Tabib fl-isptar t'Għawdex mixli li seraq mediċini li jintużaw minn nisa tqal

Jingħata l-liberta proviżorja

Tabib fl-isptar t'Għawdex tressaq il-qorti din il-ġimgħa, mixli b'serq ta' mediċini li ġeneralment jintużaw minn nisa tqal biex itaffu l-uġigħ tal-ħlas.

It-tabib, li mhuwiex Malti iżda ilu jaħdem fil-qasam mediku lokali għal 'il fuq minn 9 snin, instab fil-pussess ta' numru ta' kaxxi tal-mediċina ‘pethidine’ li kienu ttimbrati bħala propjetà tal-Gvern Malti.

‘Pethidine’ ġieli tiġi abbużata għal skopijiet ta' divertiment, iżda l-imputat insista li kien qiegħed juża din il-mediċina wara li kien weġġa’ aċċidentalment.

L-ispettur Edel Mary Camilleri ressqet l-imputat quddiem il-maġistrat Joanne Vella Cuschieri ġewwa l-qorti tal-Maġistrati t'Għawdex. Din spjegat li t-tabib ma kienx taha spjegazzjoni sodisfaċenti ta’ kif spiċċat għandu din il-mediċina kollha. Ma kienx jidher li dawn kienu għall-użu personali.

Hu ċaħad l-imputazzjonijiet. L-avukat difensur Lucio Sciriha talab li jingħata l-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest.

Il-qorti ordnat li l-imputat jingħata l-ħelsien, kontra depożitu ta' €1,000 u garanzija personali ta' €5,000.

More in G?awdex