6.4% taż-żgħażagħ Għawdxin jikkunsmaw l-alkoħol kuljum

Analiżi mit-Tabib Mario Saliba dwar il-bżonn tal-Isport f’Għawdex u x’qed isir

Mario Saliba favur l-Isport li jgħin kontra l-obeżità
Mario Saliba favur l-Isport li jgħin kontra l-obeżità

Fl-Ewropa r-rata ta’ l-inattività fiżika hija għolja. Minn stħarriġ tal-Eurobarometer tal-2012, 60% ta’ dawk l-Ewropej li wieġbu, qalu li huma kważi qatt ma jagħmlux eżerċizzju jew għamlu xi tip ta’ sport. L-inattività fiżika hija definita bħala nuqqas ta’ eżerċizzju fiżiku ta’ 30 minuta ta’ mill-anqas ħames darbiet fil-ġimgħa. 31% tal-popolazzjoni tad-dinja taqa’ taħt din id-definizzjoni u f’Malta r-rata tmur agħar minn hekk sa 72%, l-ogħla rata rreġistrata.

Nistgħu ngħidu li kull tip u ammont ta’ attività fiżika huwa ta’ benefiċċju għas-saħħa. Il-mixi hija l-attività ewlenija għall-adulti. Studji juru li kien hemm tnaqqis fil-mortalità u mard tal-qalb fl-irġiel ta’ mezza età jekk issir attività fiżika moderata b’mod regolari.  Dan huwa importanti mil-lat tas-saħħa pubblika peress li ħafna adulti huma relattivament inattivi globalment. Għalhekk, kull inizjattiva biex jiżdied l-eżerċizzju fiżiku hija ta’ min jinkoraġġiha għax hija waħda mill-modi  għall-prevenzjoni tal-mard. Attività fiżika regolari tista’ ttejjeb il-kwalità tal-ħajja, is-saħħa ġenerali, u s-sens ta’ benesseri.

Minn studju li kien sar madwar sentejn ilu fost iż-żgħażagħ Għawdxin instab li 38.8% miż-żgħażagħ Għawdxin ta’ bejn is-16 u l-24 sena kienu jikkunsmaw l-alkoħol ukoll.  Iktar minn hekk, 6.4% jixorbu l-alkoħol kuljum. (Sadattant minn tweġiba parlamentari ħareġ  li fl-aħħar tliet snin, f’Għawdex inqabdet persuna waħda biss taħt l-età f’diskoteka jew post ta’ divertiment, u l-ebda persuna ma tressqet il-Qorti għaliex inqabdet tbiegħ alkoħol lill-persuni taħt l-età.) 

Irridu nkunu pożittivi. Iż-żgħażagħ iridu u għandhom id-dritt jiddevertu. Kemm jekk għadhom jistudjaw kif ukoll jekk diġà qegħdin jaħdmu, irid ikollhom żmien ta’ mistrieħ u żmien ta’ aljenazzjoni,  fl-eżerċizzju fiżiku, fl-isport u f’postijiet ta’ divertiment, bi nhar u bil-lejl. 

L-isport u l-eżerċizzji fiżiċi taħt għamla jew oħra, dejjem jagħmlu ġid. U aktar ma jkollna inizjattivi u postijiet sportivi, aktar ikun possibbli li l-għadd ta’ żgħażagħ li jieħdu sehem attiv jew għall-anqas passiv, jista’ jiżdied. 

Iżda donna qed nistennew miraklu. Nittamaw li ż-żgħażagħ, meta jaslu fl-età kritika (li tvarja minn persuna għall-oħra), jibdew jehdew fl-isport mingħajr m’għandna kultura ta’ sport, speċjalment fl-iskejjel tagħna. Irridu nikkultivaw l-isport fit-tfal tagħna sa miċ-ċokon tagħhom biex imbagħad isibuha naturali li jehdew fl-isport meta jikbru. Inkella ma naslux. Però, d-divertiment meħtieġ ukoll. 

