Għajnsielem jinawgura ground ġdid

Il-ministru Anton Refalo, Is-segretarju parlamentari Chris Agius u s-segretarju ta' Għajnsielem FC Alex Spiteri jaqtgħu ż-żigarella tal-ground 'Dun Karm Cassar'

 

 

Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo u s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius inawguraw uffiċjalment ix-xogħol fuq il-ground Dun Karm Cassar f’Għajnsielem. Dan il-ground ġie estiż, b’wiċċ sintetiku ġdid u ċċirkondat b’fence, kif ukoll sarlu dawl artifiċjali ġdid. Din il-ħidma intensiva ilha għaddejja diversi snin u tikkonċidi eżatt mar-rebħa tal-kampjonat tat-team ta’ Għajnsielem.

Waqt id-diskors tal-okkażjoni l-Ministru Refalo qal li l-prijoritajiet tal-ministeru huma li jitjiebu l- faċilitajiet sportivi sabiex l-atleti jkollhom l-aqwa faċilitajiet kemm għat-taħriġ kif ukoll għal- logħob kompetittiv.

B’investiment ta’ aktar minn kwart ta’ miljun ewro, dan il-ground f’Għajnsielem huwa ħolqa minn katina ta’ xogħlijiet sabiex jissaħħu s-setturi taż-żgħażagħ u tal-isport. Il-Ministru Refalo qal ukoll li dan huwa l-aqwa investiment li l-Gvern jista’ jagħmel.

Illum il-ground huwa sigur u aċċessibbli għal kulħadd. Il-Ministru jinsab konvint li r-residenti tal- lokalità se jibbenefikaw prinċiparjament minn dan il-proġett. Anton Refalo appella li jsir użu bilgħaqal minn dan il-pitch mingħajr ma ssir ħsara.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius beda billi feraħ lill-klabb ta’ Għajnsielem għar-rebħa tal- kampjonat filwaqt li qal li l-Gvern qiegħed jagħmel l-almu tiegħu sabiex itejjeb il-faċilitajiet eżistenti, filwaqt li jibni oħrajn ġodda. Dan qed isir mhux biss fl-isport tal-football iżda wkoll f’diversi dixxiplini. Il-Gvern jemmen li kemm l-isport u l-attività fiżika jtejbu l-ħajja tal-bniedem, għalhekk qiegħed jinvesti bil-għaqal f’dan is-settur. Saħaq li kull klabb għandu jara li mhux biss jingħatawlu l-faċilitajiet imma li dawn il-faċilitajiet jieħdu ħsiebhom u jaraw li ssir il-manutenzjoni xierqa sabiex jitgawdew aktar. Chris Agius aċċenna wkoll għall-ħidma li qed issir fuq il-white paper sabiex ikunu kummerċjalizzati l-faċilitajiet sportivi biex kull assoċjazzjoni jew klabb sportiv isiru awtosuffiċjenti. 

More in G?awdex