Minn Ġanni għal John: 100 sena ta' suċċess

'In-nannu Ġanni beda n-negozju 130 sena ilu meta kien jixtri l-prodotti li jingħataw lill-Kappillan u jbiegħom Malta'

John Magro
John Magro

Eżatt bħal għada 100 sena ilu, Ġanni Magro welled il-kumpanija Magro Bros f’Għawdex. Fil-preżent, in-neputi tiegħu John Magro (imsemmi għan-nannu) għamel minn din il-kumpanija suċċess enormi fejn għaraf jimxi maż-żminijiet u kien kapaċi jibdel kull żvantaġġ għal vantaġġ mill-ideali politiċi li kull gvern iddeċieda li jimxi magħhom. Meta l-Labour għalaq is-suq minn barra, kibru għax huma ħolqu suq lokali qawwi u meta n-Nazzjonalisti fetħu s-suq permezz tal-Unjoni Ewropea rnexxielhom ikabbru l-esportazzjoni tagħhom b’tali mod li komplew jikbru.

Għall-istorja ta’ Magro Bros, l-ILLUM tkellmet ma’ John Magro li rrakkonta l-istorja ta’ dawn il-100 sena suċċess u kif din il-kumpanija kibret.

“Il-100 sena ta’ kumpanija għalija tfisser li jien qiegħed f’fażi transitorja. In-negozju beda qabli għax jien it-tielet ġenerazzjoni fin-negozju u għandi s-sodisfazzjon li diġà għandi lil uliedi li huma r-raba’ ġenerazzjoni li diġà bdew jieħdu r-riedni tal-kumpanija.

Gianni Magro il-bniedem li ħoloq il-kumpanija
Gianni Magro il-bniedem li ħoloq il-kumpanija

“In-negozju bdieh in-nannu tiegħi Ġanni li beda mir-raħal tax-Xewkija. Missieru ma kienx fin-negozju, u kien in-nannu li beda jaħdem bħala kumpratur, jiġifieri jinnegozja billi jixtri prodotti tal-bdiewa Għawdxin u jbigħhom sew f’Għawdex kif ukoll Malta.”

John Magro spjega kif dari meta ma kienx ikun hawn flus fl-idejn, il-bdiewa kienu jagħtu l-offerti lill-Knisja permezz tal-prodotti tagħhom. “Il-kappillan meta kien imur ibierek, flok flus kienu jagħtuh xi tiġieġa, fenek, tużżana bajd, eċċ. Allura l-kappillan kien jispiċċa b’razzett żgħir, u darba f’sena kienu jagħmlu rkant biex ibigħu dawn id-donazzjonijiet u jsarrfuhom fi flus. In-nannu tiegħi kien bena kapital żgħir u beda jixtri l-prodotti, l-ewwel mix-Xewkija imbagħad beda jdur il-parroċċi kollha. Dawn il-prodotti kien imur bihom Malta u jbigħhom bi prezzijiet ogħla. Min-naħa l-oħra, kif kien ikun Malta kien jara xi affarijiet utli għal Għawdex u kien jixtrihom minn hemm u jbigħhom f’Għawdex. Dan in-negozju bdih meta kellu 20 sena fl-1886. In-negozju kompla jikber u meta t-tliet uliedu tfarfru, (fosthom missieri) iddeċieda jgħaddi n-negozju lilhom. Iżda meta ġie biex jirreġistra l-kumpanija, flok għamilha fuqu u fuq uliedu għaddiha fuq it-tfal mill-ewwel u għamilha Magro Bros.”

Allura staqsejna jekk in-negozju Ganni bdieh fl-1886 kif il-kumpanija qed tiċċelebra l-100 sena issa meta n-negozju inbeda 130 sena ilu? “Il-gvern Ingliż kien għamel regolamenti li kien jippreferi jixtri mingħand kumpaniji reġistrati u għalhekk il-kumpaniji antiki f’Malta kollha ġew reġistrati uffiċjalment bejn l-1914 u l-1918 u għalhekk il-kumpanija tagħna ġiet reġistrata fit-30 ta’ Mejju 1916, eżatt 100 sena ilu.”

John Magro għamel ħafna riċerka biex ikun jaf eżatt kif bdiet, għaliex ittieħdu ċertu deċiżjonijiet u kif kibret il-kumpanija u kien għalhekk li seta’ jgħaddili ħafna informazzjoni dwar l-istorja interessanti ta’ din id-ditta tal-familja Magro. “Il-ġenerazzjoni ta’ qabli kienet immexxija minn missieri Manwel, Wiġi u Ġużepp li bdew fin-negozju mill-1916 fejn missieri miet fl-1963 u ż-żewġ ħutu l-oħra mietu sa erba’ snin wara. Bejn l-1967 u meta bdejna mmexxu aħna, kien hemm perjodu fejn in-negozju tmexxa minn ommi u z-zija li ma kinux negozjanti. Jien u ħija Michael xtrajna l-ishma tal-kuġini tagħna fl-1977.”