Dan ma jistax jiġri mil-lum għal għada. Imma aħna nemmnu li dan tassew hu fl-interess ta’ kulħadd. Nafu li hemm żgħażagħ li ma jiffrekwentax ċerti postijiet ta’ divertiment minħabba li jibżgħu minnhom. Bħalma hemm żgħażagħ li jfittxuhom għall-avventura. 

L-isport f’Għawdex ma kienx ingħata l-imporanza li suppost ingħata. Kien sar il-Kumpless Sportiv ħafna snin ilu, u ma sarx iktar investiment biex dixxiplini diversi, jingħataw l-importanza li għandhom bżonn. F’dawn l-aħħar snin rajna l-isport f’Għawdex jiżdied kemm f’dik li hi kwantità u kemm fid-diversità. Kumpless Sportiv  mhux ilaħħaq mal-bżonnijiet tal-isportivi Għawdxin u tal-pubbliku in ġenerali. Wasal iż-żmien li l-isport jitgħolla fuq il-pedestall li jixraqlu għal ġid ta’ uliedna u ta’ saħħitna. Din hija il-ħolma tal-Ministru għal Għawdex Anton Refalo li sa mill-ewwel xhur bħala Ministru beda biex iwettaq dan bil-fatti. 

Kienet idea tajba tal-Ministeru għal Għawdex li jinħatar Bord tal-Isport biex jħejji pjan għal-isport f’Għawdex u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu biex id-dixxiplini sportivi kollha jkollhom sehem u jtejbu x-xogħol tagħhom fid-dixxiplina sportiva tagħhom. Dan il-bord ikun jista’  jsegwi l-ħidma tal-għaqdiet kollha sportivi f’Għawdex u jkun jista’ jimplimenta strateġija ġenerali ta’ ħidma favur l-isport u l-attività fiżika anke fost il-pubbliku ġenerali.

Dan il-kumitat, barra li jara li jtejjeb l-faċilitajiet sportivi billi jsiru oħrajn ġodda, isir użu aħjar minn dawk eżistenti u jibdew ukoll jintużaw iktar il-faċilitajiet li hemm fl-iskejjel tal-gvern bil-koperazzjoni tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni u tal-Kunsilli Lokali. 

L-attività fiżika hija tajba mhux għat-tfal biss imma għal kulħadd. Instab li kemm fit-tfal u kemm fl-adulti, l-ammont ta’ kemm jagħmlu ezerċizzju fiżiku jiddependi minn kemm  żmien jgħaddu barra. Allura fi kwalunkwe programm jew proposta, it-tfal u ż-żgħażagħ huma mħeġġa biex iqattgħu inqas ħin fuq il-kompjuter, u jqattgħu aktar ħin barra. Jekk il-mixi huwa ideali fix-xitwa, tkun idea tajba biex fis-sajf jinkoraġġixxu lin-nies b’mod ġenerali li jgħumu u ż-żgħażagħ biex jieħdu sehem fl-isports tal-ilma. F’Għawdex qatt ma kien hemm pixxina għall-isport tal-baħar, la fil-baħar għas-sajf u lanqas fil-magħluq għax-xitwa. Għalhekk dan il-bżonn huwa wieħed mill-prijoritajiet tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ministru Refalo diġà kkommetta ruħu li din il-ħolma ssir realtà.   

