Il-MPE Therese Comodini Cachia u Marlene Mizzi b'ħidma konġunta favur is-settur sportiv f'Għawdex

Delegazzjoni mill-Gozo Sports mistiedna fi Brussell

Matul l-aħħar jiem delegazzjoni komposta minn uffiċjali varji mis-settur sportiv f'Għawdex ġew mistiedna mill-Membri tal-Parlament Ewropew (MPE) Maltin Therese Comodini Cachia u Marlene Mizzi biex jiddiskutu l-isfidi li qed jiffaċċjaw kif ukoll biex jiffamiljarizzaw ruħhom mal-opportunitajiet li l-UE toffri sabiex tappoġġa l-isforzi tagħhom.

Id-delegazzjoni ltaqgħet ma uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea fejn ġie diskuss l-aċċess għall-fondi permezz tal-programm Erasmus+ kif ukoll avvenimenti u inizjattivi sportivi li minnhom jistgħu jibbenefikaw l-istess għaqdiet. L-uffiċjali sportivi Għawdxin qajmu wkoll sfidi varji fosthom il-ħtieġa ta' standard ogħla fejn jikkonċerna riżorsi umani għat-taħriġ u faċilitajiet adegwati meħtieġa. Ġie diskuss ukoll il-ġlieda kontra l-match fixing, id-doping u lir-rwol tal-isports fl-integrazzjoni ta' kulturi differenti.

Id-delegazzjoni ltaqgħet ukoll mal-MPE Santiago Fisas Ayxela, ko-president tal-Intergrupp tal-Isport fil-Parlament Ewropew fejn ġie diskuss il-ħtieġa li l-politika Ewropea għall-isport tħares ukoll lejn l-isfidi ffaċċjati mill-organizzazzjoni sportivi żgħar minn reġjuni periferiċi u gżejjer. Il-MPE Fisas Ayxela wiegħed lid-delegazzjoni li ser jiddiskuti t-tħassib tagħhom fi ħdan l-Intergrupp tal-Isport u mal-Kummissjoni Ewropea.

MPE Marlene Mizzi (Grupp S&D) qalet "Huwa bi pjaċir li jien ko-ospitajt iż-żjara tal-uffiċjali sportivi Għawdxin fil-Parlament Ewropew għax nemmen li l-isport huwa importanti ħafna għal soċjetà b'saħħitha, speċjalment ladarba t-tfal Maltin jikklassifikaw ħażin fil-indiċi tal-obeżità. Iddiskutejna l-problemi loġistiċi u oħrajn, li gżejjer bħal Għawdex jiffaċċjaw minhabba l-insularità doppja. Bħala membru tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (CULT) jiena impenjata li nagħmel ħilti kollha biex nippromwovi u nqajjem kuxjenza dwar l-importanza tal-isports u l-inklużjoni ta’ dan is-settur fil-kurrikulu nazzjonali. Programmi tal-UE bħall-Erasmus+ huma maħsuba biex jassistu fil-promozzjoni u l-finanzjament tal-isport, speċjalment fejn it-taħriġ u l-kompetenza huma kkonċernait. Imma inħoss li l-isport għadu meqjus bħala suġġett sekondorju f'numru ta' skejjel. Hemm probbabilta’ akbar li tfal li huma involuti fl-isports jikbru f'adulti b'saħħithom kemm fiżikament kif ukoll psikoloġikament u huma anqas probbabilita’ li jsibu rwieħhom fl-inkwiet mal-liġi. Ir-raġel tieghi, membru tal-ġudikatura li għandu għal qalbu lis-sports u li ħadem fil-Qorti kriminali jemmen li "Keeping children on the courts is keeping them away from the Courts". Il-Ġenituri u l-edukaturi m'għandhomx jissottovalutaw il-benefiċċji ġenerali tal-isports għas-soċjetà."

 

Waqt laqgħa li saret mad-delegazzjoni Therese Comodini Cachia (Grupp PPE) irringrazzjathom għall-isforzi tagħhom sabiex tipi differenti ta' l-isports isiru aktar aċċessibbli għat-tfal u ż-żgħażagħ Għawdxin. F'kumment wara l-laqgħa hija ddikjarat li "B'din iż-żjara aħna rnexxielna naqqsu d-distakk bejn id-delegazzjoni sportiva Għawdxija u l-UE. Id-delegazzjoni kellha laqgħat siewja li fiha ndunaw bl-opportunitajiet reali li s-sħubija tal-UE toffri lill-isforzi tagħhom fil-qasam tal-isports. Huma ser iħallu Brussell b'għarfien ta' kif jistgħu jieħdu benefiċċju sħiħ minn programmi li joffru sapport finanzjarju lis-settur sportiv bħall-Erasmus +. Ninsab ħerqana li l-proġetti tagħhom ikunu ffinanzjati għaliex nemmen li dawn se jipprovdu lit-tfal u żgħażagħ Għawdxin kif ukoll kowċis tagħhom b'opportunitajiet ta' taħriġ f'Għawdex u lil hinn. Il-parteċipazzjoni f'attività strutturata u mhux strutturata hija fundamentalment importanti u nappella lill-gvern Malti biex jiżgura li biżżejjed riżorsi jiġu diretti lejn l-isports f'Għawdex." Comodini Cachia hija r-rapporteur tal-Grupp PPE dwar il-proċeduri tal-implimentazzjoni tal-programm Erasmus+.

 

Il-MPE Therese Comodini Cachia u Marlene Mizzi huma membri tal-Kumitat CULT fil-Parlament Ewropew li huwa wkoll responsabbli għall-Isport.

More in G?awdex