John qalilna wkoll li fl-1930, minflok il-maħżen ħallewh ix-Xewkija fetħu maħżen fi Pjazza Savina li dak iż-żmien kienet il-pjazza fejn kien isir in-negozju kollu ta’ Għawdex. Għax riedu jmorru qrib is-suq u mhux jibqgħu x-Xewkija. Qal ukoll li l-kumpanija Savina ġiet reġistrata minn dan il-fatt.

John beda jirrakkonta wkoll kif missieru u ħutu kienu kabbru n-negozju fejn it-trasport bejn Malta u Għawdex kien tagħhom, “Xtraw l-ewwel vapur li qasam bejn Malta u Għawdex, ‘Il-Ħanini’ u komplew ikabbru l-flotta bil-, ‘Queen of Peace’, ‘Imperial Eagle’ u kellhom numru ta’ dgħajjes tal-latini bħal Santa Rita u San Bert. Għal 40 sena, dak li llum hu tal-Gozo Channel kien f’idejna, qabel żmieni. Barra minn hekk kienu anke importaturi tal-karozzi ma’ Michael Debono tat-Toyota, barra l-ġwież eċċ.

“Meta bdejna mmexxu jien u ħija Michael, konna xtrajna l-kumpanija li timanifattura l-ikel. Dak iż-żmien, il-fabbrika kienet tħaddem xi 16-il ruħ u kienet fit-triq lejn Kerċem. Konna nagħmlu biss il-kunserva fil-laned il-kbar meta l-kunserva kienet tinbiegħ bil-kwart jew niskwart. Minn meta bdejna l-kunserva kien jisimha ‘Three hills’ għax dejjem kienu kburin li kienet prodott Għawdxi.”

Fid-19 ta’ Mejju 1977 John u Michael ħadu fabbrika li tipproduċi l-kunserva. Iżda issa l-kumpanija kellha fit-tmun tnejn min-nies li barra moħħ ta’ negozjanti kellhom moħħ ta’ żewġ persuni ta’ skola wkoll. Dan għenhom biex ikabbru l-prodotti fejn l-ewwel bdew jiproċessaw frott fil-bottijiet, faqqiegħ, polpa tat-tadam u anke l-‘ketchup’. “Kien ukoll żmien meta l-gvern ta’ Mintoff għalaq is-suq tal-importazzjoni u kulħadd ried jixtri l-prodotti Maltin u dan għena mhux ftit, anke jekk kellna nwaqqfu x-xogħol li konna nimpurtaw bħal ġwież u zokkor. U bdejna nikkonċentraw fuq il-manifattura u kabbarna l-prodotti tagħna. Fit-tmeninijiet inbidel il-Gvern u issa sibna sitwazzjoni oħra fejn il-gvern ta’ Eddie beda jaħseb biex jillibera s-suq internazzjonali u nidħlu fl-Ewropa. Ma qagħdniex nistennew lill-Gvern u r-referendum, u dan kien ifisser li ma stajniex inserrħu moħħna iżjed fuq is-suq li kellna. Barra minn hekk, konna nafu li Malta ma ddumx ma tidħol fl-Ewropa u ddeċidejna li nibdlu l-filosofija tagħna u bdejna nippreparaw bis-serjetà għall-Unjoni Ewropea ħafna aktar qabel ma beda jipprepara l-pajjiż. U meta l-pajjiż daħal fl-Ewropa aħna konna preparati u ħadna vantaġġ qabel kulħadd fejn għadna ngawdu mid-dħul ta’ Malta fl-UE sal-lum.

“Ikumbattejna l-importazzjoni billi bdejna nesportaw, kunserva u ketchup u llum kważi nofs il-produzzjoni li nagħmlu titlaq barra pajjiżna. Barra hekk ħadna ħsieb li nżommu l-livell tal-prodotti tagħna.”

Pjazza Savina fejn kien isir kull tip ta’ negozju f’Għawdex
Pjazza Savina fejn kien isir kull tip ta’ negozju f’Għawdex

Dan juri biċ-ċar kif l-imħuħ ta’ dawn iż-żewġt aħwa ħadem b’mod kif jieħdu vantaġġ minn kull deċiżjoni politika u dejjem ħasbu għall-futur u mhux jieqfu fil-preżent. “Illum trid taħseb minn quddiem kważi kuljum għax il-bidliet ma jsirux kull tant żmien, iżda kuljum. Id-dinamika tas-suq jinbidel għax hawn eluf kbar ta’ barranin jgħixu Malta li għandhom esiġenzi ta’ ikel differenti u għalhekk aħna nistudjaw x’inhuma l-eżiġenzi tagħhom u noħolqu prodotti għalihom. Anke l-istess Maltin u Għawdxin m’għadhom jieklu l-istess ikel, u għalhekk importanti li taġġorna ruħek.”

