Sharon Calleja: Awtriċi, attriċi, studenta tal-liġi u omm

•    Ippublikat l-ewwel ktieb tagħha ‘Ċagħaq’

•    Iddedikatu għat-tliet ħutha subien li mietu qabel saret tafhom

Calleja f’Eklissi miktub minnha stess
Calleja f’Eklissi miktub minnha stess

Dawk kollha li jħobbu jaraw is-serje televiżivi fuq l-istazzjonijiet Maltin, żgur li f’xi ħin jew ieħor iltaqgħu ma’ tfajla bjonda, protagonista bl-isem ta’ Sharon Calleja.

Sharon fil-fatt hi omm żagħżugħa Għawdxija b’diversi talenti. Talenti li normalment taqsamhom mat-telespetatturi televiżivi, sew f’dik li hi kitba ta’ scripts kif ukoll bħala reċtar. Għax Sharon hi kittieba ta’ serje televiżivi, attriċi fl-istess serje miktuba minnha u fil-preżent qed tistudja l-liġi, barra li trid taqdi r-responsabbiltajiet ta’ omm ukoll. Omm ta’ żewġ subien, Sevaniah ta’ 10 snin u Kaylen ta’ 6 snin.

Sharon fil-fatt twieldet Għawdex 37 sena ilu, iżda ta’ ftit xhur ittieħdet il-Kanada fejn kellha t-trobbija tagħha hemmhekk sa meta kellha 10 snin, meta rritornat flimkien mal-ġenituri tagħha ix-Xagħra Għawdex fejn issa ilha tgħix għal dawn l-aħħar 27 sena. 

Il-qoxra tal-ktieb ‘Ċagħaq’
Il-qoxra tal-ktieb ‘Ċagħaq’

Iltqajt ma’ Sharon f’lukanda ewlenija Għawdxija u tkellimna dwar il-karriera tagħha u ħajjitha. Bdiet tgħidli kif minn meta kellha tmien snin kienet tħobb taqra stejjer tal-biża’, “minn dejjem kien jogħġobni l-horror, u kont anke nikteb stejjer tal-biża’ u poeżiji tal-biża’, dejjem bl-Ingliż għax sa 10 snin lanqas kont naf naqra bil-Malti.” Sharon hi bint unika u l-fatt li meta ġiet tgħix Għawdex damet ftit ma ntegrat u ma għamlet ħbieb, kien ikollha ħafna ħin waħedha, “kont ftit maqtugħa u dejjem nimmaġina ħafna iħirsa”

“Ta’ 12-il sena ommi tatni rigal li nibda kors ta’ korrispondenza tar-‘writers Bureau London’ u tgħallimt nikteb scripts, kotba u artikli. Bdejt nikteb stejjer qosra tal-biża’ u t-tfal tal-iskola kienet dejjem jitolbuni niktbilhom xi storja u bdejt insir popolari fl-iskola u għamilt ħafna ħbieb. Jien qatt m’emmint fija nnifsi u qatt ma ħlomt li l-istejjer tiegħi se jaslu sat-televiżjoni. Persuna li għeni ħafna kien Manwel Micallef li meta kien mal-Favourite Channel kienu talbu għal script ta’ episodju u jien kont issottomettejt episodju, u qalli li kien tajjeb ħafna u nkoraġġieni ħafna. Sadanittant, ta’ 18-il sena bdejt nikteb play fil-ġimgħa mal-Bronk. Ma kontx nagħmel dan għall-flus iżda għax inħobb nikteb.”

Ma noħlomx li ngħix Malta, għax Għawdex inħobbu, iżda l-iskariġġ tal-vapur iġegħelni nbati ħafna

Fil-fatt Sharon kitbet is-serje ‘Rubini’ li kien dirett minn Ray Calleja, idderiġiet ma’ Lino Grech ‘Ħażen u Mrar’ u kitbet ‘Eklissi’ li dderiġiet ma’ Raphael Farrugia. Ingħatat ukoll l-Għarb Cultural Award għall-kitba fl-2011.

Il-fatt li hi Għawdxija qatt tellifha minn dan ix-xogħol li tant tħobb? “Ma noħlomx li ngħix Malta għax Għawdex inħobbu, iżda l-iskariġġ tal-vapur iġegħelni nbati ħafna għax li tispiċċa filming f’nofsilejl u trid taqbad il-vapur tas-sagħtejn ta’ filgħodu hi wisq battikata u tagħmillek dak li tħobb, diffiċli ħafna.”

Sharon qaltli wkoll li l-kitba u r-reċtar qatt ma qallgħuha flus, “anzi ġieli biex ngħolli l-livell biex nipproduċi dak li nkun ktibt, noħroġ il-flus mill-but. Il-flus li naqla’ hu bix-xogħol tiegħi u mhux b’dak li nħobb nagħmel.” Fil-fatt Sharon hi impjegata maċ-ċivil fejn kienet taħdem mal-Affarijiet Barranin, mad-Dipartiment tas-Salarji li tgħid li kien l-aktar xogħol ta’ dwejjaq li qatt ħadmet, u issa ilha tliet snin taħdem il-Qorti fejn anke dan taha viżjoni oħra.