It-tabib Għawdxi li jattwa dak li jippriedka: Għix ħajja attiva
It-tabib Għawdxi li jattwa dak li jippriedka: Għix ħajja attiva

Huwa magħruf li l-aċċess għall-programmi ta’ attività fiżika u l-faċilitajiet sportivi se jinkoraġġixxu lin-nies biex jużawhom. Programmi ta’ attività fiżika jeħtieġu li jiġu offruti lil setturi differenti tal-popolazzjoni bħas-setturi kollha jibbenefikaw minnhom, inklużi l-persuni b’diżabbiltà u anzjani. Fuq dan, qed jaħdem bis-sħiħ is-Segretarjat  għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà u Anzjanità Attiva. Xi drabi nagħmlu l-iżball li naħsbu li l-isport u l-persuni b’diżabbilità ma jmorrux flimkien! Hawn irrid insellem lill-isportiva żagħżugħa Maria Pia Saliba, tfajla Għawdxija mix-Xewkija li għamlet unur lilha, lil familja tagħha, lil Malta u speċjalment lill-Għawdex meta ħadet lejn il-gżira Għawdxija tliet midalji mirbuħa fl-Ispecial Olympics li saru f’Ċipru. 

Attivitajiet fiżiċi differenti huma mwettqa f’sitwazzjonijiet differenti u għal xi attivitajiet ikollok bżonn tagħmir speċjali. Huma evidenti li f’Għawdex ftit kellna minnhom u l-Ministru għal Għawdex qed jaħdem flimkien mas-Segretarju ħabrieki Għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sports, Chris Agius biex jkun hawn iktar investiment fil-qasam sportiv u l-faċilitajiet sportivi f’Għawdex. Għawdex għandu jgawdi wkoll f’dan il-qasam u anke hawn, SportMalta qed tgħin biex l-isportivi Għawdxin ikollhom ukoll iktar opportunitajiet biex itejbu l-livell tagħhom f’diversi dixxipplini. 

L-isports complex għandu jkun attrezzat b’iktar apparat u l-għaqdiet kollha jingħataw il-ħin u l-mezzi kollha li hemm bżonn biex ikunu jistgħu jipprattikaw id-dixxiplini tagħhom. Hemm ukoll l-iskejjel tal-istat li għandhom joffru l-faċilitajiet tagħhom lill-komunità kollha biex din tkun tista’ tagħmel użu minn dawn il-faċilitajiet wara l-ħin tal-iskola. Fl-irħula kollha ta’ Għawdex, hemm spazji fejn in-nies tista’ tagħmel mixja qrib fejn tgħix jew xi għamla ta’ attività fiżika oħra. Għalhekk, il-Kunsilli Lokali jistgħu jorganizzaw attivitajiet fiżiċi fil-lokalità tagħhom u l-eżerċizzju u programmi ta’ fitness għas-setturi differenti tal-popolazzjoni u wkoll jittejjeb l-ambjent billi joħloq spazji għall-isport u jippromwovu l-użu tagħhom. In-nies jeħtieġ li jiġu motivati biex jagħmlu d-deċiżjonijiet tagħhom stess favur saħħithom.  

Il-Bord tal-Isport qed jikkordina l-ħidma tiegħu mal-iskejjel biex isiru attivitajiet għall-istudenti u jiddaħħlu dixxipplini ġodda. L-awtoritajiet tal-edukazzjoni qegħdin ukoll jagħtu iktar importanza lill-edukazzjoni fiżika fl-iskejjel primarji sa anke fil-klassijiet tal-Kinder. It-tfal għandu jkollhom iktar sigħat ta’ tagħlim dwar attività fiżika li tinkludi l-edukazzjoni fiżika u ħin rekreattiv bħala parti minn programm ħolistiku ta’ edukazzjoni.

F’Għawdex għandna numru ta’ klabbs u NGOs li huma attivi ħafna u jixtiequ li jkollhom iktar appoġġ u għajnuna biex itejbu l-faċilitajiet tagħhom u jattiraw iktar nies biex jipprattikaw xi sport. 

F’Għawdex kien hawn bżonn li l-isport jerġa’ jingħata l-importanza li tixraqlu u jitpoġġa fuq quddiem tal-aġenda. Prosit lil Ministeru t’Għawdex għal din l-inizjattiva u nawgura li l-Bord tal-Isport ħidma fejjieda għal ġid ta saħħitna u tal-isport f’Għawdex.

More in G?awdex