Bla dubju li l-aktar prodott li Magro Bros huma msemmija għalih hi l-kunserva ‘Three hills’ li għalkemm ingħatat togħmiet differenti, xorta għadek issib tixtri l-kunserva klassika. John Magro qalilna li din għandha riċetta speċjali li ma jafha ħadd, “ħlief jien, ħija u xi 4 min-nies oħra. L-ebda impjegat ma jkun fil-proċess mill-bidu sat-tmiem tagħha ħalli ħadd ma jkun jaf eżattament ir-riċetta preċiża.” Magro qalli wkoll li barra l-kunserva huma jagħmlu l-prodotti ‘Mayor’ bi zlazi u tadam eċċ. Il-kumpanija tħaddem 120 ħaddiem li fis-sajf in-numru jitla’ għal 160, filwaqt li jixtru l-prodotti agrikoli mingħand 200 bidwi minn Malta u Għawdex, “iżda aħna nħaddmu madwar 100 persuna oħra li jaħdmu mal-kumpaniji li jieħdu ħsieb it-trasport tal-prodotti tagħna u t-tqassim għax dawk aħna ngħadduh għand kumpaniji oħra. Aħna niġġeneraw ħafna xogħol għal ħaddieħor bħall-istamperiji li jistampawlna kull tip ta’ tikketti.”

Magro qalli li l-inkwiet tax-xogħol qatt ma tellfu mill-irqad, iżda qalli li ġieli joħlom xi ħaġa meta jkun rieqed, u jqum u jieħu nota tagħha. Qalilna wkoll li bħalissa għaddejjin minn programm ta’ investimenti ta’ €5 miljun li se jmorru għat-tliet kumpaniji ta’ Magro Bros. Li huma l-fabbrika hekk imsejħa tat-tadam, is-Savina fejn jinbiegħu prodotti artiġġjanali Għawdxin u hi mfittxija ħafna mit-turisti li jieqfu bil-Hop On Hop Off u fabbrika oħra ta’ prodotti tal-ħalib li fosthom tagħmel il-ġbejniet. Mistoqsi għaliex jissejħu ‘ġibniet’ qalli li din il-kelma tintuża wkoll mill-Għawdxin għal ġbejniet, anke jekk mhux kuħadd, “iżda aħna għażilna din il-kelma biex nuru li l-ġbejniet tagħna mhux magħmula minn ħalib mhux pastiruzzat kif isiru l-ġbejniet tradizzjonali iżda aħna nużaw ħalib pasturizzat.”

John Magro qal ukoll li huma ddeċidew li ma jsejħux il-post bħala fabbrika iżda bħala villaġġ, “għax kulħadd jista’ jara l-prodotti kif isiru u jiġu ħafna turisti anke eluf ta’ Maltin jaraw il-fabbrika organizzati minn diversi entitajiet.” Magro qal li, “Aħna meta ppjanajna l-fabbrika, ppjanajniha li wieħed jista’ jara x-xogħol isir mingħajr ma jtellef il-produzzjoni jew imiss u jikkontamina l-ikel li jkun qed jiġi proċessat. U dan jgħin biex meta wieħed jara l-prodott tagħna fis-supermarkets, ikun jaf il-ġenwinità tagħhom u jkun ra kif isiru u għalhekk imur għalihom. Anke l-prodotti Savina li huma artiġġjanali wieħed jista’ jarahom jinħadmu kollha bl-idejn.”

In-negozju ta’ Magro Brothers żgur li se jibqa’ sejjer għax it-tliet ulied ta’ John qed imexxu n-negozju fejn qalilna li għandhom kwalitajiet differenti minn xulxin u dan jgħin ħafna biex il-kumpanija tkompli tifjorixxi.

Illum il-Ħadd se ssir ċelebrazzjoni kbira f’Villa Rundle f’għeluq il-100 sena ta’ Magro Bros fejn preżenti se jkun hemm il-President, il-Prim Ministru, il-Kap tal-Oppożizzjoni u diversi ministri u membri tal-parlament u personalitajiet Maltin. Fl-istess attività se jitnieda ktieb b’ritratti u l-istorja kollha ta’ Magro Brothers.

More in G?awdex