“Meta bdejt naħdem il-Qorti mal-kriminal, ix-xogħol vera għoġobni. Fil-fatt għamilt diploma bħala deputat tal-kriminal u xahrejn ilu tellgħuni naħdem il-Qorti t’Għawdex mal-maġistrat Mifsud. Dan ix-xogħol vera daħal fija, anke li mmur mal-maġistrati nżuru xeni ta’ suwiċidju, qtil u katavri.” Jidher li l-imħabba lejn il-makabru u l-biża’ baqa’ jiġi minsuġ fiha, fejn barra li kienet taqra u tikteb stejjer qosra tal-biża’, tikteb serje televiżivi u tirreċta dwar suġġetti bbażati fuq l-orrur, issa anke fil-ħajja reali bdiet tiltaqa’ mal-orrur li ġġib magħha l-ħajja.

Sharon Calleja
Sharon Calleja

Tant hu hekk, li issa ddeċidiet li tibda tieħu l-kors tal-liġi u tinsab fl-ewwel sena tiegħu, “għalissa daħħalt f’moħħi li nieqaf meta niggradwa bħala nutar, iżda billi għandi ħajja kkulurita għandi dubju nkomplix għal avukat tal-kriminal.”

Wara l-istejjer qosra li kienet tikteb, Sharon dejjem xtaqet li tikteb ktieb, u fl-aħħar irnexxielha tagħmel dan meta għall-aħħar ta’ dan ix-xahar se joħroġ għall-bejgħ l-ewwel ktieb ippubblikat minnha. ‘Ċagħaq’ hu ktieb ta’ 350 paġna li ilha tiktbu ’l fuq minn 8 xhur, dwar storja ta’ tifla li tisparixxi u tħalli traċċi ta’ ċagħaq lil ommha biex ssib eżatt x’sar minnha.

Mitluba tgħidli minn fejn ġiet l-idea ta’ din l-istorja, Sharon qaltli, “jien ngħix fl-istejjer tiegħi, ngħix fil-ħolm. Tant hu hekk li lanqas naf min joqgħod ħdejja. Meta ma nkunx qed nikteb, inħobb mmur ‘camping’, bil-karavan, hikes u nsiefer. Filwaqt li naqra ħafna kotba tal-biża’.”

“Il-ħsibijiet tal-istorja tal-ktieb kienu jiġuni jew mal-lejl fejn kont inqum nikteb xi 10 paġni, jew inkun qed nisma xi diska u tiġini l-muża, u ġieli nagħmel ġimgħa ma niktibx vers. Jien moħħi dejjem jaħseb u kulma naħseb niktbu. Waqt li nkun qed nikteb l-istorja, ġieli nibki u ġieli nidħak għax jien l-istejjer tiegħi ngħixhom dak il-ħin.”

Meta mistoqsija dwar x’qed tistenna minn dan il-ktieb, dritt weġbitni, “li jaqraw l-istorja tiegħi. Naf li min se jaqra l-ktieb se jħoss ħafna l-emozzjonijiet tal-kitba tiegħi għax jien nemmen f’dawn l-emozzjonijiet.”

Sharon qaltli wkoll li hi ddedikat dan il-ktieb lit-tliet ħutha subien mejta, “wieħed miet wara ġimgħa li twieled, wieħed kellu ‘still birth’ u fl-ieħor ommi kienet korriet. Dan minħabba problema medika tal-ġenituri li ma setgħux isalvawhom. Iżda dawn jibqgħu ħuti li qatt ma rnexxieli ngħix magħhom u l-ktieb iddedikajtu lilhom.”

Waqt li nkun qed nikteb l-istorja ġieli nibki u ġieli nidħak għax jien l-istejjer tiegħi ngħixhom dak il-ħin

Sadanittant Sharon qaltli li hi qatt ma sabet lil ħadd jinkoraġġiha dwar kitba u reċtar, “għax il-ġenituri tiegħi dejjem riduni nagħfas fuq l-iskola, iżda jien il-kitba dejjem tatni sodisfazzjon.” Mistoqsija x’tagħżel li l-aktar jagħtiha sodisfazzjon, jekk hux li tkun awtriċi jew attriċi, Sharon qaltli bla tlaqliq, “awtriċi bla dubju.”

Sharon temmet tgħidli li tieħu gost ħafna meta jwaqqfuha fit-triq u jgħaddula l-kummenti dwarha u dwar is-serje televiżivi li tkun tieħu sehem fihom, għax temmen li r-rispons tan-nies hu importanti ta’ kif qed joħduha n-nies fit-triq. Qaltli wkoll li wliedha jħobbu jsegwuha wkoll u speċjalment iż-żgħir isegwiha anke fil-programmi tal-biża’ anke jekk skont hi, hu jibża’ ħafna.

More in G?awdex