“L-Ewropa tatna €2 miljuni għar-restawr, u aħna rridu nsarrfuhom billi nagħtu l-ħajja lir-raħal”

Swejjaq: Suq żgħir f’San Lawrenz fit-12 ta’ Ġunju

Il-pjazza ta’ San Lawrenz li se tinbidel fi Swejjaq fit-12 ta’ Ġunju
Il-pjazza ta’ San Lawrenz li se tinbidel fi Swejjaq fit-12 ta’ Ġunju

Fit-tieni Ħadd ta’ Ġunju, eżattament fit-12 ta’ Ġunju il-pjazza ħelwa tar-raħal ċkejken ta’ San Lawrenz se tinbidel f’suq żgħir b’differenza fejn jiġi mibjugħ il-prodott Għawdxi, il-prodott artiġġjanali u agrikolu. Idea li ġiet mis-sindku popolari u msemmi għall-ideat li joħloq fl-iżgħar Kunsill Lokali miż-żewġ gżejjer, dak ta’ San Lawrenz, għalkemm din id-darba l-idea li ħoloq ġiet mitt sena wara l-idea oriġinali, fejn fil-bidu tas-seklu 20 kien isir suq fi pjazza Savina fejn l-Għawdxin kienu jbigħu l-prodotti tagħhom.

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ Noel Formosa u tlabnieh jgħidilna minn fejn ġab l-idea eżatt, jew aħjar kif ġietu din l-idea ta’ Swejjaq f’San Lawrenz, “Nemmen li Għawdex għadu joffri dak is-sens ta’ esklussività f’dak li nagħmlu. Għalhekk naħseb li l-iskop li tlaqna bih għal SWEJJAQ jista’ jkun biex noħorġu aktar dan il-potenzjal t’Għawdex. Skop ieħor kien li meta għamilna l-pjazza bil-fondi tal-Unjoni Ewropea, qatt ma xtaqt li nagħmlu l-pjazza biex tkun saret, iżda ridt nagħti l-ħajja lil din il-pjazza jew aħjar lill-komunità permezz ta’ din il-pjazza. Imbagħad mil-lat personali, għaliex jien dejjem niftakar lil missieri jeħodni r-Rabat il-Ħadd filgħodu, u mat-telgħa kien ikun hemm suq. Min ibigħ l-għasafar, min ibigħ il-qsari, min ibigħ prodotti agrikoli u dik dejjem ittimbrata f’moħħi u kienet bdiet tberren f’moħħi. Dan l-aħħar mort Londra u żort suq famuż f’Borough, u kien hekk. Affaxxinawni l-kuluri tal-prodotti u l-irwejjaħ tal-ħwawar, u għidt li rrid nagħmel xi ħaġa simili fir-raħal tiegħi, għax post għandna, bil-pjazza rinnovata u qiegħda adattata biex wieħed jorganizza dawn l-affarijiet, u minn hemm telqet l-idea. Iżda l-aktar importanti hu li l-flus li investejna fil-pjazza anke jekk ġew mill-Ewropa, ma jkunux flus rieqda iżda nkunu nvestejniehom fin-nies Għawdxin li min jinteressah, jista’ jagħmel l-aħjar użu mill-pjazza tagħna.”

Staqsejt lil Noel minn fejn ġab din il-kelma ‘swejjaq’ u xi tfisser eżatt. “Jien iffissat fuq l-ilsien Malti u ma rridx nuża l-kelma suq għax kulħadd imur għas-suq tal-jeans u żraben, u aħna ma rridux dak it-tip ta’ suq. Barra minn hekk ma rridux immorru għal xi ħaġa kbira, għax aħna m’aħniex kbar u la l-qafas hu żgħir, irridu li kollox ikun proporzjonat. Fittixt id-diminuttiv tal-kelma suq u sibt li hi ‘Swejjaq’, li bil-Malti tfisser suq żgħir.”

Is-sindku ta’ San Lawrenz qalilna wkoll li s-suq hu miftuħ għall-artiġġjanat. Jiġifieri kull min kapaċi jagħmel xi ħaġa artiġġjanali, għandu l-ispazju tiegħu hemm mingħajr ma jħallas għall-post. Il-flus jibqgħu għand min ibigħ il-prodotti tiegħu bħal fuħħar, newl, bizzilla, pittura u oħrajn. “Din qed issir purament biex nagħtu saħħa lill-artiġġjanat Għawdxi, u anke l-bidwi żgħir u ġenwin li joffri l-prodott tiegħu mingħajr ma jkollu pestiċidi jista’ jiġi hemm u jbigħu. L-importanti hu li min hu interessat jgħidilna qabel għax irridu naħsbu għall-armar skont l-ispazju li hemm.”

