna faqar. Ħafna min-nies mhux biss kienu neqsin mill-meħtieġ għall-ħajja, imma kellhom ukoll jagħfas fuqhom il-madmad tal-użura. L-użura kienet mifruxa ħafna u kienet kawża li tkattar il-faqar. Anki jekk immorali, kienet prattika istituzjonalizzata. Saħansitra kien hemm “il-ħabs tal-midjunin”, u f’ċerti każi, min ma kienx irodd is-self, kien jisfa mdendel ma’ ganċ f’post pubbliku u jitħalla hemm biex imut. Sant’Antnin ħadem qatigħ u rnexxielu jikkoreġi din is-sistema.

"Sfortunatament dan id-diskors dwar is-self mill-idejn b’interessi għolja mhux ġdid għalkollox għal widnejna, għax illum ukoll hawn min bla ebda skruplu jipprova jisloħ lil min huwa diġà mdamdam finanzjarjament. Huwa gravi li dnub serju bħal dan ma jniggiżx il-kuxjenzi! 

"Irrid nirrikonoxxi li fid-Djoċesi tagħna għandna għadd sabiħ ta’ qlub ġenerużi li jagħmlu l-karità bil-moħbi. Ftit ilu kont fi skola u sirt naf li fost l-għalliema hemm persuna marida li biex tgħix għandha bżonn mediċina li tant tiswa li l-paga tagħha u ta’ żewġha ma humiex biżżejjed biex jgħixu u jiksbu l-mediċina. L-għalliema ftehmu bejniethom li kull xahar jagħtu parti mill-paga tagħhom biex seħbithom tkun tista’ takkwista din il-mediċina. Dan l-intervent tal-għalliema salva lil din il-familja mill-faqar. Jien konvint li madwarna hawn eżempji oħra ta’ karità u ma nsibx kliem biex nesprimi l-apprezzament tiegħi għal din ix-xhieda straordinarja. Nappella lill-Caritas djoċesana u dik parrokkjali biex jikkonsolidaw il-ħidma tagħhom u jkomplu jfittxu min huma l-foqra ta’ żmienna u jippruvaw itaffulhom il-piż.

Inkunu ngħinu biex jonqos il-faqar jekk ilkoll nistinkaw biex ikollna soċjetà aktar ġusta. Għax fejn hemm sens qawwi ta’ ġustizzja, hemm rispett lejn id-drittijiet tal-persuna, speċjalment ta’ dawk li huma vulnerabbli u żvantaġġjati, u ma jkunx hemm sfruttament u serq. F’dan il-kuntest nixtieq insemmi kategorija waħda: is-servizz li joffru l-professjonisti, partikularment fil-qasam tas-saħħa. Hemm professjonisti li huma ġenerużi ħafna ma’ min ma jistax jaffordja; imma hemm każi fejn għal ċerti servizzi jintalbu flejjes kbar. Kull xorta ta’ negozju għandu jkollu r-regoli etiċi li jirregolawh; imma xi drabi anki dan il-prinċipju jintesa meta nagħtu servizz lill-ħajja umana li żgur mhix realtà negozjabbli. Miskin il-fqir, għax jekk ma għandux minn fejn iħallas, ikollu jikkrepa. Il-professjoni qatt ma hija liċenzja biex wieħed jisloħ lill-klijent.

Mod ieħor kif niġġieldu l-faqar huwa billi ma nkunux ħalja. Maħkumin mill-kultura konsumistika u d-dittatura tas-suq, sirna naħlu ħafna mir-riżorsi tagħna, anki fl-ikel. Meta dalgħodu żar is-sede tal-Programm Alimentari Dinji f’Ruma, il-Papa Franġisku qal li “min jaħli jkun qisu qed jisraq mill-mejda tal-fqir li hu bil-ġuħ”. Hemm bżonn ma nibqgħux narmu tant ikel li jkun għadu tajjeb biex jittiekel. Min għandu ħalqu fix-xgħir, sewwa jiftakar li madwarna hawn min mhux ser jorqod għax għandu stonku vojt. Ħafna drabi l-miżerja nostruha, imma b’daqshekk ma jfissirx li mhix wara biebna. Inkunu tassew messejna l-qiegħ jekk meta naraw il-foqra jew nisimgħu l-karba tagħhom, aħna nibqgħu indifferenti għax tant inkunu drajnihom.

Il-Vanġelu li nebbaħ u stimula lil Sant’Antnin ta’ Padova biex jeħodha kontra l-faqar huwa l-istess Vanġelu li għandna f’idejna. Filwaqt li napprezzaw dak kollu li l-Providenza toffrilna, kollox huwa mezz biex tikber fostna s-solidarjetà."

More in G?awdex