Noel Formosa is-sindku ta’ San Lawrenz
Noel Formosa is-sindku ta’ San Lawrenz

Noel Formosa qal li diġà hemm ħafna interess, iżda għad hemm spazju għal min jinteressah. Mistoqsi x’inhuma l-prodotti li diġà avżaw li se jkunu preżenti, Formosa qal li hemm min se jmur bil-qsari tal-ħwawar, hemm min se jmur ibigħ il-frawli u anke tfal li se jagħmlu ‘crafts’ u jbigħuhom, bil-flus imorru għall-festa. “Il-grupp folkloristiku tagħna se jsajjar kolazzjon tipiku Għawdxi u anke ikel tradizzjonali għall-pranzu, u wieħed jista’ jiekol hemm. Filgħodu se jkun hemm qassatat, pastizzi, kafè tipiku Għawdxi bit-taċċi tal-qronfol. Se nagħmlu mwejjed fejn dak li jkun jista’ joqgħod fuqhom, u jiekol fil-pjazza waqt li jaqra l-gazzetta. F’nofsinhar se jissajjar ikel differenti bħat-torti tipiċi Għawdxin u varjazzjoni ta’ ikel tipiku u tajjeb.”

 

Is-sindku qal ukoll li min se jkun preżenti mhux se jitħalla jiekol u jixtri fis-silenzju iżda se jkun hemm id-daqqaqa Maltin, il-folk group jiżfen u se jkun hemm żewġ ‘tours’ fil-knisja bi gwida professjonali. “Aħna għandna pitturi ta’ Giuseppe Cali li mhux kulħadd jaf dwarhom, u jkun hemm quddiesa wkoll tal-10.30am. Ħsibna għal kollox biex wieħed jiġi jqatta’ nofstanhar fil-pjazza fejn se jkun hemm logħob għat-tfal ukoll u se jkun imżanżan ‘bouncing castle’ għall-ewwel darba f’Għawdex, u b’hekk tkun ħarġa għal familja kollha.”

 

Hu fatt li kull turist li jżur Għawdex, jgħaddi minn ħdejn din il-pjazza fi triqtu lejn id-Dwejra, u allura din qed tintuża bħala passaġġ għad-Dwejra. Dan il-fatt iħajjar lis-sindku ta’ San Lawrenz li dan is-suq isir attività regolari li tħajjar lit-turist jieqaf waqfa sal-pjazza tar-raħal? “Dak hu l-ħsieb. Din hi prova proprju għal dan l-iskop li tkun xi ħaġa kontinwa. Se nużaw dan is-swejjaq biex nitgħallmu minnu.

 

Is-suq tat-Tokk 100 sena ilu minn fejn ħarġet l-idea
Is-suq tat-Tokk 100 sena ilu minn fejn ħarġet l-idea

“Dan l-aħħar ħames snin infaqna €2 miljuni u hu dnub li tant turisti jgħaddu minn quddiem il-pjazza tagħna u jibqgħu għaddejjin. Fost il-proġetti li għamilna mill-fondi Ewropej hemm ir-restawr tal-Knisja, u issa bdejna niftħu l-Knisja bejn il-11am u s- 2pm, biex it-turisti jieqfu u jżuruha fejn ikkalkulajna li f’sena waqfu madwar 6,000 turist biex iżuru l-Knisja tagħna.” Noel Formosa tkellem dwar il-gwida li se jkun hemm tal-knisja li hu student li għadu kif għamel it-teżi fuq l-arti fil-knisja ta’ San Lawrenz, “u dan se jżid l-apprezzament aktar ta’ dak li huwa tagħna bħalma huma l-pitturi ta’ Ġużeppi Calí u Pawlu Camilleri Cauchi, xogħol ta’ Abraham Gatt u oħrajn.”

 

“Għalina hu fattur fenomenali u li jagħtina kuraġġ li l-investiment li għamilna qed igawdu n-nies tar-raħal, anke finanzjarjament. Għandna ristorant wieħed fil-pjazza, u llum kuntent li qed ikollu iżjed xogħol, il-klabb tal-futbol beda jiftaħ il-bar tiegħu li qabel kien ikun magħluq. Dan ifisser li n-nies tal-lokal qed igawdu mill-proġett tal-Unjoni Ewropea, għax il-fondi mhumiex biss il-kostruzzjoni iżda l-effett li jħalli wara. Swejjaq hu ripple effect tal-proġett li sewa lill-Ewropa €2 miljuni.”

 

Noel Formosa qal li l-parkeġġ mhux se jkun problema għax il-grounds tal-iskola se jkunu miftuħa, u n-nies tal-lokal iddeċiedew li se jdaħħlu l-karozzi tagħhom fil-garaxx ħalli jħallu l-ispazju għal dawk li jżuru San Lawrenz għal Swejjaq.

 

Il-Kunsill qed joffri wkoll l-opportunità u spazju għal dawk il-pitturi li jixtiequ jmorru jpittru fuq il-post u jbiegħu l-pitturi tagħhom lil dawk preżenti. Se jkun hemm ukoll wirja ta’ karozzi umuturi ta’ epoka partikolari għall-wiri. Sabiex wieħed iżomm ruħu aġġornat ma’ dak li se jsir, il-Kunsill Lokali waqqaf paġna fuq Facebook li tiġi aġġornata kuljum.

 

More in G?awdex